Ftit tal-ġranet ilu waqt
housevisit kien hemm mara li bdiet tkellimni fuq l-edukazzjoni kemm avvanzat
f’pajjiżna. F’ħin minnhom qaltli li fl-edukazzjoni “tant imxejna ‘l quddiem li
fl-Universita għandna 3,600 student”. Jekk 3,000 student fl-Universita’
rathom ħafna tant li kienet impresjonata bis-suċċess, tistgħu timmaġinaw kemm
skantat aktar meta għidtilha li l-Universita fil-fatt illum tikkonsisti f’aktar
minn 11,000 student u mhux 3,000 ! Bi popolazzjoni ta’ aktar minn 11,000
student u studenta l-Universita hi villaġġ ftit iżgħar minn Tas-Sliema, u akbar
mil-lokalitajiet bħan-Naxxar jew il-Ħamrun.
Kultant lanqas nintebħu aħna
stess kemm kibret l-Universita’ u kemm avvanzat is-sistema edukattiva
f’pajjiżna. Ftit statistika interesanti hi li meta jien spiċċajt l-istudji tiegħi
fl-Universita’ fl-1990 kienu daħlu bħala studenti ġodda 1,176 student. Illum
għas-sena 2012/2013 bdew din l-avventura f’ħajjithom 4,466 student b’aktar minn
nofshom ikunu nisa. X’differenza !
Il-korsijiet fl-Universita’
qegħdin kull ma jmur jiżdiedu u jwasslu biex l-Universita’ taġġusta wkoll għal
bżonnijiet tal-ekonomija maltija. Huwa għalhekk li fl-Univerista wkoll qed
tinbena fakulta’ ġdida tal-ICT, settur li kull ma jmur qiegħed dejjem jikber.
Mal-istudenti
tal-Universita wieħed ma jridx jinsa li hemm mas-6,000 student/a jistudjaw
f’oqsma differenti l-MCAST, fil-manutenzjoni tal-ajruplani, fl-IT u
fis-Servizzi Finanzjarji, fost oħrajn. Dawn in-numri b’mod naturali joħolqu
l-bżonn ta’ nfrastruttura akbar biex tlaħħaq mal-istudenti. Għalhekk qed isir
il-bini ta’ Campus ġdid tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Bhala gvern investejna bil-qawwi
fl-edukazzjoni ghax il-kredu taghna huwa bhal dak ta’ Benjamin Franklin: “An investment in knowledge pays the best
interest.”
No comments:
Post a Comment