Aug 29, 2012

Il-hgieg u Leo

Ikolli ngħid li Leo Brincat tabilħaqq beżżul.  Ma jġibx waħda tajba.  L-għada li l-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista f’San Pawl il-Baħar għamel qassata ambjentali manja sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet.  Wieħed jistenna li se jċanfar pubblikament lil sħabu tal-aġir tagħhom.

Xejn minn dan.  Tkellem dwar il-hazna tal-hgieg fil-miżbla magħluqa tal-Wied Fulija.  Fl-istess waqt li kien qed jgħid li mhu jsir xejn biex jitneħħa l-ħġieġ li kien qed jinħażen hemm b’mod temporanju, il-WasteServ kienet qed tagħmel l-aħħar tħejjijiet biex tesporta mal-2,100 tunnelata ta’ ħġieġ lejn il-Portugall biex jiġu riċiklati.

Kif diġa kellna opportunita’ ngħidu, parti mill-ħġieġ ser jintuża wkoll għar-riabilitazzjoni tal-istess miżbla.  issa fuq kollox il-hgieg ma jikkontaminax l-ambjent ghax huwa inert material. Dan Leo Brincat ilu jafu pero għażel li jinjorah bl-iskop li jattakka u jnaqqas mill-kredibilita’ tal-WasteServ.  Pero Leo Brincat beżżul u ma nlumx lill-ġurnalisti li attendew din il-konferenza tal-aħbarijiet li spiċċaw staqsewh fuq dak li seħħ f’San Pawl il-Baħar.  

Leo Brincat ta tweġiba patetika meta qal li hu mhux responsabbli mill-Kunsilli Lokali u li din il-materja għandha tiġi trattata mill-partit b’mod intern.  Ara kieku kien Kunsill Lokali mmexxi b'maggoranza tal-PN, malajr kien jitlob xi rizenja ! Imma meta jkun involut il-Labour  jgħid li hu mhux lest li jieħu pożizzjoni.  Din hi s-serjeta’ ta’ Leo Brincat u tal-Oppożizzjoni u din hija r-riga li biha beħsiebhom imexxu jekk jirbħu l-elezzjoni li ġejja ?

Aug 23, 2012

Holqien ta' impjiegi


Ftit tal-ġranet ilu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO) ippubblika ċ-ċifri dwar kemm kien hawn nies jaħdmu full time f'Marzu li għadda. Dawn iċ-ċifri komplew jikkonfermaw li issa f'Malta għall-ewwel darba hawn aktar minn 150,000 ħaddiem jaħdmu full time, eżattament 150,400.
 
Din hi żieda ta' 2,500 fl-impjiegi full time fl-aħħar sena li minnhom, 2,300 żdiedu f'impjiegi produttivi mal-privat biex il-privat f'Malta issa qed iħaddem 109,600, jew tliet-kwarti tal-ħaddiema kollha. Żdiedu l-impjiegi full-time fl-oqsma tar-ristoranti, id-divertiment u l-kultura, il-manifattura tal-farmaċewtika, it-trasport, l-ipprogrammar u l-konsulenza dwar il-compjuters, l-accountancy u l-konsulenza tal-management, is-saħħa u l-edukazzjoni.
 
Dan hu t-tip ta' xogħol ġdid u modern li qed toħloq l-ekonomija tagħna grazzi għat-tmexxija ta' Lawrence Gonzi li żamm il-pajjiż miexi tajjeb minkejja kriżi wara l-oħra barra minn Malta; kuntrast kbir mal-korpi militari ta' 25 sena ilu. U mhux biss. Il-kuntrast fin-numri hu enormi. Fl-1987 f'Malta kien hawn jaħdmu mal-gvern 55,000 ruħ waqt li llum hawn 41,000 mal-gvern – tnaqqis qawwi fl-aħħar 25 sena. U waqt li llum hawn 109,600 mal-privat, din hi żieda kbira ta' 70% fuq il-65,000 li kien hawn jaħdmu mal-privat 25 sena ilu.
 
Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem ħolqu x-xogħol; mhux xogħol fil-korpi imma xogħol produttiv li jagħti dinjita' lill-ħaddiema u li jixhed l-ekonomija vibranti u dinamika li għandna llum misjuqa mill-inizjattiva privata li ma tħaddimx in-nies biex tagħmel pjaċir lil xi ħadd imma li qed tħaddem rekord ta' nies illum għax hawn ix-xogħol. Dan ma jfissirx li kulħadd għandu l-impjieg li jixtieq. Hemm persuni li huma bla impjieg u rridu nibqgħu determinati li ntejbu l-klima ekonomika biex dawn ukoll isibu x-xogħol li jagħtihom l-akbar sodisfazzjon.

