Nov 15, 2012

Qed insalvaw ic-Cittadella


Għadni kemm żort flimkien mal-Ministru għall-Għawdex ix-xogħol ta' tisħiħ strutturali li għaddej bħalissa fuq is-swar u l-blat li fuqha hija mibnija c-Cittadella, dik il-Belt fortifikata fuq għolja kważi unika fil-forma tagħha. Verament impressjonajt ruħi bix-xogħol li għaddej. Intervent ta' inginerija mill-iktar interessanti specjalment fuq il-blat li fuqu nbnew is-swar. Minħabba l-karatteristiċi ġeoloġiċi tiegħu dan il-blat fih diversi konsenturi li jistgħu jwasslu biex sezzjonijiet mill-blat jinqatghu u b’hekk jipperikolaw l-istabilita’ strutturali tas-swar li jserraħ fuqu - xi ħaga li fil-fatt diġa ġrat ftit ta' snin ilu, meta parti mill-blat ceda waqt maltempata. 
 
Għalhekk wara studji li saru ġiet iddisinjata sistema biex il-blat jiġi kkonsolidat, u wara s-swar ta' fuqu jiġu restawrati. Din it-teknika ta' konsolidament qed tinvolvi l-irbit tal-blat dgħajjef permezz ta' 'l fuq minn 230 musmar u ankoragg tal-azzar  (steel nails and steel anchors) ta' tul li jvarja minn 6 metri sa' 24 metru. Fuq il-partijiet tal-blat li l-iktar jinsab fi stat ħazin ser titwaħħal ukoll xibka ta' protezzjoni. Ammirajt lill-ħaddiema specjalizzati, li sħabhom isejħulhom spidermen, jixxabtu mal-blat biex jinfdu l-blat u jdaħħlu l-vireg tal-azzar fil-blat.  Xogħol specjalizzat li jitlob reqqa u attenzjoni kbira. 
 
Il-ħsarat li nstabu fuq il-blat u s-swar taċ-Ċitadella waqt il-preparamenti għax-xogħlijiet kienu partikolari ħafna. It-tip ta’ ġebel użat fil-bini taċ-Ċittadella, il-mod li biħ inbniet flimkien mal-proċessi naturali ta’ deterjorazzjoni, rriżulta li l-ġebla ttieklet b’mod partikulari, differenti mit-tip ta’ deterjorazzjoni li tikkaratterizza s-swar l-oħra ta’ Malta.  Ix-xogħol ta’ restawr qed jinvolvi t-tindif tal-ġebel mill-elementi li jikkawżaw ħsara, bħal l-għeruq tal-kappar li maż-żmien kiber mill-fili; il-konsolidament tal-wiċċ tal-ġebla u t-tibdil tal-ġebel l-iktar deterjorat, u it-tikħil mill-ġdid tal-fili, fost xogħol ieħor.  Tidher cara d-differenza fejn diġa sar intervent u fejn għadu ma nbediex ix-xogħol.  
 
Intant ix-xogħol li qed isir fuq is-swar kollha taċ-Ċittadella f’Għawdex għandu investiment ta’ aktar minn €6 miljun ko-finanzjat bir-rata ta 85% mill-Unjoni Ewropea. Fil-granet li ġejjin il-Ministeru tiegħi flimkien ma' dak ta' Għawdex beħsiebna norganizzaw Open Weekend sabiex il-pubbliku Malti u Għawdxi jkun jista jara b'għajnejh ix-xogħol u tingħata lilu spjega mit-teknici ħalli jkun jista jifhem aħjar kemm il-kuntest storiku kif ukoll l-interventi li qed isiru biex niprotegu dan il-wirt imprezzabli.

No comments: