Jun 28, 2010

Ziebel fil-kampanja ?

Ma nistax nifhem ghaliex persuna llum tarmi affarijiet goffi fil-kampanja taghna ! Dan mhu xejn hlief vandalizmu u vendikazzjoni kontra l-komunita’. Illum pprovdejna l-facilitajiet kollha biex wiehed jiddisponi minn materjal bhal dan, minghajr hlas u bil-kumdita’ kollha. Bnejna 5 ċentri biex jilqgħu fihom l-iskart goff. Miftuha kuljum mis-7.00am sal-5.00pm u ghal dan is-servizz ma thallasx. Barra hekk ghandna s-servizz tad-Door-to-Door Bulky Refuse fejn l-iskart goff jingabar minn wara biebek ukoll minghajr hlas. Imkien fl-Ewropa ma jezistu servizzi bhal dawn u huma bla hlas.

Izda minkejja dan kollu xorta ghadna nsibu fridges, freezers, ghamara ta’ kull tip, toilets, televisions, tankijiet taz-zejt u tant materjal iehor ! Dalgħodu żort ix-xogħlijiet ta’ tindif li qed isir mill-haddiema tal-Cleansing Services Division CSD fil-Fortizza ta’ San Pawl fl-inhawi ta’ Marsaxlokk. Preżenti mieghi kien hemm l-Onor Franco Debono li kien permezz ta’ mistoqsija parlamentari tieghu li gejna konxji mill-kwantita’ kbira ta’ skart li ntefa’ fid-ditch ta’ din il-Fortizza. Hu kkalkulat li f’dan il-post intefgħu mal-25 tunnellata ta’ skart.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena il-haddiema ta’ din it-Taqsima gabru madwar 300 tons ta’ skart goff mill-kampanja. Ghidli kemm konna naghmlu aktar progetti kieku lil dawk il-haddiema ddedikajnihom fuq progetti ta’ tisbih minflok ta’ tindif ! Fl-ewwel 6 xhur ukoll ta’ din is-sena l-haddiema tac-CSD ukoll ġabbru ‘l fuq minn 9,000 tunellata ta’ skart mit-toroq. Fl-aħħar xhur il-Gvern investa man-nofs miljun ewro sabiex kompla jżid l-inġenji li għandu sabiex tiżdiet il-frekwenza tal-indafa fil-pajjiż. Izda hemm bzonn l-isforz ta’ kulhadd mhux biss tal-Gvern biex neqirdu din is-sahta ta’ dawn l-atti rresponsabbli li jwaqqghulna wiccna mal-barranin li jzuru pajjizna. Fil-verita' matul l-ahhar snin rajna anqas materjal jintefa barra, imma din il-marda ghadha prezenti.

Hemm min jghidlek li hemm bzonn ta’ aktar infurzar izda fil-verita’ ma nistghux nitfghu wardens jew pulizija ma’ kull rokna mwarrba ta’ pajjizna. Minkejja dan matul is-sena l-ohra u anke din is-sena nqabdu persuni u kellna kazijiet fejn anke l-vetturi taghhom gew kkonfiskati. Biss biss kellna minn lanqas 2 trucks li gew konfiskati matul l-ahhar xhur ! Imma kemm hadu prominenza dawn il-konfiski fuq il-gurnali forsi dawn il-kazi jservu ta’ deterrent ghall-ohrajn ?

Jun 26, 2010

Kxifna s-sur mill-gdid

Kxifna s-sur u se naghtu spazju ieħor mill-gdid lill-pubbliku. Hekk se naghmlu fil-Birgu permezz tat-twaqqigh tal-binja tal-Oil Depot li kienet inbniet, lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, ezatt quddiem wahda mill-isbah partijiet tas-swar tal-Birgu. Waqt zjara li ghamilt il-bierah stajt nara b’ghajnejja kif inkixfet mill-gdid is-sbuħija ta’ din il-parti tas-swar ta’ din l-ewwel belt marittima f'Malta. Verament thoss sodisfazzjon.

Imma anke fuq din kien ipprova jaqla’ kontroversja il-Partit Laburista. Minkejja r-rakkomandazzjoni posittiva tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Wirt Storiku tal-MEPA, id-Deputat u kelliem Laburista għall-Ippjanar Roderick Galdes kien l-unika persuna fuq il-Bord tal-MEPA li oġġezzjona li jsir dan il-proġett. Kien anke hareg stqarrija biex jiprova jikkonvinci kemm kellu ragun. Din il-posizzjoni tikkontrasta hafna mal-posizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu mmexxi minn maggoranza tal-Partit Laburista. Il-Kunsilliera kollha b’mod unanimu kienu qablu li din il-binja titwaqqa. Izda l-Onor. Galdes mhux biss ma kienx ikkonsulthom qabel vvota kif ivvota, izda jien infurmat li pprova jaghmel pressjoni biex il-Kunsilliera Laburisti jbiddlu l-posizzjoni taghhom biex jaqblu mal-posizzjoni li kien addotta hu ! Konsultazzjoni a la Labour !

Ta’ min jghid li l-ispazju biswiet ix-xatt mhux se jkun l-uniku spazju li naghtu lura lill-pubbliku. L-ispazju fuq din il-parti tas-swar li tissejjah il-Posta ta’ Kastilja, li sa ftit granet ilu kien okkupat minn persuna wahda, ukoll se jinghata mill-gdid lin-nies tal-Birgu u dawk li jzuru din il-belt storika. Dan l-ispazju, li skond l-istoriku Dr.Stephen Spiteri jokkupa kwazi kwart tal-ispazju kollu tal-iswar tal-Birgu, issa se jkun anke accessibli mix-Xatt tal-Kalkara ghax waqt ix-xoghol ta’ restawr se jinfetah mill-gdid bieb li llum huwa mbarrat. Minn dan it-tarag jaghti tarag li jwasslek fuq is-swar.

Waqt iz-zjara l-Perit Herman Bonnici mit-Taqsima tar-Restawr kif ukoll is-Supretendent tal-Fortifikazzjonijiet Dr.Stephen Spiteri spjegaw lill-gurnalisti li sabiex ma ssirx ħsara lis-swar, ħafna mix-xogħol ta' twaqqigħ sar bl-idejn u hafna mill-gebel gie mahzun mill-kuntrattur li ghamel ix-xoghol, anke jekk din ma kenitx kundizzjoni tal-MEPA fil-permess. Waqt li kont qed inhares lejn dawk is-swar ma stajtx ma ntenniex kemm kellu ragun il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Wirt Storiku tal-MEPA meta kien qal li “l-fortifikazzjonijiet għandhom jieħdu prijorita’ fuq dik il-binja industrijali, l-Oil Depot” u kien ghalhekk li ma sab l-ebda oġġezzjoni li dik il-binja titwaqqa’.

Jun 20, 2010

Bonsai - kreattivita' u passjoni

Xi hadd jinghad li kiteb "...a bonsai truly represents the fusion of nature and human wisdom; it is an art that at once pursues the spirits of both nature and beauty" Stajt nifhem ahjar ghal darb'ohra dan il-bierah meta gejt mistieden niftah il-wirja annwali tas-socjeta' Bonsai Culture Group Malta. Hija wirja li ssahharni kull sena. Hija arti li trid imhabba, kreattivita', dixxiplina u passjoni. Dan il-grupp illum ghandu 'l fuq minn 70 membru attiv u jien u nkellem uhud minnhom mill-ewwel kienet evidenti l-passjoni kbira li ghandhom ghal din l-arti.

Bonsai, li tfisser gnien fi tray bil-Gappuniz, hija l-arti li tkabbar sigar u pjanti li jinzammu zghar go qasrija fejn b'sengha u pacenzja kbira ta' zbir is-sigra tigi skolpita f'bicca xoghol ta' arti, estetika u natura hajja. Jinghad li l-ewwel sigar ta' dan it-tip kienu jithallew anke fl-oqbra Egizjani madwar 4,000 sena ilu. Il-bonsai ta' zmienna origina mic-Cina madwar 2,000 sena ilu, fejn kien jissejjah penzai. Eventwalment din l-arti ttiehdet fil-Gappun madwar is-sena 700.

Biex nghinu fl-izvilupp ta' dan il-grupp artistiku dan l-ahhar il-Gvern ghadda bicca art u binja, li jigu taht Gnien l-Argotti fil-Furjana, halli jkunu jistghu jorganizzaw ruhhom ahjar. Dan hu grupp li jaghmel bosta lectures u workshops ghall-membri tieghu u m'ghandix dubju li din il-facilita' se tghinhom jorganizzaw ahjar. Minn naha tieghi weghdthom ukoll ghajnuna sabiex il-post jigi riabilitat u jkun jista jibda jintuza.

