Oct 5, 2012

Il-Foss tal-Birgu se jinbidel fi ġnien


Il-foss tal-Birgu, li fih madwar 9,800 metri kwadru, u li jieħdok minn taħt l-entratura tal-Birgu (jiġifieri taħt Courve Port) sax-Xatt tal-Kalkara se jinbidel fi ġnien rikreativ minn fejn wieħed ikun jista’ japrezza s-swar maestużi li jdawwru d-daħla tal-Birgu. Dan jista’ jsir hekk kif il-bieraħ l-MEPA approvat il-ħruġ tal-permess għar-riabilitazzjoni tal-foss.
 
Dan il-foss, li kien għal kollox mitluq għal ħafna snin u bis-swar ta’ madwaru kważi qed jikkollassaw, issa se jingħata dehra ġdida b’siġar, arbuxelli endemici, water features kif ukoll b’ passaġġ maħdum minn materjal riciklat.  L-iskala ta` dawn il-passaġġi hi tali li tirrispetta l-ambjent li qegħdin fih. L-ilma għat-tisqija ta’ dan il-ġnien se jintuża minn ġibjuni li diġa jeżistu fl-inħawi u li bħalissa l-ilma tagħhom ma jintużax.  Is-siġar li hemm fil-foss se jinżammu kollha ħlief għal dawk is-sigar li bħalissa jinsabu fuq l-istrutturi tal-Caponier tas-seklu 18 li nstab dan l-aħħar.  Dawn is-siġar se jiġu trasplantati fl-istess foss.   F’dan il-foss se jkunu kkreati spazji fejn wieħed jista joqgħod bilqegħda u japprezza l-wirt ta’ din il-Belt fortifikata tal-Birgu li qed tingħata d-dinjita’ li jixirqilha
 
It-tisbiħ tal-foss huwa parti minn kullana ta’ xogħol li qed jitwettaq ġewwa l-Birgu. Dan jorbot ma’ 1) ir-restawr fuq 4 km ta’ swar, 2) il-bini mill-ġdid tal-ħnejja li reġgħet għaqdet il-Bastjun ta’ San Ġwann, 3) il-ftuħ mill-ġdid tal-foss li kien intradam, 4) l-ġnien ieħor li se jsir minflok l-Oil Depot li nħatt u 5) mal-proġett ta’ pavimentar u installazzjoni ta’ servizzi ġodda fl-aktar parti antika tal-Birgu li tissejjaħ il-Collacchio.  Il-proġett tal-Collacchio mistenni li jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.  
 
Bla ebda dubju l-belt tal-Birgu qatt ma rat xogħol ġo fiha daqs kemm rat u se tkun qed tesperjenza fix-xhur li ġejjin. Dan li qed isir fil-Birgu huwa xiehda ta’ kemm dan il-Gvern jemmen fil-potenzal tal-Kottonera kif f’livell ta għixien aħjar għar-residenti. Dawn il-proġetti qed joħolqu x-xogħol kemm dirett biex isiru l-interventi meħtieġa kif f’investiment ieħor privat lejn l-inħawi.  Tant li bħalissa l-MTA għandha 8 talbiet biex jinfetħu hostels jew guest houses fil-Kottonera.  Xi ħaġa li sa ftit taż-żmien ilu lanqas biss kien joħlomha !

No comments: