Nov 16, 2012

Premessa żbaljata


L-Opposizzjoni għandha ħabta tibni argument fuq premessa żbaljata u tiprova tieħu rikba bl-irħis. L-aħħar eżempju ta’ dan kienet l-istqarrija ta’ Leo Brincat meta qal li l-Gvern l-ewwel kien kontra solar farms u issa dawwar il-posizzjoni tiegħu favur. Il-Gvern qatt ma kien kontra solar farms, biss għax realisti dejjem aċettajna li minħabba l-qies u d-densita’ tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna, mhuwiex possibbli li f’pajjiżna jkollna s-solar farms kbar tad-dimensjoni li kellhom opportunita’ jagħmlu pajjiżi oħra, propju għax għandhom artijiet ferm akbar minn tagħna.  
 
Jien kelli okkażżjoni nżur solar farm kbir vicin il-belt Spanjola ta’ Sevilja.  Biex tiproduci enerġija għal madwar 70,000 dar (iġifieri qiesu nofs dak li għandna f’Malta) trid art għaxar darbiet dik tal-Belt Valletta. L-impjant ta’ Sevilja fih sa llum żewġ torrijiet ta’ 40 sular il-wieħed li jużaw teknoloġija ta’ concentrated solar thermal b’diversi mirja li jiffukaw ir-raġġi tax-xemx fuq solar receiver li jiproduci l-enerġija permezz ta’ steam turbine. Ovvjament jien għoxejt narah impjant bħal dak, imma issa għidli fejn nistgħu aħna realistikament nagħmlu wieħed bħalu ? Ovvjament dan ma jfissirx li ma jistax ikollna solar farms ta’ qies iżgħar anzi aħna favur tagħhom dejjem jekk ma jkunux f’żoni sensittivi ekoloġikament jew estetikament.  
 
Filwaqt li nifhmu l-limitazzjonijiet tagħna fl-istess ħin bil-fatti tajna l-eżempju meta: 1. Beda process biex madwar 100,000 metru kwadru ta’ soqfa ta’ binijiet pubblici jitpoġġew fuqhom pannelli fotovoltaici; 2. Tajna għajnuna biex ‘l fuq minn 6,000 familja nstallaw l-panelli fuq il-bjut tagħhom; 3. Sostnejna 270 sid ta’ negozju jew fabbrika b’ €16-il miljun biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva,  4. Qed jaħdem biex jinstalla PVs fuq medda ta’ 6,000 metru kwadru ta’ art bħala parti mir-riabilitazzjoni tal-miżbla l-magħluqa tal-Qortin; u 5. Introducejna feed-in-tariff kemm għal familji kif ukoll għan-negozji
 
Leo Brincat qalilna li dan il-Gvern biddel fehmtu fuq solar farms għax il-pjan għall-enerġija mir-riħ falla. Gidba oħra. Il-Gvern għaddej b’aktar studji biex isir dan il-proġett. Leo Brincat jaqbel li jsiru dawn l-istudji jew qed jipretendi li l-Gvern jinjora l-istudji ambjentali u jimxi biex jinstalla ?  Fuq l-issue tal-enerġija nadifa Leo Brincat biex ikun kredibbli jrid jwieġeb b’mod car dawn it-3 mistoqsijiet: 1. Jista’ jispjega huwiex favur impjanti oħra bħal dak ta’ Sant’Antnin li jiġġeneraw l-enerġija mill-iskart ? 2. Jaqbel li mill-iskart noħolqu l-enerġija permezz ta’ teknoloġiji diġa ppruvati f’pajjiżi ewropej bħal Thermal Treatment Plants ? 3. Jaqbel mad-diskors ta’ biża li żera l-Kap tiegħu fil-Baħrija fl-2009 meta qal li t-turbini tar-riħ fuq l-art jagħmlu ħsara lill-ilma tal-pjan ? Sa llum l-Opposizzjoni dejjem fixklet il-pjani tal-gvern. Ir-responsabbilita’ titlob mod ieħor.

No comments: