Jan 26, 2013

Nirbħu kull sfida b’entużjażmu u kreattività



Laqatni ħafna l-Prim Ministru meta il-bieraħ filgħaxija tkellem dwar il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u l-125 proposta li hemm fih. Qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem ħares lejn il-futur ta’ pajjiżna u poġġa prioritajiet skont iċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien partikolari.   Kien għalhekk li dan il-Partit dejjem kien kapaċi jiġġedded u kien ukoll għalhekk li baqa’ jingħata l-fiduċja mill-poplu.

Qed ngħixu f’dinja ta’ bidla kontinwa minħabba l-evoluzzjoni fit-teknoloġija kemm fuq il-bank tax-xogħol kif ukoll fi djarna.  Għalhekk, waħda mill-isfidi l-kbar li ffaċċjajna b’kuraġġ flimkien bħala poplu kienet l-aġġornament meħtieġ biex niżguraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ b’saħħitha u toffri opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd.  Illum qed ingawdu minn dan l-investiment għaqli.  Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa li għandha ekonomija b’saħħitha minkejja l-kriżi ekonomika li laqtet lid-dinja.  Dan l-investiment fil-ġejjieni hu mibni fuq il-fiduċja sħiħa li l-PN dejjem kellu fil-kapaċitajiet tal-poplu Malti li jirbaħ kull sfida b’entużjażmu u kreattività.

Fiduċja li qed tissarraf f’numru ta’ proposti maħsuba biex ikompli jiġġeneraw l-impjiegi, jinċentivaw aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ikompli jwessqgħu l-għodod tat-tagħlim, finanzi dejjem aktar sod, anqas piż ta’ taxxi, inċentivi favur in-negozji żgħar u medji.  Proposti li fil-jiem li ġejjin ser inkunu qed nisimgħu ferm aktar dwarhom u li fuqhom il-PN qed jerġa jitlob il-fiduċja tal-poplu.

Jien fiduċjuż fis-sens ta’ responsabbiltà tal-poplu Malti u għalhekk inkompli nħares lejn il-futur t’artna b’entużjażmu kbir.  Nemmen li lkoll għandna dak l-istint ta’ kreattività u innovazzjoni biex nibqgħu niżguraw futur fis-sod fejn ix-xogħol, is-saħħa u l-edukazzjoni jibqgħu s-sisien li fuqhom niggarantixxu serħan il-moħħ u għixien xieraq għalik u għall-familja tiegħek.  Mal-PN taf fejn int.

No comments: