Dawn in-numri jġgħeluk tieqaf u taħseb! X’kien se jibbenefika s-settur agrikolu li kieku Malta baqgħet barra mill-Unjoni Ewropea? Kif konna negħlbu l-isfidi tal-importazzjoni li kieku għażilna l-partnership? Ma jfissirx li b’dawn il-fondi li għandna llum għelibna kull sfida, iżda żgur mhux forsi, permezz tal-fondi li qassamna biex isir l-investiment wassalna biex il-bdiewa u r-raħħala stess ikunu aktar sostenibbli, kompetittivi kif ukoll tjieb il-prodott lokali. Dan hu li ridna li jseħħ permezz tal-għajnuniet, mhux sempliċiment sussidju fuq il-prodott iżda investiment biex il-ħidma tal-bidwi u r-raħħal tkun aktar effiċjenti biex igawdi minn dħul finanzjarju xieraq filwaqt li l-konsumatur igawdi minn prodott ta’ kwalita’ għolja.
Kull min jgħaddi minn żoni rurali llum kapaċi jinnota kemm żdiedu serer, kemm żdiedu rdieden tar-riħ u panelli fotovoltajiċi, l-irziezet tal-baqar kollha għandhom tined adekwati, u tant avvanzi oħrajn li seħħu permezz tal-għajnuniet u l-entuzjażmu tal-bdiewa u r-raħħala li huma lesti li jinvestu. Tajjeb li wieħed jgħid li l-għajnuna li aħna nagħtu fil-każ ta’ miżura partikolari li għandha l-għan li timmodernizza l-azjendi agrikoli, tlaħħaq sa 50% tal-investiment sħiħ, il-kumplament joħorġu l-bidwi jew ir-raħħal. Allura l-mistoqsija toħroġ waħidha; min se jkun lest jinvesti jekk ma jkollux fiduċja li javvanza ‘l quddiem ? Ir-risposta hi waħda faċli.
Dan is-settur bħal setturi oħra qed jagħmel titjib kbir. Għaddej minn perijodu eċitanti fejn l-isfidi qed iduru f’opportunitajiet. Eżempju: bl-investimenti li saru fl-irziezet tal-baqar, il-baqar qed jiproduċu aktar ħalib b’anqas spejjeż għar-raħħal. Bidwi li nvesta fil-ġibjuni u l-enerġija nadifa qiegħed iġib lura l-investiment kapitali filwaqt li qed jiffranka. L-importanti hu li nkomplu nħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ u b’vizjoni ta’ innovazzjoni.
Aktar informazzjoni tista tinkiseb mis-sit www.mrra.gov.mt/pa