Nov 16, 2012

Premessa żbaljata


L-Opposizzjoni għandha ħabta tibni argument fuq premessa żbaljata u tiprova tieħu rikba bl-irħis. L-aħħar eżempju ta’ dan kienet l-istqarrija ta’ Leo Brincat meta qal li l-Gvern l-ewwel kien kontra solar farms u issa dawwar il-posizzjoni tiegħu favur. Il-Gvern qatt ma kien kontra solar farms, biss għax realisti dejjem aċettajna li minħabba l-qies u d-densita’ tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna, mhuwiex possibbli li f’pajjiżna jkollna s-solar farms kbar tad-dimensjoni li kellhom opportunita’ jagħmlu pajjiżi oħra, propju għax għandhom artijiet ferm akbar minn tagħna.  
 
Jien kelli okkażżjoni nżur solar farm kbir vicin il-belt Spanjola ta’ Sevilja.  Biex tiproduci enerġija għal madwar 70,000 dar (iġifieri qiesu nofs dak li għandna f’Malta) trid art għaxar darbiet dik tal-Belt Valletta. L-impjant ta’ Sevilja fih sa llum żewġ torrijiet ta’ 40 sular il-wieħed li jużaw teknoloġija ta’ concentrated solar thermal b’diversi mirja li jiffukaw ir-raġġi tax-xemx fuq solar receiver li jiproduci l-enerġija permezz ta’ steam turbine. Ovvjament jien għoxejt narah impjant bħal dak, imma issa għidli fejn nistgħu aħna realistikament nagħmlu wieħed bħalu ? Ovvjament dan ma jfissirx li ma jistax ikollna solar farms ta’ qies iżgħar anzi aħna favur tagħhom dejjem jekk ma jkunux f’żoni sensittivi ekoloġikament jew estetikament.  
 
Filwaqt li nifhmu l-limitazzjonijiet tagħna fl-istess ħin bil-fatti tajna l-eżempju meta: 1. Beda process biex madwar 100,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binijiet pubblici jitpoġġew fuqhom pannelli fotovoltaici; 2. Tajna għajnuna biex ‘l fuq minn 6,000 familja nstallaw l-panelli fuq il-bjut tagħhom; 3. Sostnejna 270 sid ta’ negozju jew fabbrika b’ €16-il miljun biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva,  4. Qed jaħdem biex jinstalla PVs fuq medda ta’ 6,000 metru kwadru ta’ art bħala parti mir-riabilitazzjoni tal-miżbla l-magħluqa tal-Qortin; u 5. Introducejna feed-in-tariff kemm għal familji kif ukoll għan-negozji
 
Leo Brincat qalilna li dan il-Gvern biddel fehmtu fuq solar farms għax il-pjan għall-enerġija mir-riħ falla. Gidba oħra. Il-Gvern għaddej b’aktar studji biex isir dan il-proġett. Leo Brincat jaqbel li jsiru dawn l-istudji jew qed jipretendi li l-Gvern jinjora l-istudji ambjentali u jimxi biex jinstalla ?  Fuq l-issue tal-enerġija nadifa Leo Brincat biex ikun kredibbli jrid jwieġeb b’mod car dawn it-3 mistoqsijiet: 1. Jista’ jispjega huwiex favur impjanti oħra bħal dak ta’ Sant’Antnin li jiġġeneraw l-enerġija mill-iskart ? 2. Jaqbel li mill-iskart noħolqu l-enerġija permezz ta’ teknoloġiji diġa ppruvati f’pajjiżi ewropej bħal Thermal Treatment Plants ? 3. Jaqbel mad-diskors ta’ biża li żera l-Kap tiegħu fil-Baħrija fl-2009 meta qal li t-turbini tar-riħ fuq l-art jagħmlu ħsara lill-ilma tal-pjan ? Sa llum l-Opposizzjoni dejjem fixklet il-pjani tal-gvern. Ir-responsabbilita’ titlob mod ieħor.

Nov 15, 2012

Qed insalvaw ic-Cittadella


Għadni kemm żort flimkien mal-Ministru għall-Għawdex ix-xogħol ta' tisħiħ strutturali li għaddej bħalissa fuq is-swar u l-blat li fuqha hija mibnija c-Cittadella, dik il-Belt fortifikata fuq għolja kważi unika fil-forma tagħha. Verament impressjonajt ruħi bix-xogħol li għaddej. Intervent ta' inginerija mill-iktar interessanti specjalment fuq il-blat li fuqu nbnew is-swar. Minħabba l-karatteristiċi ġeoloġiċi tiegħu dan il-blat fih diversi konsenturi li jistgħu jwasslu biex sezzjonijiet mill-blat jinqatghu u b’hekk jipperikolaw l-istabilita’ strutturali tas-swar li jserraħ fuqu - xi ħaga li fil-fatt diġa ġrat ftit ta' snin ilu, meta parti mill-blat ceda waqt maltempata. 
 