Nixtieq li wirja bhal din tibda tigi organizzata fuq 3 ijiem inkluz il-jum tal-Gimgha halli l-istudenti jkunu jistghu jittiehdu jarawha u forsi aktar zghazagh jithajru jibdew jiprattikaw din l-arti. Ghidt ukoll lill-kumitat li nixtieq niddiskuti maghhom kif nistghu nghinuhom halli flimkien norganizzaw wirja permanenti li tkun attrazzjoni kemm ghal maltin kif ukoll ghat-turisti li jzuru pajjizna.

Jun 18, 2010

Attakki kontra l-ligi nternazzjonali

Il-lejl li ghadda mort nara fl-isptar liz-zewg sajjieda Maltin li sfaw feruti f’attakk li allegatament sar minn attivisti tas-Sea Shepherd Conservation Society meta dahlu bil-bastiment taghhom Steve Irwin fuq gagga mimlija tonn li kienet qed tigi trasportata minn ibhra Libjani lejn Malta minn operaturi Maltin u Taljani.

Jiddispjacini li l-affarijiet waslu f’din is-sitwazzjoni. Ahna nemmnu li hemm bzonn kontroll fuq operazzjonijiet ta’ qbid ta’ tonn u kien ghalhekk li dejjem appoggjajna l-kontroll legali mill-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas) u l-Unjoni Ewropea. Is-sajd li sar kien qed jiġi osservat u spezzjonat mill-ispetturi tal-istess ICCAT u tal-Unjoni Ewropea.

Ahna nistennew li f’dan is-settur tirrenja l-legalita’. Kemm minn dawk li jaqbdu t-tonn kif ukoll minn dawk li jhossu li ghandhom jaghmlu kampanji kontra l-qbid ta’ din l-ispeci. Filwaqt li nistennew li l-operaturi jimxu strettament mar-regoli u jaraw li t-tonn li jgorru jifforma parti mill-kwoti stabbiliti mill-ICCAT, nistennew ukoll li l-attivisti ma jiehdux il-ligi f’idejhom. Jekk josservaw xi allegat qsur tar-regolamenti nistennew li jinfurmaw lill-ispetturi. Certament mhux accettabli li jattakkaw il-gageg u lis-sajjieda kif gara l-bierah u kif gara ukoll aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Green Peace li attakkat gageg oħra. Irrid nirringrazzja lill-membri tal-Forzi Armati ghall-hidma kontinwa’ tagħhom biex ikunu protetti l-operazjonijiet legali tas-sajjieda fl-ahhar granet.

Daqs sena ilu persuna kitbet hekk fuq il-website Ecorazzi: “Sea Shepherd are a bunch of terrorists! Two wrongs don’t make a right. Whaling isn’t right and neither is ramming ships at sea. International law states that Japan can take whales. If someone doesn’t like that, they should work toward getting the laws changed through due process. International maritime law states that: Except in the event of an emergency, it is unlawful for any person to anchor or operate a vessel in a manner that will unreasonably interfere with the navigation of other vessels.”

Jun 14, 2010

Ċentru ta’ Eċċellenza

Il-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn pajjiżna ċentru ta’ eċċellenza kompliet tingħata aktar konkretezza hekk kif il-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru, flimkien mas-Segretarju Palrmanetari Clyde Puli, ħabbru l-bidu ta’ proċess li għandu jwassal għall-ħolqien ta’ villaġġ sportiv ġewwa White Rocks.

B’dan il-proġett, il-qalba tal-White Rocks Sports & Leisure Village se tkun qed tospita dixxiplini differenti, bl-aqwa disinn u faċilitajiet u b’hekk Malta se jkollha wieħed mill-ikbar faċilitajiet multi-sportivi fl-Ewropa t’isfel. Wara l-konklużjoni tal-konsultazzjoni u tan-negozjati mal-investituri, dan il-proġett nittamaw li jissarraf f’investiment barrani ta’ €200 miljun. F’termini ekonomiċi, dan il-proġett se jiġbed lejn Malta wieħed mill-ikbar ammonti ta’ investiment barrani fl-istorja tagħna.