Aug 22, 2012

Protagonist

Ghadu kemm hallina wiehed mill-protagonisti tal-istorja ta' pajjizna tal-ahhar kwazi 70 sena. Taqbel jew ma taqbilx mieghu, definittivament kien protagonista. Hadem ghal Malta kif l-ahjar fehem hu. Kellu impatt fuq pajjizna u hajjitna.

Personalment nemmen li ghalkemm wettaq bidliet importanti specjalment fil-bidu tas-snin sebghin fis-sistema socjali, xorta nahseb li ma gharafx jimxi maz-zminijiet u l-hsieb u l-azzjonijiet tieghu stagnaw. U mieghu stagna wkoll pajjizna.

Anke jekk ma qbilniex mieghu, insellmulu.

Aug 19, 2012

Cereali


Spiss erġajna qed nisimgħu dwar it-theddida reali ta’ kriżi fil-produzzjoni tal-ikel madwar id-dinja.  Din realta’ li hija misjuqa minn spekulazzjoni bla rażan tac-cereali kif ukoll minn fatturi naturali bħalma hija n-nixfa li laqtet lill-Istati Uniti.  Dawn ir-raġunijiet qed iwasslu għal prezzijiet li qatt ma rajna bħalhom fic-cereali li jieklu l-annimali bil-konsegwenza ta’ effetti devastanti tul il-produzzjoni kollha tal-ikel. 

Biżżejjed insemmi ftit numri impressjonanti.  Skont il-FAO, li hija l-organizzazzjoni tal-ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, f’Lulju biss il-prezzijiet tal-ikel b’mod ġenerali telgħu b’6 fil-mija, l-ikbar żieda fl-aħħar tliet snin.  Bħala medja c-cereali għolew b’iktar minn 20 fil-mija. 

Din hija theddida li tolqotna mill-qrib, pero tolqot mill-qrib ħafna wkoll lil madwar biljun persuna li jgħixu mal-linja tal-faqar.  Dawk il-popolazzjonijiet f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, fejn in-nefqa fuq l-ikel tfisser mat-80 fil-mija tan-nefqa kollha tagħhom f’xahar.  Hu kkalkulat li jekk il-prezz tal-ikel jitla’ bi ftit ieħor u jmiss l-10 fil-mija ta’ żieda, mal-10 miljun ruħ mill-ewwel jispiccaw ibatu l-guħ.  

Hemm bzonn ta’ azzjonijiet konkreti.  Pajjiż bħal tagħna din id-daqqa jħossha aktar peress li aħna niddependu esklussivament mill-importazzjoni ta’ cereali biex nitimgħu l-bhejjem fl-irziezet ta’ pajjiżna.  Huwa għalhekk f’loku li għall-laqgha tal-Ministri tal-Agrikoltura ta’ 13-il pajjiz fil-Meditterran membri fl-organizazzjoni CIHEAM li se ssir Malta x-xahra id-dieħel għazilna s-sigurta’ tal-ikel fil-pajjizi tal-Mediterran bħala tema ewlenija.

Aug 16, 2012

Ricerka għal kwalita' aħjar


Fil-qasam tal-produzzjoni tal-inbid, importanti li ma nħarsux biss x’irnexxielna niksbu matul l-aħħar 10 snin, imma mportanti li nibnu struttura soda għar-riċerka biex inkomplu intejbu dak li ksibna. Illum kelli l-opportunita’ inżur ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq centru sperimentali ġdid għall-vitikultura (l-istudju tat-tkabbir tad-dielja) u l-enoloġija (l-istudju tal-produzzjoni tal-inbid) ġewwa l-Buskett. Dan iċ-ċentru qiegħed isir b’investiment ta’ ‘l fuq minn €500,000 b’kofinanzjament ta’ 85% mill-programm inter-reġjonali tal-UE bi sħab mal- Istituto Regionale delle Vite e del Olio ta’ Marsala fi Sqallija li kelli opportunita’ nżur xi sena u nofs ilu. Fil-fatt f’dan ic-centru se titkompla ricerka li ser isiru bl-għajnuna teknika ta’ dan l-istitut Sqalli. 

Fil-preżent u iktar u iktar fil-futur, ir-riċerka hi ċ-ċavetta tas-suċċess f’kull settur ta’ intrapriża. Il-biedja ma hiex eċċezzjoni, speċjalment l-qasam tal-vitikultura u produzzjoni tal-inbid. Dan iċ-ċentru ser ikun maqsum f’winery sperimentali fejn ser jiġu studjati tekniċi ġodda fil-produzzjoni tal-inbid, u laboratorji. Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbid ser tkun mqassma f’żona fejn jingħasru kwantitajiet żgħar tal-għeneb għall-inbid, żona fejn l-inbid jistrieħ u jimmatura (ageing) u żona fejn l-inbid jiġi       bbottiljat u maħżun. Iż-żewġ laboratorji ser ikunu ddedikati għall-analiżi kimika u mikrobijoloġika tal-għeneb u l-inbid kif ukoll għall-analiżi tal-ħamrija fejn jitkabbru id-dwieli. Barra minn hekk, fl-għelieqi ta’ madwar iċ-ċentru ser jitħawlu vinji sperimentali b’varjetajiet tad-dwieli Maltin. 

Bid-dħul ta’ Malta fl-U.E. pajjizna għamel qabża kbira ‘l quddiem. Daħħalna numru ta’ regolamenti ġodda f’dan is-settur, li fiċ-ċentru tagħhom għandhom l-interess tal-konsumatur u tal-bidwi. Malta tikkonforma 100% ma dawn il-liġijiet u għandna sistema lokali nbejjed ta’ kwalità (D.O.K. u I.G.T.).  Huma madwar 80 l-inbejjed ta’ kwalità li nsibu madwar il-pajjiż. Ta’ min jgħid li dan ic-centru se jservi ukoll ta’ ċentru ta’ kontroll tas-settur dwar konformita ma’ liġijiet kif ukoll bħala post fejn jingħata taħriġ u informazzjoni għal bdiewa u produtturi tal-għeneb u għassara tal-inbid biex tiżdied u tissaħħaħ il-kwalita.   B'hekk nkomplu ngħinu wkoll lis-settur privat lokali jkompli jtejjeb il-prodott tiegħu lill-konsumatur.

Aug 14, 2012

L-4 ucuh tal-Olimpiadi ta' Londra


L-Olimpjadi bdew u spiccaw. Festa kbira ta’ sports. Għalija kien hemm 4 ucuh li se nibqa niftakar mill-Olimpjadi ta’ Londra minn dak li kelli cans nsegwi.  L-ewwel wicc huwa dak ta’ Mohammed jew Mo Farah hekk kif rebaħ it-tieni midalja tad-deheb tiegħu fl-Olimpiadi ta’ Londra. Espressjoni ndimentikabbli ta’ ferħ fuq wiccu. Ta' 8 snin Mo wasal fir-Renju Unit mis-Somalia. Integra ruħu fl-atletika f’pajjiz ġdid għalih u spicca biex sar wieħed mill-aktar atleti li ġab ferh fuq wicc l-Ingliżi meta rebaħ il-midalja tad-deheb fil-5,000 mtr u l-10,000 mtrs.

Wicc iehor li mhux se ninsa huwa dak ta’ omm Michael Phelps hekk kif dan rebah is-sittax il-midalja tad-deheb tiegħu f’Londra.  Debbie Phelps ccelebrat b’kull mod: wersqet, bkiet, ippuntat b’subghajha, għanqet lil min kellha ħdejha. Probabilment kienet qed tiftakar dak li għamlet hi għal binha matul ħajtu.  Kemm waslitu fl-4.00am għat-training u kull fejn marret miegħu biex illum binha sar l-aktar atleta Olimpiku li qatt rebaħ midalji: 22 li minnhom 18 huma tad-deheb.  Ħasra li ddecieda li jirtira !

It-tielet wicc huwa dak tal-fencer tal-Korea t’Isfel, Shin A-lam.  Shin poġġiet bil-qegħda tibki waqt li kienet qed tistenna deciżżjoni wara t-tmiem kaotiku tas-semi-final tagħha mal-Ġermaniza Britta Heidemann, fejn f’sekonda “miżjuda” l-Ġermaniza irnexxielha teqleb telfa f’rebħa.  Wicc ta’ agonizmu sportiv, li jġegħlek tiftakar li f’kompetizzjonijiet bħal dawn decizzjoni ta’ ufficjal tista ġġib fix-xejn it-tamiet kollha ta’ atleta.