Għalhekk wara studji li saru ġiet iddisinjata sistema biex il-blat jiġi kkonsolidat, u wara s-swar ta' fuqu jiġu restawrati. Din it-teknika ta' konsolidament qed tinvolvi l-irbit tal-blat dgħajjef permezz ta' 'l fuq minn 230 musmar u ankoragg tal-azzar  (steel nails and steel anchors) ta' tul li jvarja minn 6 metri sa' 24 metru. Fuq il-partijiet tal-blat li l-iktar jinsab fi stat ħazin ser titwaħħal ukoll xibka ta' protezzjoni. Ammirajt lill-ħaddiema specjalizzati, li sħabhom isejħulhom spidermen, jixxabtu mal-blat biex jinfdu l-blat u jdaħħlu l-vireg tal-azzar fil-blat.  Xogħol specjalizzat li jitlob reqqa u attenzjoni kbira. 
 
Il-ħsarat li nstabu fuq il-blat u s-swar taċ-Ċitadella waqt il-preparamenti għax-xogħlijiet kienu partikolari ħafna. It-tip ta’ ġebel użat fil-bini taċ-Ċittadella, il-mod li biħ inbniet flimkien mal-proċessi naturali ta’ deterjorazzjoni, rriżulta li l-ġebla ttieklet b’mod partikulari, differenti mit-tip ta’ deterjorazzjoni li tikkaratterizza s-swar l-oħra ta’ Malta.  Ix-xogħol ta’ restawr qed jinvolvi t-tindif tal-ġebel mill-elementi li jikkawżaw ħsara, bħal l-għeruq tal-kappar li maż-żmien kiber mill-fili; il-konsolidament tal-wiċċ tal-ġebla u t-tibdil tal-ġebel l-iktar deterjorat, u it-tikħil mill-ġdid tal-fili, fost xogħol ieħor.  Tidher cara d-differenza fejn diġa sar intervent u fejn għadu ma nbediex ix-xogħol.  
 
Intant ix-xogħol li qed isir fuq is-swar kollha taċ-Ċittadella f’Għawdex għandu investiment ta’ aktar minn €6 miljun ko-finanzjat bir-rata ta 85% mill-Unjoni Ewropea. Fil-granet li ġejjin il-Ministeru tiegħi flimkien ma' dak ta' Għawdex beħsiebna norganizzaw Open Weekend sabiex il-pubbliku Malti u Għawdxi jkun jista jara b'għajnejh ix-xogħol u tingħata lilu spjega mit-teknici ħalli jkun jista jifhem aħjar kemm il-kuntest storiku kif ukoll l-interventi li qed isiru biex niprotegu dan il-wirt imprezzabli.

Nov 12, 2012

Kreattivita' + Entużjażmu


Kreattivita’ u Entużjażmu huwa l-islogan li għażilt għall-kampanja elettorali tiegħi.  Dawn huma żewġ aġġettivi li jispjegaw b’mod tajjeb il-ħidma politika li wettaqt u l-aspirazzjonijiet tiegħi għall-ħidma li għad irrid inwettaq.  Fuq kollox huma żewġ kwalitajiet li nammira fis-socjeta’ tagħna, specjalment fil-ġenerazzjoni żagħżugha,  li kellha x-xorti tgawdi sistema edukattiva u opportunitajiet aħjar minn ta’ qabilhom.  F’dinja fejn il-kompetizzjoni qed issir dejjem aktar ħarxa, hemm bżonn li nisfruttaw ferm aktar l-entużjażmu tagħna ghal ideat kreattivi li jagħtuna edge fuq il-kompetituri tagħna.  Irridu nipruvaw il-ħin kollu nagħtu ħilitna biex nfittxu li neccellaw.
Il-kreattivita’ nista’ ngħid li toħrog b’mod ċar mill-proġetti li wettaqt f’isem il-gvern fl-aħħar snin.  Idejat ġodda għal pajjiżna li ssarrfu fi proġetti li taw spazji u attivita’oriġinali lill-familji tagħna.  Nista nsemmi l-ispazji ġodda li tajna lill-familji, kemm f’kuntest urban kif ukoll fil-kampanja tagħna.  Prġetti ta’ kwalita’ fejn jispikka s-sens ta’ dettall. Fittixt li nagħti spazji b’attivitajiet oriġinali bhall-Adventure Park f’Ta’ Qali, l-Water Park f’Bugibba u l-park li se nlestu dalwaqt  ġewwa Marsascala lit-tfal u l-familji maltin.  Tajt sehmi wkoll  fit-tfassil ta’ proposti, pjani u policies  ġodda li ssarfu f’ġid għall-komunita’ kollha.  
Din il-ħidma wettaqta b’entużjażmu.  Jien inqis lili nnifsi bħala persuna li jekk nidħol għal xi ħaġa din nidħol għaliha sew, b’ħeġġa u passjoni.  Fil-karigi li ġejt fdat bihom ippruvajt nfittex dejjem il-ġid komuniJista jkun li xi kultant nidher aggressiv, imma din hija aktar ħeġġa biex nikkonvinci fuq materji li nkun nemmen li se jkunu ta’ beneficcju għall-komunita’ tagħna. Huwa wkoll dan l-entużjażmu li qed iwassalni biex għal darb’oħra nerġa noffri s-servizzi tiegħi fl-elezzjoni li ġejja.  Entużjażmu li ġej ukoll mill-fatt li rrid inkompli naħdem b’lealta’ f’partit li dejjem kellu l-aqwa viżjoni u pjan għal pajjiżna u l-poplu.
U jekk nikseb il-fiducja mill-ġdid tal-kostitwenti tiegħi u nerġa nkun r-rapreżentant tagħhom fil-Parlament se nkompli nfittex li b’entużjażmu npoġġi l-kreattivita’ fic-centru tal-ħidma tiegħi sabiex jinħoloq aktar ġid għalihom u għal uliedhom.  

Nov 2, 2012

Bla Sustanza

Din il-ġimgħa ħadt sehem fi programm ‘Fis-Sustanza’ fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Oppożizzjoni li tratta s-settur tal-enerġija.  Programm li reġa fakkar lil kull min rah, dwar il-baħħ tal-Oppożizzjoni f’dan is-settur tant kruċjali, l-istess bħall-baħħ fis-setturi l-oħrajn kollha mportanti għal pajjiżna.  Ir-rappreżentanta tal-Oppożizzjoni fil-programm, Marlene Farrugia, li bilkemm tkelmet, irrepetit l-proposti nejjin li xbajna nisimgħu mill-Oppożizzjoni.  Partit li suppost jitwemmen li se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma mingħajr ma jgħid kif.  Staqsejtha 3 mistoqsijiet: Kif, B’kemm u Meta trahhsuhom d-dawl u l-ilma ? Ma wigbitx.  Qalet biss “dik prerogattiva tal-Leader tagħna.”!
 
Dan kollu minn Partit li qabel l-elezzjoni tal-1996 ukoll kien wiegħed li se jraħħas id-dawl, l-ilma u saħansitra t-telefon. Imbagħad meta rebaħ l-elezzjoni u l-prezz taż-żejt kien ta’ tnax-il dollaru kull barmil (mhux 120 dollaru kif inhu llum) sploda l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u saħansitra għamel taxxa fuq id-drenaġġ.  
 
Mhux biss u agħar minn hekk, fl-istess programm smajt argumenti li huma totalment skorretti.  Bħal per eżempju li l-ispiża għall-ġarr tal-iskart iġġenerat mill-filters tal-impjant il-ġdid tal-power station ma ġietx kalkulata fil-prezz finali.  Dan mhux minnu.  Imma jibqghu jiżirgħu l-qerq u d-dubji.   Imbagħad meta ppreżentajt il-livelli tat-tniġġiż ta’ dan l-impjant waqt il-perjodu ta’ prova u urejt bil-fatti kif dawn huma ferm anqas minn dak li jindika l-permess ambjentali, tisma wieħed mill-partecipanti jgħidlek “Fil-bidu mhux bilfors hekk!”.  Inkredibbli.   Ma jafx li llum jeżisti kontroll fuq livelli mposti mill-permess ambjentali, li jissejjaħ IPPC u trid timxi magħhom waqt l-operat tal-impjant fil-perjodu kollu.  U trid tagħmel il-manutenzjoni meħtieġa biex tibqa taħt dawk il-livelli.  Imbagħad ikollok xi Leo Brincat li jikritikana li nagħmlu wisq manutenzjoni fuq l-inceneratur tal-Marsa.  You never win !  
 