Importanti huwa l-aspett tal-ħolqien tax-xogħol fejn hu mistenni li dan il-villaġġ sportiv joħloq minimu ta’ 800 impjieg ġdid. Hu ippjanat li b’dan l-investiment se tkun qed tingħata spinta importanti biex jiġi attirat dejjem iktar turiżmu sportiv mill-Ewropa u minn kontinenti oħra.
Mhux ta’ min wieħed jinsa’ wkoll il-lat ambjentali ta’ dan il-proġett. Dan il-progett illum jista jsir ghax bdejna nfejqu l-miżbla l-magħluqa tal-Magħtab li tinsab ftit metri 'l bogħod b'investimenti kbar. Hadd zgur ma kien jigi jinvesti sold kieku dik il-mizbla ghadha l-gerha li kienet !

Il-Gvern għamel għażla cara: jipreferi din l-attivita’, għax torbot mal-Viżjoni tieghu ghal 2015 aktar milli jbiegħ l-art biex idahhal aktar flus iżda jkun hemm zvilupp turistiku li bħalu diga għandna. Issa Fingers crossed li kollox b'wicc il-ġid fin-negozjati li fadal.

Jun 12, 2010

Int trid tghix fl-Iran ?

Bhal llum sena fl-Iran kien hemm l-elezzjonijiet Presidenzjali, li hafna jqiesu bhala elezzjonijiet imbaghbsa. Minn dakinhar kienu bdew protesti kbar fit-toroq ta' Teheran. Izda kienet giet intensifikata ukoll persekuzzjoni kiefra fuq l-oppozizzjoni u dawk kollha li huma kontra r-regim ta' Ahmadinejad. Lid-Deputat tal-Partit Laburista, Adrian Vassallo, li dan l-ahhar qal li jipreferi li jghix fl-Iran, ha nghidlu ftit x'tip ta' "demokrazija" ghandhom f'dak il-pajjiz.

Se nikwota siltiet minn intervista ma' Mahdi Karrubi (ara ritratt) li hemm proprju fin-Newsweek din il-gimgha. Karrubi flimkien ma' Hossein Mousavi jifformaw l-oppozizzjoni li tissejjah il-Moviment Ahdar. Karrubi jghid "Attakkawli dari darbtejn u kisruli l-hgieg kollu. Ghalquli l-ufficcju tieghi, il-gurnal tieghi u l-partit tieghi. Sawtu lil wiehed minn uliedi. Tnejn mit-tfal tieghi nzammu milli johorgu minn pajjizi. Arrestaw hafna minn nies li kienu vicin tieghi. Kull Membru tal-Parlament li jigi jarani jispicca mfittex u attakkat". Karrubi jkompli jghid "Meta ghazilna erba' persuni li iharsu l-interessi tal-familji tal-persuni li sfaw feruti fil-protesti, dawn l-erba' persuni sfaw arrestati"

Fl-istess edizzjoni tan-Newsweek hemm artiklu ukoll miktub mill-gurnalist Maziar Bahari li jirrakkonta x'gara lilu wara li kien baghat email lill-editur tieghu fil-granet ta' wara l-elezzjonijiet li fiha kkritika r-regim Iranjan. Bahari jghid hekk "Dahluni b'ghajnejja mghottija go kamra mudlama. Minn kien qed jinterrogani tani daqqa ta' ponn go rasi, daqqa ta' sieq go dahri u tani daqqiet ghal hafna drabi go wicci u ghonqi....Gurnata wara gurnata dak li kien qed jittorturani geghlni nammetti li jiddispjacini li ktibt dak li ktibt". Bahari nzamm arrestat ghal 118 gurnata !

Nixxokja ruhi kif Deputat tal-Oppozizzjoni f'pajjizna jghid li jipreferi jghix, ghal liema raguni hi, "fl-Iran". Nahseb li kieku jmur s'hemm isib hafna li fil-fatt jixtiequ jkollhom imqar l-opportunita' jghixu f'pajjiz fejn id-demokrazija hija rispettata u r-religjon ma tintuzax bhala arma politika.

