Dec 10, 2012

Entużjażmu u passjoni


Ftit tal-ġranet ilu ġejt mistieden nassisti għal żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ li saru lill-istudenti tal-iskejjel sekondarji bħala parti mill-EU Robotics Week. Hemmhekk stajt nara b’għajnejja l-entużjażmu tat-tfal li kienu qed jipparteċipaw. It-tfal setgħu jibnu u jħaddmu r-robot tagħhom u jimmodifikaw il-funzjoni tiegħu permezz ta’ programming semplici li jiktbu huma stess. Gruppi oħra kienu qed jistennew bil-ħerqa sabiex jidħlu jagħmlu l-istess eżercizju ġaladabra jispiċċaw sħabhom. Tassew din hi inizjattiva ta min ifaħħarha għaliex qed tixpruna l-istudenti jkomplu jistudjaw f’settur li s-soċjeta ta’ llum tant tiddependi fuqu.  
 
Malta kienet wieħed minn dawn il-21 pajjiż li ħadu sehem f’din l-inizjattiva ewropea għat-tieni sena konsekuttiva. Matul din il-ġimgħa, ‘l fuq minn 450 student tas-sekondarja żaru wieħed minn 5 siti, l-MCAST, il-Holistic Institute of Technologies, l-STC Training Centre u l-Fakulta tal-Inġinerija kif ukoll il-Fakulta tal-Edukazzjoni ġewwa l-Universita’ ta’ Malta fejn kienu qed jiġu organizzati attivatajiet relatati ma din il-ġimgħa. Irrid nirringrazja lil Paul Cassar, il-koordinatur nazzjonali tal-EU Robotics Week, li għandu passjoni għat-teknoloġija.  Ħadt gost ninnota wkoll li l-maġġorparti ta' dawk li kienu qed jgħinu lill-istudenti kienu ta' sess feminili.  Fatt posittiv meta tikkonsidri li sa llum dan kien qasam iddominat mill-irġiel !
 
Din il-ġimgha ta’ attivitajiet relatati mar-robotika tittella għal żewg għanijiet prinċipali. L-ewwel u qabel kollox sabiex titqajjem aktar kuxjenza fost il-publiku nġenerali dwar l-importanza kbira tar-robots fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u li aktar ma jaddi ż-żmien aktar qeda tikber. It-tieni, u forsi l-aktar għan importanti, hu li tinkoraġixxi aktar studenti sabiex jistudjaw il-qasam tat-teknoloġija u oqsma oħra relatati mar-robotika. 
 
Is-sistemi hands-on huma dawk li l-aktar jecitaw lit-tfal tagħna.  Kien għalhekk li ili ninsisti li pajjiżna jkollu Hands-On Centre li jecita specjalment lit-tfal tagħna fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija.  L-esperjenzi bħal dawk organizzati mill-MCST (Malta Council for Sciences & Technology) sa mill-1995 ta’ Science Week, meta kont CEO tal-MCST, juruk bic-car li t-tfal jogħxew jiskopru meta tagħtihom opportunita’ li huma stess imiddu jdejhom.  B’sodisfazzjon kbir ninnota li l-MCST issa li ngħatat il-flus mill-Gvern centrali qed titrasforma l-binjiet mitluqa ħdejn il-Palazz ta’ Bighi f’centru ta’ hands-on science.

Dec 3, 2012

Jum il-Persuni b'dizabilita'


Illum huwa l-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilita’.  Huwa stamt li madwar 15 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja tbati minn xi forma ta’ diżabilita’.  Dan il-jum huwa ntiż biex iġiegħlna naħsbu b’mod partikolari fuq il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies u kif nistgħu nkomplu ngħinuhom iħossuhom parti mis-soċjeta’ tagħna.  
 
Irrid ngħid li pajjiżna għamel passi ta’ ġgant ‘l quddiem fil-qasam ta’ aktar aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’.  Twettaq xogħol imprezzabbli mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ li rrid insellmilhom għax-xogħol li jagħmlu.  Illum huwa obbligu legali li kwalunkwe applikazzjoni ta’ żvilupp trid tiġi kkonsultata ma’ din il-Kummissjoni biex inkomplu niżguraw li l-bżonnijiet ta’ dawn in-nies qed jiġu kkunsidrati.  
 