Imma l-aktar wicc li mhux se ninsa huwa l-wicc ta’ kull assistant mill-madwar 70,000 volontier li għenu minn wara l-kwinti biex l-Olimpjadi ta’ Londra kienu s-success kbir li kienu.   Għalija dawn kienu l-eroi veri tal-Olimpiadi ta’ Londra. Volontiera li taw mijiet ta’ siegħat ta’ xogħol mingħajr ħlas.  Mhux talli ma tħallsux talli saħansitra kellhom iħallsu huma stess għat-trasport biex mill-belt tagħhom imorru Londra anke għat-taħrig qabel l-istess Olimpiadi.  X’sens ta’ dedikazzjoni !

Aug 9, 2012

Leo outdated


L-Onor Leo Brincat reġa għamilha! Bħas-soltu ħa falza stikka! Ikkwota statistika fuq l-iskart li tmur lura għal sentejn ilu, u li ma tirrapreżentax ir-realtà sħiħa ta’ pajjizna llum. U tgħidx kemm feraħ, tant li qalilna “li pajjiżna ma jirbaħx midalja fl-olimpjadi fl-immaniġjar tal-iskart!!”  Kieku kien għalih lanqas biss nikkompetu mal-pajjiżi ewropej għax tgħidx kemm stinka biex nibqgħu barra mill-EU. U mhux hekk biss, bit-tfixkil tiegħu u tal-Opposizzjoni, li kien għalihom lanqas bdejna fuq immaniġjar tal-iskart.  Opponewna fuq kull facilita’ li pproponejna u sahansitra Alfred Sant kien qalilna biex nibghqu narmu fil-mizbla l-antika tal-Maghtab u Joseph Muscat ried jiffriza l-fondi ghall-immodernizzar tal-impjant ta’ Sant’ Antnin. 

Bil-vizjoni taghna s-settur tal-immaniġjar tal-iskart żviluppa ħafna u ħoloq ħafna impjiegi ġodda fil-qasam tal-ambjent. Illum insibu diversi operaturi privati li jikkumerċjalizzaw l-iskart. Hu għalhekk li l-MEPA hi nkarigati mill-ġbir tad-data u tal-istatistika, u trid tiġbor wkoll dettalji minn dawn l-operaturi. Jekk ma jsirx hekk l-istatistika ma tkunx qed tirrifletti r-realta’ tal-pajjiż sħiħ.  Illum mhijiex biss il-WasteServ li tiġbor u titratta l-iskart. 

Mid-data miġbura mill-WasteServ biss, fl-2010 kien hemm biss 15% tal-iskart li ma marx fil-landfill. Fl-2012 diġa 43% mill-iskart ma marx fil-landfill. Dan ir-riżultat ma jiġix bix-xejn u lanqas ma ġie bis-sahha tiegħek Onorevoli Brincat. Investejna f’engineerred landfill, immodernizzajna l-Impjant ta’ Sant’ Antnin, bdejna s-sistema ta’ ġbir ta’ skart isseparat mid-djar u mill-bring in-sites b’xejn, u bnejna inċineratur ġdid li ħa post l-inċineraturi li kienu jniġġsu, u għaddejjin bir-riabilitazzjoni tal-miżbliet il-magħluqa biex jinbidlu f’parks għall-familji. B’fondi ewropej inbnew ukoll 5 ċentri li jilqgħu fihom skart goff domestiku.  

Mis-Centri ghall-Iskart Goff (Civic Amenity Sites), sa Diċembru 2011, aktar minn 85,000-il tunnellata ta’ skart goff inġabar minn dawn il-faċilitajiet, li dejjem offrew servizz b’xejn lill-pubbliku.  Proprju l-ġimgħa l-oħra qomna bl-aħbar li l-MEPA approvat il-ħruġ tal-permess biex isir is-sitt Ċentru għall-Iskart Goff li se jinbena f’Ta’ Qali. Din il-faċilità filwaqt li tista’ tintuża mill-pubbliku se tkun qed tilqa’ fiha wkoll skart u fdalijiet oħra mis-settur agrikolu peress li l-binja se ssir viċin il-Pitkalija. Dan il-pass jorbot ukoll mar-riforma li qegħdin inwettqu fil-Pitkalija ħalli jiġi kkontrollat ir-rimi ta’ prodotti agrikoli lokali friski.  Din hi ħidma konkreta li biha verament niksbu r-riżultati li jkomplu joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ mpjieg u mhux diskors vojt mill-Opposizzjoni.