Jun 6, 2010

100 Sena tas-Salesian Brigade

Din is-sena jahbat ic-centinarju tas-Salesian Boys’ Brigade. F’dawn il-mitt sena, din il-Brigade tat bosta wirjiet fil-pubbliku permezz tad-drill u l-baned tieghu. Fl-1989 il-Brigade kompliet tizviluppa meta ttiehdet id-decizjoni li jkabbru l-grupp billi jintegraw it-tfajliet ukoll u saret tissejjah is-Salesian Boys’ and Girls’ Brigade. Fl-2009 ic-Chaplain Rev. Eric Cachia, ha decizjoni li jerga’ jinbidel l-isem tal-Brigade ghal Salesian Brigade biex b’hekk jirrifletti ix-xoghol u dedikazzjoni tat-tfal,taz-zghazagh u l-membri akbar fl-eta’ ukoll. Gie deciz ukoll li jsir tibdil fl-uniformi. Dalghodu saret ic-cerimonja tac-Changing of the Colours gewwa l-Oratorju tas-Salezjani f'Tas-Sliema fil-presenza tal-Prim Ministru .

L-aktar parti nteressanti kienet meta mmarcjaw ukoll l-Old Boys. Minkejja l-eta' deher xorta l-entuzjazmu taghhom, anke jekk uhud minnhom ma ghadx ghandhom il-pass qawwi u sod ta' qabel ! M'ghandix dubju li bosta minnhom gew f'mohhom memorji tal-hafna avvenimenti li l-Brigade hadet fihom matul l-ahhar snin fosthom ic-celebrazzjonijiet tal-V.E. bis-salut lill-Gvernatur hdejn il-Palazz il-Belt Valletta fl-1945 kif ukoll fil-partecipazzjoni fiz-zjarat tal-Papa Gwanni Pawlu II fl-1990 u 2001.

Il-Brigade toffri esperjenza unika ta’ taghlim permezz ta’ attivitajiet li jinkludu d-drill, taghlim ta’ strument muzikali, dixxiplina, il-campings, u xoghol voluntarju. Kienu bosta t-tfal ta' Tas-Sliema li matul l-ahhar 100 sena zviluppaw bhala individwi billi segwew hajja attiva nisranija, hajja ta’ sahha fizika u formazzjoni socjali. Illum il-Salesian Brigade nfirxet lil hemm minn Tas-Sliema tant li tigbor fiha tfal, zghazagh u adulti minn 26 lokalita' f'pajjizna.

F'diskors li ghamel ic-Chaplain tal-Brigade Fr.Eric Cachia ta harstu lejn l-isfidi principali ta' llum u stqarr "L-inklussivita’ u l-interkulturalita’ wkoll isebbhu l-ghan nobbli li ghalih beda dan il-moviment. Ma' dan inzid ukoll l-attenzjoni shiha li qed tinghata lill-familji tal-membri taghna, specjalment lil dawk li ghaddejin minn certa sfidi familjari." Huwa evidenti li l-Brigade mhux biss qed iggedded l-identita’ taghha fl-isem, fl-uniformi u fl-istrutturi ammistrattivi taghha izda qed taghraf ukoll taggorna l-vizjoni taghha ghall-isfidi ta' llum u ta' ghada.

Jun 4, 2010

Victoria Gate u Ta' Liesse

F'dawn il-granet il-haddiema tal-Valletta Rehabilitation Programme qed jaghmlu l-ahhar xoghlijiet fuq l-upgrading u restawr li ghamilna fl-inhawi ta' Victoria Gate u l-area tal-Knisja tal-Madonna ta' Liesse. Il-Bieb, li nbena mill-Inglizi fl-1884-85 u huwa t-tieni l-aktar entrata mportanti tal-Belt Kapitali u llum rega beda jintuza sew mill-hafna turisti li jzuru pajjizna permezz tal-cruise liners. Kien Bieb prattikament iswed b'bosta bicciet tal-lavur neqsin minnu u b'hafna deterjorazzjoni fil-gebla. Ix-xoghol tat-tindif u restawr sar b'galbu bl-idejn kif jixraq. Fejn kien hemm hafna hmieg intuza l-micro sand blasting. Issa bilkemm jintaraf. Gie kwazi jixghel !


Il-process tal-progett inbeda permezz tar-ricerka. Ir-ricerka mill-ewwel indikat li originarjament barra l-Bieb kien hemm ditch. Fil-fatt appena nbeda ix-xoghol, taht it-tmexxija teknika tal-Perit Claude Borg, nkixef dan id-ditch li issa nkixef totalment halli wiehed ikun jista jaqra sew kif kien originarjament u nbnew il-bridges kif kienu originarjament.