Sar ħafna pero għad baqa xi jsir biex flimkien inkomplu  nżarmaw l-ixkiel soċjali li għadhom jiffaċċjaw persuni b’diżabilita’.  Dan l-ixkiel huwa detrimentali mhux biss għall-persuni nfushom pero anke għas-soċjeta’ in ġenerali li għandha bżonn li jkollha ċittadini li jgawdu aċċessibilita’ biex ikunu jistgħu joffru l-aħjar potenzjal tagħhom.  Dan il-Jum għandu jgħina nirriflettu fil-kontribut li nistħgu nagħtu sabiex jitwettaq dan l-għan nobbli.  
 
Jien għandi esperjenza diretta ta’ persuna b’diżabilita’ għax għext f’dar fejn ommi tilfet id-dawl t’għajnejha ta’ 54 sena u għamlet 21 sena tgħix f’dan l-istat.  Rajt lill-ommi tbati pero rajtha wkoll iżżomm l-attitudni pożittiva tagħha waqt li baqgħet iżżomm ruħha utli.  Rajtha wkoll issofri l-konsegwenzi ta’ nuqqas t’aċċessibilita’ fl-ispazji pubbliċi ta’ pajjiżna u dawn l-esperjenzi ġiegħluni nifhem kif dak li għalina jittieħed for granted għal persuni b’diżabilita’ jfisser ħafna, f’ċertu każi jfisser li jistgħu jibqgħu jgawdu mobilita’.  Ovvjament l-ixkiel fiziku huwa biss wiehed mill-forom ta' xkiel li jtellef lil dawn il-persuni milli jilhqu l-milja tagħhom.  Hemm ukoll l-ixkiel socjali li rridu niġġieldu kuljum.

Nov 29, 2012

L-Għażla Responsabbli



Gvern responsabbli ikabbar il-gid, jincentiva lil dawk li jistghu joholqu x-xoghol, iharreg ghall-impjiegi tal-gejjieni u jwiezen lil dawk l-aktar dghajfa. Fl-opinjoni tieghi dan il-Budget jirnexxielu jaghmel dan kollu. Budget ta' llum li jiprepara ghal ghada. Kif dejjem ghamel il-PN fil-Gvern. Gvern responsabbli li għax ħadem bil-għaqal illum jinsab f’posizzjoni li jkompli jsaħħaħ dak li nkiseb s’issa u jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.  Budget li joffri viżjoni u programm konkret.  
 
Budget li bilkemm temmen li qed jitressaq f’mument daqstant partikolari fejn id-dinja għadha ssofri l-konsegwenzi ta’ kriżi finanzjarja liema bħalha.  U waqt li pajjiżi ġara tagħna qishom jinsabu f’tellieqa ta’ awsterita’, f’pajjiżna nistgħu noffru pakkett li se jkompli jtejjeb il-livell tal-għixien tagħna u ta’ wliedna.  Ħaddieħor qed inaqqas il-pagi u s-servizzi soċjali u jħabbat wiċċu ma’ qagħad rekord.  Aħna nħabbru żidiet fic-children’s allowance, tnaqqis tal-income tax, miżuri oħrajn ta’ inċentivi għan-nisa li jaħdmu u għan-negozji, firxa wiesa’ ta’ proposti ta’ Gvern li hu mimli idejat ta’ kif se jkompli jigwida dan il-pajjiż ‘l quddiem anke fil-maltemp. 
 
Fir-rigward tar-responsabbiltajiet Ministerjali tiegħi, dan hu Budget li għal darb’oħra qed jinvesti miljuni ta’ Ewro f’aktar proġetti ta’ tisbihta’ spazji pubbliċi.  Miżuri li jinċentivaw l-użu ta’ prodotti li jiġġeneraw enerġija minn sorsi nodfa, għajnuna u investiment fis-setturi tal-biedja u sajd, investiment fl-immaniġġjar tal-iskart, l-konservazzjoni tal-ilma u l-ħarsien tal-annimali.  
 
Il-Budget huwa termometru tas-saħħa tal-Gvern u tal-pajjiż.  Dan Budget li jkompli jikkonferma li dan pajjiż b’saħħtu mmexxi minn Gvern li għandu l-aħjar politika għal pajjiżna.  Gvern li jagħmel għażliet responsabbli.  Fi ftit xhur oħra ser ikun il-poplu li jintalab jagħmel l-għażla tiegħu.  Fiduċjuż li anke dik tkun għażla responsabbli għalina u għal uliedna.