Personalment kelli esperjenza oħra simili dan l-aħħar meta ħadt sehem fil-programm ‘Iswed fuq l-Abjad’ fuq Net Television.  Dakinhar kelli żewġ rappreżentanti tal-Opposizzjoni, Charles Buhagiar u Gavin Gulia. Dan tal-aħħar ħareġ b’waħda li żgur ma tistax titwemmen. Qal li l-proġetti issa bdew għax ġejja l-elezzjoni !  Kont pront wiġibtu:  Din lanqas lill-uliedek ma tbellaha għax huma stess jmorru fil-postijiet li kkrejajna.  U fuq x’jagħmlu huma aktar minna: Xejn ! 

Oct 31, 2012

Aktar siġar


Illum żort id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti li jinsab fil-limiti magħrufa bħala tal-Kmand bejn Ħal Lija u Ħ’Attard.   Dan id-Direttorat jagħmel studji dwar mard differenti li jaffetwa speċi ta’ siġar u pjanti kif ukoll jispezzjona diversi għelieqi, dan kollu biex ikun żgurat li l-mard li jista jkun jaħkem xi tip ta’ siġra jew pjanta jkun ikkontrollat u ma jinxteridx.  
 
Parti mill-art ta’ dan id-Direttorat ma kienetx tintuża u għalhekk kont żvillupajt il-ħsieb mad-Direttur tac-Centru, Dr.Marica Gatt, li jsir ġnien pubbliku fil-qalba tal-komunita’ li żviluppat f’din iż-żona. Mal-4,000 metru kwadru ta’ art se jingħata lin-nies. Dan il-ġnien se jkun ġnien b’differenza.  Ġnien li jservi ta’ vetrina tal-habitats differenti li nsibu fil-gżejjer tagħna, ez. żoni afforestati, maquis u xagħri. F’dan il-ġnien wieħed se jkun jista jsib siġar u pjanti li ma tantx għadni nsibu minnhom f’pajjiżna u li f’dan ic-centru jsir xogħol ta’ konservazzjoni u micro-propogation.  Għalhekk dan il-ġnien mhux biss se jservi ta’ post ta’ mistrieh u rikreazjoni iżda anke post ta’ edukazzjoni nformali dwar l-ekoloġija f’pajjiżna.   

Inkluż fil-proġett se jkun hemm bini ta’ laboratorji ġodda għaż-żrieragħ. Il-binja li se tinbena se sservi wkoll bħala ċentru tal-viżitaturi u spazju fejn ikunu jistgħu jiġu organizzati seminars u laqgħat. Id-Direttorat issottometta dan il-progett għal possibilita ta’ fondi taħt l-EARDF European Agricultural Rural Development Fund. L-investiment f’dan il-proġett se jkun ta’ ‘l fuq minn €2 miljun.

Ħabbart dan il-proġett proprju tlett ijiem qabel it-Tree Planting Day li se norganizzaw bħala parti mill-kampanja 34U.  Fl-aħħar seba’ snin f’pajjiżna tħawlu ‘l fuq minn 115,000 siġra ndiġena Maltija, fosthom żnuber, ballut, għargħar, ħarrub u żebbuġ. Jien dejjem ngħid li dan il-programm beda minn inizjattiva tal-Gvern seba’ snin ilu imma l-poplu għamlu tiegħu. Wieġeb b'qawwa kbira u adotta eluf ta' siġar.  L-appell tiegħi hu biex aktar familji jingħaqdu magħna nhar il-Hadd f’Għajn Tuffieħa, ħdejn il-camping site tal-iscouts bejn l-10am u l-5pm.  B’hekk l-imħabba lejn is-siġar nitraducuha f’azzjoni posittiva. Wieħed darba qal “The best time to plant a tree is twenty years ago. The second best time is now.”

 

 

 

Oct 28, 2012

Sajd sostenibbli


Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej tas-Sajd li saret din il-ġimgħa, intlaħaq ftehim parzjali dwar il-fond (European Maritime and Fisheries Fund – EMFF) li ser isostni r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea.  Din il-politika dejjem kienet ikkritikata għax tippromwovi sajd mhux sostenibbli.  
 
Rapporti fil-mezzi tax-xandir internazzjonali qed jirrapurtaw kif il-Kummissarju Ewropew tas-Sajd u għaqdiet tal-ambjentalisti, bħalma hi l-Greenpeace, qed jikkritikaw dan il-ftehim u qed jgħidu li dan mhux ser ikun sostenibbli minħabba li jinkludi għajnuniet diretti lis-sajjieda; bħal per eżempju miżuri ta’ għajnuniet għal waqfien mis-sajd biex tittejjeb is-sostenibilita’, u oħrajn li jinkludu għajnuniet għal immodernizzar li jwasslu għal aktar effiċjenza fl-użu ta’ fuel u inqas emissjonijiet.   
 