Barra x-xoghol tar-restawr fuq Victoria Gate, twessghu l-bankini u saru mill-gdid, apparti li saru trenches taht il-bankini ghas-servizzi kollha anke biex jitnehhew il-wires kollha minn mal-faccati. L-istat taghhom kien hazin hafna anke ghax fuqhom kienu jipparkjaw bosta vetturi. Komplejna bix-xoghol ta' bankini godda sa fejn jibda l-Valletta Waterfront. B'kollox saru 2,400 metru kwadru ta' bankini. Dan ix-xoghol jorbot ukoll mar-restawr tal-pavimentar li sar tat-tarag li jiehdu minn Victoria Gate sa Triq Sant'Ursula u Triq San Gwann halli b'hekk nkunu pprovdejna pavimentar xieraq lil dawk kollha li jimxu mill-Valletta Waterfront sa' Triq Merkanti. Ix-xoghlijiet kollha gew jiswew mal-€430,000. Apprezzajt hafna l-kumment li ghamel is-Sindku tal-Belt, Alexiei Dingli meta gie kkwotat li qal "What was before a dull area is now being turned into a model for other parts of the city and the harbour area."

Issa qed nipjanaw li naghmlu l-parti tan-naha ta' isfel tat-Telghat Ta' Liesse fejn qabel kien hemm il-Pixkerija l-Antika. Minn hemm sa fejn hemm il-Pixkerija ezistenti huwa ppjanat li jkun hemm estensjoni tal-Cruise Liner Terminal, biz-zewg binjiet tal-pixkerija ezistenti u fejn kien hemm il-Ministeru tieghi jkunu trasformati f'boutique hotel. Dan ix-xoghol kollu jifforma parti minn nisga ta' xoghlijiet li saru u ghad iridu jsiru halli naghtu valur gdid lill-gojjell tal-Belt Kapitali taghna.

Jun 1, 2010

Attakk bla sens

L-attakk Israeljan fuq il-vapur Tork hasadni bil-kbir. Hasadni l-aktar ghax verament ma nistax nifhem il-logika wara attakk goff u bla sens bhal dak. Ma jaghmilx sens li tattakka vapur li l-attivisti fuqu riedu jibghatu messagg lid-dinja kontra l-imblokk tal-istrixxa ta’ Gaza. Imblokk li l-Israel iddecieda li jimponi ghal dawn l-ahhar erba’ snin. Jekk verament l-Israel ried jiccekja x’kien hemm fuq dawn il-vapuri allura kellu jibghat pulizija u mhux suldati specjali armati sa snienhom. B’liema dritt il-commandos jitilghu fuq vapur f’ibhra internazzjonali ?

Minn dak li ntqal minn uhud minn dawk l-attivisti pro-Palestinjani li kienu fuq il-vapur m’ghandiex dubju li kien hemm minnhom li mhumiex daqstant “pacifisti” u probabilment jixtieq il-qerda tal-Israel, izda dik l-opinjoni zgur li ma tiggustifikax lil Israel biex jaghmel attakk goff u sproporzjonat bhal dak.

Huwa veru li l-Hamas ilu li addotta politika aggressiva fil-konfront tal-Israeljani, bl-isparar ta’ eluf ta’ razzi fuq zoni fejn jghixu l-Israeljani. Izda wisq nibza li l-politika li miexi biha l-Gvern tal-Israel verament nemmen li hija kontro-produttiva. Hija politika arroganti li bilfors iggib rabja minn kull min jixtieq jara l-paci tiehu r-ruh fil-Lvant Nofsani. Ma jaghmilx sens li timblokka miljun u nofs ruh fl-Istrixxa ta’ Gaza. Din il-politika qed taghti sahha akbar biss lil dawk li jridu politika ta’ konfront assolut mal-Israel. Dan huwa imblokk immorali. Mhux gust li timblokka popolazzjoni b’dak il-mod. Dan l-imblokk nemmen li falla wkoll ghax qed jispicca jattakka l-kredibilita’ u l-kredenzjali tal-Israel stess.

Din il-politika ta’ konfront se twassal biss ghal spiral aktar qawwi ta’ vjolenza. L-attakk tal-bierah se jwassal biss ghal atti ta’ vendetta. Nixtieq li l-Istat tal-Israel isib fi hdanu nies li kapaci jkunu aktar friski u kreattivi ghal djalogu haj halli filwaqt li jigi assigurat id-dritt tal-Istat Lhudi minn naha l-ohra jaghti lill-poplu Palestinjan dak li haqqu, stat sovran li kapaci jghix fil-paci ma’ dak Israeljan.