Nov 28, 2012

Zammejna l-weghda taghna



Nhar il-Hadd li ghadda mijiet ta’ familji zaru l-Impjant tar-Riciklagg ta’ Sant’ Antnin f’Wied il-Ghajn li ghal darb’ohra fetah il-bibien tieghu ghall-pubbliku. Il-familji kellhom l-opportunità li jzuru l-operat tal-impjant filwaqt li kien hemm gurnata ta’ divertiment  ghall-familja kollha.  Kien atmosfera verament sabiha.  Jien mort ghal habta tan-nofsiegha u bejnietna hsieb li mhu se jkun hemm hadd dak il-hin peress li huwa l-hin tal-ikel.  Izda kont zbaljat.  Iltqajt ma’ bosta familji kwazi kollha bit-tfal maghhom u sahansitra ltqjt ma’ 6 turisti li anke huma hadu l-guided tour. 
 
Dan l-impjant sar b’investiment ta’ €27 miljun b’kofinanzjament tal-Unjoni Ewropea, minkejja l-opposizzjoni kollha li kellna niffacjaw minghand min suppost kien jaf ahjar, inkluz dak li llum huwa l-Kap tal-Opposizzjoni, Joe Muscat, li kien ghamel minn kollox biex jwaqqaf il-fondi tal-UE ghal dan il-progett.  L-ahhar estenzjoni ta’ dan l-impjant  tkun il-Mechanical Biological Treatment Plant (MBT Plant).   Minn kemm ilu jopera l-MBT madwar 88,000 tunnellata ta’ skart gew trattati biex issa mill-iskart qed tkun generata l-energija nadifa.
 
Dan wassalna biex nintroducu Good Neighbourhood Scheme li permezz taghha persuni li joqghodu f'ragg ta' 1.5km mic-centru tal-Impjant ta' Sant'Antnin issa se jibdew jircievu b’xejn 150 unit ta’ elettriku kull wiehed, permezz ta’ cheque li jissarraf meta jithallas il-kont tad-dawl. Biex naghti ezempju r-rebate fuq il-kont tad-dawl ghall-familja ta' 4 persuni se jkun ta' madwar 96 euro kull sena.  Din il-mizura ntlaqghet tajjeb hafna.  Konna weghdna li dan l-impjant se jitmexxa kif suppost u eventwalment ir-residenti fil-qrib igawdu anke minnu.  Ghal darb’ohra wrejna li l-weghdiet taghna nwettquhom. 
 
Matul l-ahhar 8 snin irnexxielna ndahhlu attitudni gdida fis-socjeta’ Maltija fil-qasam tal-immanigjar  tal-iskart. Bdejna s-sistema ta’ separazzjoni tal-iskart mid-djar permezz tal-iskema Irricikla t-Tlieta. Bejn l-2008 u Settembru 2012 ingabru madwar 60,000 tunnellata ta’ skart li dahal fl-impjant ta’ Sant’Antnin halli jkompli jigi separat halli jigi esportat. Barra hekk mic-Centri li jilqghu fihom skart goff fil-Maghtab, l-Imriehel, Hal Far, Hal Luqa, u x-Xewkija Ghawdex, il-WasteServ gabret aktar minn 85,000 tunnellata ta’ skart goff domestiku minn dawn is-siti.   Bl-iskart isepparat migbur ghar-riciklagg il-WasteServ esportat aktar minn 1700 container (tal-40 pied) bejn l-2009 u  Settembru  2012 b’valur ta’ ‘l fuq minn 3 Miljun Euro.

Nov 27, 2012

Favur il-ħajja


Il-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni Umani, jew kif nafuha aħjar, tal-IVF, issa hija approvata mill-istadji kollha tal-Parlament anke wara diskussjoni ntensiva ma’ diversi għaqdiet li jaħdmu favur il-ħajja, ma’ professjonisti, tobba u esperti fl-etika.  B’sodisfazzjon ninnota kif il-Gvern insista fuq prinċipji ewlenin u li dawn issa qegħdin fil-liġi. 
 
L-ewwel, il-ħarsien tal-ħajja umana sa’ mill-bidunett.  Dan Gvern favur il-ħajja u permezz ta’ din il-liġi se titħares il-ħajja tal-embrijun uman li jiġi konċeput bl-IVF. Koppja li għal xi raġuni ma jkunx jista’ jkollha tfal b’mod naturali, xorta waħda jkunu jistghu jkollhom it-tfal u jsiru genituri - dan minghajr ma jkun hemm effett negattiv fuq il-hajja tal-embrijuni li jigu konceputi bl-IVF. U l-IVF ma ssirx bla limiti u bla kontroll ghad-detriment tal-koppja nvoluta, ta’ wahda mill-partijiet jew tal-embrijuni.  Ghalhekk l-IVF se jigi regolamentat.
 
