Pajjiż li jixbaħna. Eks kolonja Ingliża. Gżira
fil-Mediterran b'industriji qawwijin tat-turiżmu u tas-servizzi finanzjarji.
Daħal magħna fl-Unjoni Ewropea u anke fl-ewro. Kellu prospetti sbieħ ħafna sa
ħames snin ilu. Imma x-xebħ jieqaf hemm.
Minn ftit tas-snin ilu 'l hawn, Ċipru beda
jiżbalja. Intlaqat mill-kriżi finanzjarja dinjija. Żdiedlu l-qgħad. L-iżbilanċ
tal-Gvern kiber ħafna. Ma qagħadx attent li jifred il-banek bejn dawk li jservu
s-suq lokali u dawk li jagħtu servizzi purament lill-barranin. Ġibed lejh
depożiti dubbjużi mir-Russja u silef lill-Greċja. Kellu power station
ħdejn ħażna ta' munizzjon li splodiet u magħha tajret il-power station. Faqa'
s-suq tal-propjetà li x'ħin waqgħet għaffġet il-banek taħtha. Issa qed ikollu
jittallab u jiddejjen 10 biljun ewro. Il-banek ewlenin għoddhom falluti. Se
jkunu salvati imma billi jikkonfiskaw biċċa mid-depożiti li hemm fihom.
Il-Gvern ta' Ċipru żied it-taxxi u qed jara l-qgħad ikompli jiżdied.
Aħna f'Malta konna f'kuntrast kbir. Fl-aħħar ħames
snin bilkemm ħassejna l-kriżi dinjija. Il-qgħad hu fost l-aktar baxxi
fl-Ewropa. L-iżbilanċ tal-Gvern hu taħt it-3 fil-mija. Għandna l-aktar banek
sodi fl-Ewropa immexxijin bi prudenza kbira. Il-Gvernijiet kollha tal-passat
issellfu biss mingħand il-Maltin.
Dak li għaddej minnu Ċipru jgħallimna ħafna, u
jgħallimna wkoll x'tip ta' Gvern għandna issa. Għax id-deċiżjoni tal-Unjoni
Ewropea li titfa' l-piż tal-problemi ta' Ċipru fuq id-depożitanti tal-banek
għandha għax tħassibna. Din id-deċiżjoni ttieħdet f'laqgħa li fiha kien hemm
il-Ministru tal-Finanzi Malti, Edward Scicluna. Jidher li l-Ministru
tal-Finanzi Laburista ma tkellimx kontra din
il-manuvra fejn id-depożitanti fil-banek Ċiprijotti se jkollhom biċċa minn flushom ikkonfiskati biex
ikunu salvati l-banek Ċiprijotti. Addio l-protezzjoni
lid-depożitanti.
Il-Ministru
tal-Finanzi Edward Scicluna kien ferħan li kien on the right side of the table. Imma ħa niftehmu, ma kienx on the receiving end mhux b’dak li
għamel hu jew sħabu l-Ministri l-ġodda, imma għax l-amministrazzjoni ta’ qabel
din kienet waħda li mxiet bil-għaqal u bi prudenza kbira.
No comments:
Post a Comment