Oct 16, 2012

Anqas nitrati, anqas spejjeż


Mat-3,000 bidwi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jsirulhom numru ta’ żjajjar fl-għelieqi tagħhom biex isirilhom taħriġ kif jistgħu jikkontrollaw aħjar il-livelli tan-nitrati.  Dawn iż-żjajjar jifformaw parti minn kampanja ta’ informazzjoni għall-bdiewa u r-raħħala Maltin fuq l-obbligi li jaqgħu taħt il-Pjan ta’Azzjoni dwar in-Nitrati biex jitnaqqas il-livell ta’ nitrati  fl-ilma tal-pjan. Nofs in-nefqa ta’ din il-kampanja se tkun kofinanzjat mill-programm ta’ l-Unjoni Ewropea LIFE+, se jsir b’investiment ta’ €1.4 miljun. 
 
Waqt li llum żort għalqa ta’ tlett bdiewa stajt magħhom insegwi t-taħriġ li l-bdiewa se jkunu qed jingħataw biex permezz ta’ soil analysis kit,  li hu faċli ħafna biex jintuża, wieħed fi ftit ħin jista’ janalizza l-livell ta’ nitrati preżenti fil-ħamrija tiegħu.  
 
Din il-kampanja għanda tħalli 3 rebbieħa.  L-ewwel rebbieħ se jkun il-konsumatur għax se jkollu frott u ħaxix li se jkun espost għall-anqas fertilizzanti; it-tieni rebbieħ se jkun l-ambjent għax fuq numru ta’ snin se jkun hemm anqas kontaminazzjoni ta’ nitrati fl-ilma tal-pjan; it-tielet rebbieħ se jkun il-bidwi stess għax ġaladarba jiġi mgħejjun jutilizza anqas fertilizzant, allura se jispicca jifranka spejjeż fuq fertilizzant żejjed li sa llum qed japlika fuq il-frott u l-ħaxix tiegħu.   
 
Dan li qed jinbeda llum hu ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi favur il-konservazzjoni tal-ilma, li l-Gvern  Malti qed jagħmel biex jitħares l-ilma tal-pjan, tant li l-ġimgħa l-oħra l-Kummisjoni Ewropea stqarret li r-reġim ta’ kontroll li qed jiġi mplimentat f’pajjiżna fuq l-estrazzjoni ta’ ilma minn taħt l-art huwa eżempju ta’ best practice għall-pajjiżi ewropej l-oħra, specjalment dawk meditterranji.

 

 

 

 

No comments: