Meta l-Opposizzjoni u għaqdiet ambjentali jsemmu
l-perikli marbuta mal-ħażna kbira tal-gass fuq vapur mostruż sorġut fil-bajja
ta’ Marsaxlokk, il-gvern jipprova ixejjen dawn it-twissijiet u jakkuża lilna li
qegħdin inxerrdu xniegħat foloz jew eżaġerati biex noħolqu l-biżgħa b’mod
artifiċjali u nallarmaw lill-poplu. Dak li qed ngħidu, però, huwa kollu
bbażat fuq rapporti tekniċi u opinjonijiet meqjusa anke ta’ espert rikonoxxut
mad-dinja kollha.
Fil-fatt, meta l-gvern jakkuża lill-Opposizzjoni li qed
toħloq il-biżgħa għalxejn (scare-mongering), qiegħed fil-fatt jitfa’ fuqna dak
li dejjem għamel huwa stess. Iktar riċenti, matul l-aħħar kampanja elettorali,
erġajna kellna lil Joseph Muscat ixerred tagħrif falz dwar il-power station
tal-BWSC bl-iskop li jallarma l-popolazzjoni ta’ Marsaxlokk u n-naħa t’isfel
ta’ Malta. Sfruttament mill-iktar ċiniku u bla skrupli ta’ niex morda
bil-kanċer; nies li ġew ‘esibiti’ fil-pubbliku biex sar teatrin bihom. Teatrin
krudili maħsub u mtella’ mill-partit laburista biex imexxu l-islogan qarrieq
tal-fabbrika tal-kanċer. Muscat daħħal f’ras in-nies li l-power station
il-ġdida u l-użu tal-Heavy Fuel Oil kien kien il-kaġun li nies fin-naħa t’isfel
tal-pajjiż kienu qed jimirdu bil-kanċer.
Niftakru meta s-Sur Leo Brincat kien ġie fuq programm
televiżiv bi flixkun mimli Heavy Fuel Oil. Bħallikieku kien dan l-HFO li kien
ħiereġ miċ-ċumnija tal-power station ta’ Delimara. Mela jekk ma kienx
‘scare-mongering’ dak, x’kien?
Imma, kif jgħid il-Malti, il-giddieb għomru qasir u
eventwalment jinqabad. Hekk ġralu Joseph Muscat. Dan l-aħħar kellna rapport
tekniku minn esperti Ingliżi indipendenti li jxejjen għal kollox dak li kien
jgħid Muscat u juri kif l-istorja tal-fabbrika tal-kanċer kienet kollha
invenzjoni li ħoloq hu biex jakkwista l-voti.
Esperti mill-University of West England ġew imqabbda
mill-MEPA jagħmlu studju tal-emissjonijiet fiz-zona ta’ marsaxlokk u
Birżebbuġa. L-istudji jinkludu informazzjoni dwar l-emissjonijiet kollha li
kien hemm bejn l-2009 u l-2013. Minnhom ħareġ li l-fatt li l-użu
tal-Heavy Fuel Oil ma għamel assolutament ebda differenza fit-tip u l-ammont
ta’ emissjonijiet! Ħareġ ukoll li matul il-perjodu li ġie studjat
l-emissjonijiet dejjem kienu taħt il-livelli minimi stabbilit mill-Unjoni Ewropea.
Jiġifieri, fi kliem ieħor, il-power station tal-BWSC qatt ma għamlet ħsara
lis-saħħa tal-popolazzjoni tal-inħawi.
U biex tagħqad, il-gvern issa qed jirrifjuta li jammetti
li kellu “żball” (għax mhux se nippretendu li jammetti li kien qed jigdeb
apposta) u l-Prim Ministru għadu jwebbes rasu u jmeri saħansitra
r-rapport, riżultat ta’ snin ta’ riċerka xjentifika serja u indipendenti. Għax Muscat jippretendi li hu infallibbli u
anki meta jkun ċar li żbalja, jibqa jgħid li għandu raġun hu. L-istess Leo Brincat, li ma kkummenta xejn fuq
dan ir-rapport. Mhux ghax mill-elezzjoni ‘l hawn tkellem hafna. Definittivament wiehed mill-aktar Ministri
ineffettivi u inezistenti !
No comments:
Post a Comment