It-tieni prinċipju li hu l-ħolqien ta’ opportunita’ u tama għall-ġenituri li ma jistax ikollhom tfal b’mod naturali biex ikunu jistgħu jirrikorru għal metodi ta’ prokreazzjoni assistita.  L-IVF se jibda jingħata b’xejn mill-Isptar Mater Dei mis-sena d-dieħla.  Dan se jingħata lill-koppji miżżewġa u lill-koppji; mara u raġel; li huma f’relazzjoni stabbli.  Il-koppja tkun trid tagħti l-kunsens tagħha bil-miktub.  
 
Min jikser il-ligi jista’ jeħel multa sa 70,000 u sa 7 snin ħabs.  L-iffriżar tal-bajd se jkun possibbli, iżda ma jistax ikun hemm iffrizar tal-embrijuni ħlief meta t-trasferiment tal-embrijun fil-ġuf tal-mara ma jkunx possibbli minħabba s-saħħa tal-omm jew fuq ordni tal-Awtorita’ dwar il-Ħarsien tal-Embrijuni sabiex tħares il-ħajja ta’ dak l-embrijun partikolari. Nirringrazzja lill-Ministri Joe Cassar u Chris Said li mexxew din il-liġi u sabu bilanċ ekwu bejn kwistjonijiet etiċi u morali filwaqt li jkun irriaffermat li dan hu Gvern favur il-ħajja.

 

Nov 22, 2012

Rebha ghat-tolleranza u d-diversita'

Nhar it-Tlieta filgħaxija hekk kif waslet l-aħbar li l-Grupp Socjalista kien ivvota b’vot qawwi biex ma jappoġjax in-nomina ta’ Tonio Borg, qiesu qabditni dieqa kbira.  Mhux biss għax stajt nimmaġina l-falliment personali ta’ Tonio u l-falliment ta’ pajjiżna, imma għax bdejt nimmaġina l-falliment ta’ din l-Ewropa.  Bdew għaddejjin diversi ħsiebijiet minn moħħi f’mument fejn beda jħossni verament diżilluż. F’din l-Ewropa xi trid tkun biex tiġi accettat ?  Li tkun persuna li temmen, li tkun nisrani jew forsi agħar li tkun kattoliku, saret tpoġġik mhux biss fi żvantaġġ imma anke mhux accettat ?  

Xi tfisser tkun liberali f’din l-Ewropa ? Tonio kien diġa tkellem car li hu għandu t-twemmin tiegħu imma lest jimxi mad-decizzjonijiet tal-istituzzjonijiet ewropej u ma kienx se jinterferixxi mad-decizzjonijiet li kull stat għandu dritt jieħu hu għax ma hemmx obbligu ta’ posizzjoni komuni ewropea. X’tolleranza jemmnu fiha dawn il-persuni li jgħidu li huma liberali ?  Tolleranti biss sakemm taqbel magħhom ? Fejn hi d-diversita’ li jgħidu li jemmnu fiha dawn il-persuni li jgħidu li huma liberali fil-ħsieb u jappartjenu lill-partiti liberali, socjalisti u tal-ħodor ? Jew qed jipruvaw jikrejaw il-homo sapiens europeus ġdid, il-bniedem kopja ta’ dak ta’ ħdejh mingħajr valuri u bl-istess ideat ?   

Dejjem ġejna mgħallma li ma teżistiex politika mingħajr valuri, imma issa qiesu saret moda li taccetta kollox.  Qiesu mhux aktar accettabli li jien ikolli opinjoni imma naccetta wkoll l-opinjoni ta’ ħaddiehor, anke jekk dik ma taqbilx ma’ tieghi.  

Niddiskrivi l-vot tal-bieraħ, mhux biss bhala rebħa ghal Tonio u għal pajjiżna iżda fuq kollox rebħa għar-raġuni.  Rebħet il-liberta’ tal-espressjoni, rebaħ is-sens komun, rebħet it-tolleranza u rebħet id-diversita’. Din l-esperjenza jekk xejn għandha tgħallimna ħaġa oħra: li n-nisrani mpenjat fil-politika għandu triq għat-telgħa u jrid jipprepara ruħu sew.  U għalhekk li jien ili nisħaq li l-knisja f’pajjiżna għanda bżonn twaqqaf skola politika li tispira ruħa mill-wirt kbir tat-tagħlim socjali tal-knisja.  Il-knisja f’pajjiżna hemm bżonn timpenja ruħa aktar biex tiprepara lil dawk l-insara li b’sagrificcju jimpenjaw ruħhom fil-ħajja politika f’dinja li saret ferm aktar ikkomplikata mill-bieraħ. Għal darb’oħra nagħmel dan l-appell mill-qalb.