Aug 8, 2012

100 Miljun

Is-Sibt li ghadda kelli okkażżjoni mmur ngħum fil-baħar biswiet Għawdex u Kemmuna u kont verament impressjonat bil-kwalita’ tal-ilma tal-baħar.  Nadif tazza.  Kont impressjonat l-aktar bil-baħar ġewwa Kemmuna fejn il-baħar kien miksi kaħli u ħut ieħor.  Konna qiesna qed ngħumu ġo aquarium kbir, mdawrin b’eluf ta’ ħut jgħumu magħna ! 

Imma l-kwalita’ tal-ilma tal-baħar ma waqgħetx mis-sema.  Hija frott tad-deciżżjoni tal-Gvern li għandna llum meta ddecieda li jinvesti mal-100 miljun euro fi tlett impjanti li jsaffu d-drenaġġ qabel ma nitfgħuh il-baħar, wieħed f’Għawdex, ieħor fil-Mellieħa u l-akbar wieħed ġewwa vicin ix-Xghajra ta’ Ħaż-Żabbar.  Kienu dawn li ġabu l-bidla tant posittiva fil-kwalita’ tal-ibħra ta’ madwarna. Is-sena l-oħra l-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li Malta għanda t-tieni l-aktar ibħra tal-għawm nodfa, jaqbiżna biss Cipru. 95% tas-87 sit tal-għawm ta’ pajjiżna ġew dikjarati “ibħra eccellenti għall-għawm” mill-K.E.

4 mis-siti ġew dikjarati “ibħra tajba għall-għawm” u sit wieħed biss dak ta’ fejn kien hemm l-outflow l-antika tad-drenaġġ qabel, vicin ix-Xghajra.  Ovvjament il-marka li mistennija tingħata lill-pajjiżna hi mistennija lit kun anke aħjar issa li fl-aħħar tas-sena l-oħra beda jopera l-impjant tax-Xgħajra wkoll. 

Tajjeb niftakru li sa 2005 nofs il-postijiet tal-għawm tagħna kienu dikjarati li ma jilħqux l-standards ewropej.  Sal-2009 konna diġa għamilna progress kbir, tant li 93% kienu diġa laħqu standard “eccellenti” skond il-K.E. Bl-investimenti li għamilna mhux biss investejna f’saħħet il-familji Maltin, imma nvestejna fl-ambjent li minnu jiddependu s-sajjieda u tant ħaddiema li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu.

Aug 7, 2012

Salini - Investiment kbir ieħor

Is-salini li hemm ħdejn is-Salina limiti tal-Qawra, nbnew mill-Kavalieri fis-seklu sittax minħabba fl-importanza li l-melħ kellu għall-ipriservar tal-ikel. Biex jiddefendu s-salini bnew l-istruttura difensiva tax-Ximenes Redoubt. Aktar tard fiż-żmien inbena maħżen għal melħ ġewwa ir-Redoubt mill-Gran Mastru Ximenes de Texada u fil-1743 ġie skavat fougasse ġewwa ir-Redoubt innifsu u ieħor ftit distanza ’l bogħod. Ix-Ximenes Redoubt huwa uniku għax ġewwa fih għandu ukoll fougasse li hija struttura speċjalizzata ta’ natura difensiva u militari. 

Fis-seklu dsatax inbnew ukoll numru ta’ strutturi (huts) qrib tas-salini sabiex il-melħ jiġi maħżun u maħdum. Dawn l-istrutturi nbnew mir-reġiment Ingliż (Sappers) u huma simili għal dawk li ssib fis-salina ta’ Guerande ġewwa Franza u li jissejħu ‘salorges’. Dawn l-istrutturi kienu mibnija fuq qafas tal-injam li kien magħqud permess ta’ elementi tal-ħadid. Dawn l-istrutturi kienu miksija bl-injam li maż-żmien tmermer u ġie mibdul b’corrugated sheeting tal-ħadid.

Is-Salini fl-aħħar snin kienu jinstabu f’qagħda ħażina ħafna tant li huma mgħarrqa minħabba l-ħsara li saritilhom fil-maltempata tal-2003. Minn dak iż-żmien ’l hawn is-salini ma ntużawx u tħallew fi stat ta’ abbandun. Ix-Ximenes Redoubt kient tinstab ukoll f’qagħda ħażina u fi bżonn ta’ restawr waqt li l-fougasse li hemm ġewwa r-Redoubt jinstab mirdum. Kien għalhekk li tlaqna bi proġett ta’ riabilitazzjoni u restawr ta’ dan il-post. 

