Oct 31, 2012

Aktar siġar


Illum żort id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti li jinsab fil-limiti magħrufa bħala tal-Kmand bejn Ħal Lija u Ħ’Attard.   Dan id-Direttorat jagħmel studji dwar mard differenti li jaffetwa speċi ta’ siġar u pjanti kif ukoll jispezzjona diversi għelieqi, dan kollu biex ikun żgurat li l-mard li jista jkun jaħkem xi tip ta’ siġra jew pjanta jkun ikkontrollat u ma jinxteridx.  
 
Parti mill-art ta’ dan id-Direttorat ma kienetx tintuża u għalhekk kont żvillupajt il-ħsieb mad-Direttur tac-Centru, Dr.Marica Gatt, li jsir ġnien pubbliku fil-qalba tal-komunita’ li żviluppat f’din iż-żona. Mal-4,000 metru kwadru ta’ art se jingħata lin-nies. Dan il-ġnien se jkun ġnien b’differenza.  Ġnien li jservi ta’ vetrina tal-habitats differenti li nsibu fil-gżejjer tagħna, ez. żoni afforestati, maquis u xagħri. F’dan il-ġnien wieħed se jkun jista jsib siġar u pjanti li ma tantx għadni nsibu minnhom f’pajjiżna u li f’dan ic-centru jsir xogħol ta’ konservazzjoni u micro-propogation.  Għalhekk dan il-ġnien mhux biss se jservi ta’ post ta’ mistrieh u rikreazjoni iżda anke post ta’ edukazzjoni nformali dwar l-ekoloġija f’pajjiżna.   

Inkluż fil-proġett se jkun hemm bini ta’ laboratorji ġodda għaż-żrieragħ. Il-binja li se tinbena se sservi wkoll bħala ċentru tal-viżitaturi u spazju fejn ikunu jistgħu jiġu organizzati seminars u laqgħat. Id-Direttorat issottometta dan il-progett għal possibilita ta’ fondi taħt l-EARDF European Agricultural Rural Development Fund. L-investiment f’dan il-proġett se jkun ta’ ‘l fuq minn €2 miljun.

Ħabbart dan il-proġett proprju tlett ijiem qabel it-Tree Planting Day li se norganizzaw bħala parti mill-kampanja 34U.  Fl-aħħar seba’ snin f’pajjiżna tħawlu ‘l fuq minn 115,000 siġra ndiġena Maltija, fosthom żnuber, ballut, għargħar, ħarrub u żebbuġ. Jien dejjem ngħid li dan il-programm beda minn inizjattiva tal-Gvern seba’ snin ilu imma l-poplu għamlu tiegħu. Wieġeb b'qawwa kbira u adotta eluf ta' siġar.  L-appell tiegħi hu biex aktar familji jingħaqdu magħna nhar il-Hadd f’Għajn Tuffieħa, ħdejn il-camping site tal-iscouts bejn l-10am u l-5pm.  B’hekk l-imħabba lejn is-siġar nitraducuha f’azzjoni posittiva. Wieħed darba qal “The best time to plant a tree is twenty years ago. The second best time is now.”

 

 

 

No comments: