Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill
tal-Ministri Ewropej tas-Sajd li saret din il-ġimgħa, intlaħaq ftehim parzjali dwar
il-fond (European Maritime and Fisheries Fund – EMFF) li ser isostni r-riforma
tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea. Din il-politika dejjem kienet ikkritikata għax
tippromwovi sajd mhux sostenibbli.
Rapporti fil-mezzi tax-xandir
internazzjonali qed jirrapurtaw kif il-Kummissarju Ewropew tas-Sajd u għaqdiet
tal-ambjentalisti, bħalma hi l-Greenpeace, qed jikkritikaw dan
il-ftehim u qed jgħidu li dan mhux ser ikun sostenibbli minħabba li jinkludi
għajnuniet diretti lis-sajjieda; bħal per eżempju miżuri ta’ għajnuniet għal
waqfien mis-sajd biex tittejjeb is-sostenibilita’, u oħrajn li jinkludu għajnuniet
għal immodernizzar li jwasslu għal aktar effiċjenza fl-użu ta’ fuel u inqas
emissjonijiet.
Din il-posizzjoni
tissorprendini mhux biss għax dawn l-għajnuniet huma neċessarji imma anke
minħabba l-fatt li qed jiġi njorat l-aktar element importatni tal-fond vis-à-vis
sontentibilita. Tul id-diskussjonijiet,
Malta insistiet li l-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi huma aspett
essenzjali li bih l-Unjoni tista’ ttejjeb l-istrateġija tagħha għal settur
tas-sajd aktar sostenibbli. Minħabba li dawn il-kriterji ġew esklużi minn dan
il-qbil u ser jiġu diskussi aktar ‘l quddiem, Malta ma tatx l-appoġġ tagħha
għat-test adottat u spjegat kif dan għadu ma jagħtix garanzija li se jkun
jista’ jsostni l-ambizzjoni ta’ sostennibilita’ ogħla li għandha r-riforma.
Malta
ser tkompli tisħaq li s-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira għandu
jkun il-prijorità tal-Unjoni dan għax is-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala
żgħira jaħdem
fl-aktar prattiċi tas-sajd sostenibbli. Nemmnu ukoll li l-fondi għandhom jiġu
indirizzati lejn dawk l-oqsma li mhux biss jiġġeneraw l-impjiegi iżda li
jiggarantixxu ukoll tkabbir u sostenibbiltà. Il-proposta issa għad trid tiġi diskussa u
ratifikata mill-Parlament Ewropew. Nittama li l-ambjentalisti jiffukaw l-azzjoni tagħhom
biex jiżguraw li l-fond jagħti priorita’ lis-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira
u mhux dak industrijali.
1 comment:
Nahseb li is-sajd sostenibbli ma jiddependix jekk hux artigganali jew le, izda jiddependi mill-metodi uzati. Per ezempju l-uzu ta' pariti fil-bajjiet minn kajjikki zghar jghamel hsara tremenda lill-hut, mentri l-irziezet tal-awrat u l-ispnott huma pjuttost sostenibbli.
Post a Comment