Ix-Ximenes Redoubt ser jintuża bħala ċentru għall-viżitaturi li jagħti informazzjoni fuq is-sit kollu – storja, arkaeoloġija, ekoloġija: flora u fawna, ornitoloġija u l-użu tradizzjonali tas-salini. Dan iċ-ċentru se jkun magħqud mal-huts tas-salini permezz ta’ mina li se tgħaddi minn taħt l-art. Is-salini ser jerġgħu jitħaddmu sabiex issir il-produzzjoni tal-melħ u b’hekk tnejn mill-istrutturi li ser ikunu mibnija ser jintużaw biex jaħżnu il-melħ u biex jaħdmuh, jiġifieri kif kienu jintużaw fl-imgħoddi. It-tielet struttura li ser tinbena ser tintuża bħala mużew dedikat għall-produzzjoni tal-melħ f’pajjiżna. Dan il-proġett, li ser jiswa madwar €7 miljun, hu parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Aug 5, 2012

Kwalita'

Bħalissa f’pajjiżna jibda l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-għasir, biex fi ftit xhur oħra dan l-għeneb ikun trasformat f’inbid lokali ta’ kwalita’ li artna tipproduċi. Is-sena l-oħra f’pajjiżna l-għeneb malti ġie trasformat fi ‘l fuq minn madwar 2 miljuni fliexken tal-inbid. 

Ovvjament aħna nridu li l-inbid Malti li jitpoġġa fis-suq ikun wieħed ta’ kwalita’ u għalhekk fl-aħħar snin nhedejna numru ta’ kontrolli biex niżguraw li l-inbid Malti jilħaq ċertu livell ta’ standard. Bi pjaċir ngħid li 90% tal-inbid lokali huwa nbid DOK jiġifieri ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata u l-kumplament huma nbejjed li għandhom denominazzjoni IĠT,  jiġifieri Indikazzjoni Ġeografika Tipika. Insibu madwar 80 inbejjed DOK f'pajjiżna. Biex ikun hemm aktar kontrolli fuq il-kwalita’ introducejna sistema ta’ banderols mal-fliexken li jingħataw lill-processuri a bażi tal-volum tal-għeneb li jkollhom.  Ħalli ma jispiccax isir il-miraklu tal-ħames ħobziet u żewġ ħutiet !  

Fatt interressanti dwar il-konsum ta’ inbid fil-gżejjer Maltin hu, li n-nies l-aktar li jixorbu huwa nbid abjad, tant li 60% tal-inbid li jinbigħ fis-suq huwa abjad, 10% inbid rose’, u 30% inbid aħmar. Iżda l-inbid prodott mill-għeneb Malti u Għawdxi li kien hawn imħawwel sas-sena l-oħra kien maqsum hekk – Inbid abjad 45%, Inbid Rose’ 20% u Inbid aħmar 35%. Għalhekk biex l-inbid lokali jkun jista’ jlaħħaq u jadatta mad-domanda tas-suq, il-Ministeru iffinanzja u għadu qed jiffinanzja proġett ta’ tilqim tad-dwieli biex id-dwieli jitlaqqmu u flok għeneb aħmar jiproduċu aktar għeneb abjad.

Matul l-aħħar snin, kien hemm ukoll it-twelid ta’ Estate Wineries, fejn jiġi pprocessat għeneb li jkun tkabbar fuq l-istess art madwar il-winery. Kien għalhekk li f’April ta’ din is-sena ppublikajna Green Paper li tindirizza kif l-aħjar ngħinu inizjattivi bħal dawn ħalli nkomplu nsaħħu l-inbejjed ta’ kwalita’. Finalment meta wieħed jigi biex jagħzel inbid lokali minn inbid barrani wieħed għandu jiftakar fil-ħidma tal-bdiewa tagħna li jkabbru l-għeneb għall-għasir. Permezz tagħhom f’dawn ix-xhur tas-sajf bid-dwieli qed ikomplu jħaddru l-kampanja ta’ pajjiżna anki f’dawn il-ġranet sħan tas-sajf.  Għalhekk meta tagħzel flixkun inbid lokali, għaraf li tkun qed tinvesti wkoll b’mod dirett fl-ambjent ta’ pajjiżek.