Din il-posizzjoni tissorprendini mhux biss għax dawn l-għajnuniet huma neċessarji imma anke minħabba l-fatt li qed jiġi njorat l-aktar element importatni tal-fond vis-à-vis sontentibilita.  Tul id-diskussjonijiet, Malta insistiet li l-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi huma aspett essenzjali li bih l-Unjoni tista’ ttejjeb l-istrateġija tagħha għal settur tas-sajd aktar sostenibbli. Minħabba li dawn il-kriterji ġew esklużi minn dan il-qbil u ser jiġu diskussi aktar ‘l quddiem, Malta ma tatx l-appoġġ tagħha għat-test adottat u spjegat kif dan għadu ma jagħtix garanzija li se jkun jista’ jsostni l-ambizzjoni ta’ sostennibilita’ ogħla li għandha r-riforma. 
 
Malta ser tkompli tisħaq li s-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira għandu jkun il-prijorità tal-Unjoni dan għax is-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira jaħdem fl-aktar prattiċi tas-sajd sostenibbli.  Nemmnu ukoll li l-fondi għandhom jiġu indirizzati lejn dawk l-oqsma li mhux biss jiġġeneraw l-impjiegi iżda li jiggarantixxu ukoll tkabbir u sostenibbiltà. Il-proposta issa għad trid tiġi diskussa u ratifikata mill-Parlament Ewropew. Nittama li  l-ambjentalisti jiffukaw l-azzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-fond jagħti priorita’ lis-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira u mhux dak industrijali.

Oct 26, 2012

Wara Aquila



Bqajt insegwi r-rapporti relatati mat-terremot li kien seħħ f’Aquila l-Italja fl-2009 u segwejt il-ġuri li għaddew sitt xjentisti u ex-uffiċjal tal-Gvern Taljan b’rabta ma’ dan it-terremot. Dawn is-seba’ uffiċjali ġew mixlija li fil-jiem ta’ qabel it-terremot fatali naqsu li jinfurmaw lill-pubbliku bil-gravita’ tas-sitwazzjoni, u saħansitra ħarġu dikjarazzjonijeit pubbliċi li permezz tagħhom taw seħan tar-ras falz lill-popolazzjoni tal-inħawi.  Fuq dawn l-akkużi nstabu ħatja tal-qtil ta’ numru ta’ persuni u weħlu sitt snin ħabs kull wieħed. 
 
Dan każ li jista’ joħloq preċedenti serji.  Infatti kont qed niddiskuti dis-sentenza ma’ esperta lokali fis-sesmoloġija u hi qaltli kif dan kien każ sfortunat u li faċli li wieħed jiġġudika wara li seħħ l-inċident u mhux qabel.  Hi qaltli li sesmologu jrid joqgħod attent ħafna li ma joħroġx twissijiet għal kull attivita’ sesmologa li sseħħ għax kieku tant joħorġu twissijiet li ħadd ma jibqa’ jeħodhom bis-serjeta’.  Fl-istess waqt pero, sesmologu jrid joqgħod attent ħafna fuq kemm jiżgura lin-nies li ma hemmx periklu għax kif ġara f’dan il-każ, għax fl-aħħarnett dawn huma atti tan-natura li l-ebda xjenza perfetta mhi qatt se tasal biex tipprevedihom. 
 
Dan każ li kif għidt jista’ joħnoq ix-xogħol utli tan-nies tax-xjenza u kif dawn jikkomunikaw is-sejbiet tagħhom.  Importanti li kulħadd jifhem li fl-aħħarnett il-bniedem jista’ jersaq qrib li jifhem in-natura pero ħadd ma jista jkun jaf b’ċertezza dak li se jseħħ.  
 
Dan il-ħsieb ġie espress ukoll mill- IASPEI (The International Association of Seismology and Physics of the Earth Interior) meta qalet fi stqarrija:  When serving on high-level advisory panels for governments and authorities, scientists have the duty to provide the state of knowledge in a comprehensive and unbiased fashion, to enable authorities to take the required mitigation actions. This cannot be achieved under the threat of public prosecution. A negative impact of this trial and sentence will be to make scientists reluctant to serve on risk advisory commissions or express expert opinions.