 

 

Nov 17, 2012

Digital politics



Fl-1996 kont l-ewwel kandidat tal-PN li għall-elezzjoni għamilt website. F’kumment li kont tajt dak iż-żmien lill-ġurnal in-Nazzjon kont għedt; “it-teknoloġija tal-informazzjoni qed tagħti opportunita’ ta’ komunikazzjoni aktar veloċi”.  Sa dakinhar l-użu tal-internet fil-verita ma kienx għadu użat mill-massa kif inhu llum imma kien diġa sar mezz ta’ komunikazzjoni veloċi. Illum sar mezz ferm aktar effettiv biex tikkomunika u ssir taf x’qed jiġri madwarek real time ! Meta bdejt nikteb il-blog tiegħi fuq l-internet fis-sena 2007 l-idea kienet li nwassal kultant żmien dak li nkun qed inħoss u nesprimi ruħi b'din l-għodda wkoll !  
 
Illum li qed ngħixu fl-era diġitali, fejn kważi kulħadd bl-ismartphones, tablets u laptops, l-partiti wkoll għarfu jisfruttaw dawn l-għodod ta' komunikazzjoni fosthom permezz ta' Facebook, Twitter, Youtube ecc. Dan stajna narawh anke fl-aħħar elezzjoni presidenzjali amerikana fejn il-kandidati u dawk vicin tagħhom kienu jibgħatu xejn anqas minn kważi 4 emails kuljum fl-aħħar parti tal-kampanja. Il-PN għalkemm beda tard biex jisfrutta dawn l-għodod, fil-verita' għamel qabża fenominali fi żmien qasir ħafna u llum qed jisfrutthom mill-aħjar biex mhux biss jibgħat il-messaġġi tiegħu imma anke biex iwieġeb għall-kummenti u l-mistoqsijiet tal-elettorat. 
 
Dawn l-ghodod jitfgħu wkoll pressjoni fuqi. Hekk kif nispicca l-homevisits ikolli bilfors nintefa fuq il-computer biex nirrispondi l-messaġġi li jidħlu specjalment fuq Facebook apparti mill-ħafna emails li nircievi. Ovvjament apparti li nagħmel ħilti biex naġġorna l-blog u l-website tieghi www.georgepullicino.pn li issa waslet fir-raba verzjoni taghha. Fi ftit ġranet oħra se nvara waħda totalment ġdida, aktar user-friendly u aktar interattiva. Nagħmel ħilti biex kemm jista’ jkun inwieġeb malajr lil dawk li jikkomunikaw mieghi.  Naprezza kummenti ta' kuraġġ u appoġġ daqs kemm naprezza kritika kostruttiva. Xi kultant nircievi anke kummenti minn xi persuni li minflok ma jinvolvu ruħhom f'diskussjoni kostruttiva, jispiccaw jgħaddu kummenti dispreġjattivi fuq il-volum tiegħi. Jaħasra x'faqar. Imisshom jafu li jien stess niccajta fuq il-volum tiegħi stess ! Bhal certi mexxejja moħħhom aktar fil-packaging estern milli fil-kontenut tal-politika. 
 
Dawn l-għodod mhumiex kollox. L-isbaħ kuntatt huwa l-kuntatt dirett specjalment face to face fiż-żjarat fid-djar. Imma nkunu boloħ jekk ma ngħarfux jekk li llum għandna pajjiż li għandu aktar minn 134,000 abbonat għall-broadband Internet – żieda ta’ 6.3% fuq is-sena 2011.  Il-mobile phones ukoll saru komuni u r-rata ta’ penetrazzjoni telgħet għal 130.2% - qabża ta’ 10.2% fuq is-sena l-oħra. Skond l-istatistika tal-Malta Enterprise, fl-2011 kien hawn 1,625 kumpaniji tal-ICT – qabża ta’ 65.5% meta mqabbel mal-2006.  Verament socjeta' trasformata. Ma tintarafx.