Oct 19, 2012

An investment in knowledge pays the best interest.


Ftit tal-ġranet ilu waqt housevisit kien hemm mara li bdiet tkellimni fuq l-edukazzjoni kemm avvanzat f’pajjiżna. F’ħin minnhom qaltli li fl-edukazzjoni “tant imxejna ‘l quddiem li fl-Universita  għandna 3,600 student”. Jekk 3,000 student fl-Universita’ rathom ħafna tant li kienet impresjonata bis-suċċess, tistgħu timmaġinaw kemm skantat aktar meta għidtilha li l-Universita fil-fatt illum tikkonsisti f’aktar minn 11,000 student u mhux 3,000 ! Bi popolazzjoni ta’ aktar minn 11,000 student u studenta l-Universita hi villaġġ ftit iżgħar minn Tas-Sliema, u akbar mil-lokalitajiet bħan-Naxxar jew il-Ħamrun. 
 
Kultant lanqas nintebħu aħna stess kemm kibret l-Universita’ u kemm avvanzat is-sistema edukattiva f’pajjiżna. Ftit statistika interesanti hi li meta jien spiċċajt l-istudji tiegħi fl-Universita’ fl-1990 kienu daħlu bħala studenti ġodda 1,176 student. Illum għas-sena 2012/2013 bdew din l-avventura f’ħajjithom 4,466 student b’aktar minn nofshom ikunu nisa. X’differenza !
 
Il-korsijiet fl-Universita’ qegħdin kull ma jmur jiżdiedu u jwasslu biex l-Universita’ taġġusta wkoll għal bżonnijiet tal-ekonomija maltija. Huwa għalhekk li fl-Univerista wkoll qed tinbena fakulta’ ġdida tal-ICT, settur li kull ma jmur qiegħed dejjem jikber. 
 
Mal-istudenti tal-Universita wieħed ma jridx jinsa li hemm mas-6,000 student/a jistudjaw f’oqsma differenti l-MCAST, fil-manutenzjoni tal-ajruplani, fl-IT u fis-Servizzi Finanzjarji, fost oħrajn. Dawn in-numri b’mod naturali joħolqu l-bżonn ta’ nfrastruttura akbar biex tlaħħaq mal-istudenti. Għalhekk qed isir il-bini ta’ Campus ġdid tal-MCAST f’Raħal Ġdid.  Bhala gvern investejna bil-qawwi fl-edukazzjoni ghax il-kredu taghna huwa bhal dak ta’ Benjamin Franklin: “An investment in knowledge pays the best interest.”

Oct 18, 2012

Għajnuna lill-volontarjat

Matul l-aħħar ġranet kelli l-opportunita’ nżur ix-xogħlijiet li l-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet qed iwettqu fuq binjiet differenti li se joffru akkomodazzjoni lil żewg għadqiet volontarji li jagħmlu xoghol imprezzabli fost iz-żgħażagħ.  Żort l-ewwel il-binjiet ġewwa Għajn Tuffieħa li se jservu ta’ Training Centre għaż-żgħażagħ tas-Salesians Brigade.  Kienu żewg binjiet, li darba kienu barracks tal-Forzi Militari Inglizi, li kienu mitluqa għall-aħħar.   Saħansitra s-soqfa kienu perikoluzi għall-aħħar.  Bhala Ministeru tajna sehmna biex irrestawrajnihom ħalli jilqgħu fihom liż-żghażagħ li jippartecipaw f’din il-Brigade li twieldet 102 sena ilu.
 
Is-Salesian Brigade, li qabel kienet magħrufa bħala s-Salesian Boys Brigade, toffri esperjenza unika ta’ tagħlim lil ġuvintur u tfajliet permezz ta’ attivitajiet li jinkludu drill, tagħlim ta’ strumenti mużikali, dixxiplina, campings, u xogħol voluntarju. Kienu bosta t-tfal ta' Tas-Sliema u l-lokalitajiet tal-madwar li matul l-ahhar 102 sena żviluppaw bħala individwi responsabli billi segwew ħajja attiva nisranija, ħajja ta’ saħħa fiżika u formazzjoni socjali. Illum il-Salesian Brigade nfirxet lil hemm minn Tas-Sliema tant li tiġbor fiha tfal, żgħażagh u adulti minn 26 lokalita' f'pajjiżna.
 
Żort imbagħad iż-żewġ binjiet ġewwa Pembroke li se jilqgħu fihom in-North District Girl Guides Training Centre u l-HQ tal-Pembroke/St.Andrews Scouts.  Waħda mill-binjiet se jservi ta’ Training Centre fejn il-leaders jitħarġu biex itejjbu l-leadership skills tagħhom ħalli jkunu jistgħu jirrispondu aħjar għall-isfidi li l-membri tagħhom ipoġġu quddiemhom illum. Dawn il-binjiet se jilqgħu wkoll fihom Girl Guides minn Distretti oħra fejn ikunu jistgħu anke jorganizzaw sleep overs u live inns ecc.  Il-binja l-oħra se tilqa fiha lill-Scouts ta’ Pembroke/St.Andrews li sa llum ma kellhomx fejn jiltaqgħu.
 
Dan ix-xoghol setgha jsir wara li l-kollega tiegħi Jason Azzopardi laqa’ t-talba ta’ dawn l-għaqdiet biex jgħaddi lilhom dawn il-binjiet.  Matul l-aħħar snin il-Gvern preżenti b’rikonoxximent tax-xogħol ferm utli li jagħmlu dawn l-għaqdiet volontarji għadda madwar 50 binja u sit lill-għaqdiet volontarji f’pajjizna.  Dawn l-għaqdiet, li jaħdmu primarjament fost iż-żgħażagħ, joffru formazzjoni f’bini ta’ karattri u joffru wkoll alternative entertainment liż-żgħażagħ tagħna.  Iżda fuq kollox f’socjeta’, li dejjem aktar qed issir waħda individwalista, qed jsaħħu r-responsabilizazzjoni taż-żgħażagħ lejn il-kumplament tal-komunita’ anke billi jħeġġuhom jippartecipaw f’xogħol volontarju b’riżq membri oħra tal-komunita’.

Oct 16, 2012

Anqas nitrati, anqas spejjeż


Mat-3,000 bidwi fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jsirulhom numru ta’ żjajjar fl-għelieqi tagħhom biex isirilhom taħriġ kif jistgħu jikkontrollaw aħjar il-livelli tan-nitrati.  Dawn iż-żjajjar jifformaw parti minn kampanja ta’ informazzjoni għall-bdiewa u r-raħħala Maltin fuq l-obbligi li jaqgħu taħt il-Pjan ta’Azzjoni dwar in-Nitrati biex jitnaqqas il-livell ta’ nitrati  fl-ilma tal-pjan. Nofs in-nefqa ta’ din il-kampanja se tkun kofinanzjat mill-programm ta’ l-Unjoni Ewropea LIFE+, se jsir b’investiment ta’ €1.4 miljun. 
 
Waqt li llum żort għalqa ta’ tlett bdiewa stajt magħhom insegwi t-taħriġ li l-bdiewa se jkunu qed jingħataw biex permezz ta’ soil analysis kit,  li hu faċli ħafna biex jintuża, wieħed fi ftit ħin jista’ janalizza l-livell ta’ nitrati preżenti fil-ħamrija tiegħu.  
 
Din il-kampanja għanda tħalli 3 rebbieħa.  L-ewwel rebbieħ se jkun il-konsumatur għax se jkollu frott u ħaxix li se jkun espost għall-anqas fertilizzanti; it-tieni rebbieħ se jkun l-ambjent għax fuq numru ta’ snin se jkun hemm anqas kontaminazzjoni ta’ nitrati fl-ilma tal-pjan; it-tielet rebbieħ se jkun il-bidwi stess għax ġaladarba jiġi mgħejjun jutilizza anqas fertilizzant, allura se jispicca jifranka spejjeż fuq fertilizzant żejjed li sa llum qed japlika fuq il-frott u l-ħaxix tiegħu.   
 
Dan li qed jinbeda llum hu ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi favur il-konservazzjoni tal-ilma, li l-Gvern  Malti qed jagħmel biex jitħares l-ilma tal-pjan, tant li l-ġimgħa l-oħra l-Kummisjoni Ewropea stqarret li r-reġim ta’ kontroll li qed jiġi mplimentat f’pajjiżna fuq l-estrazzjoni ta’ ilma minn taħt l-art huwa eżempju ta’ best practice għall-pajjiżi ewropej l-oħra, specjalment dawk meditterranji.

 

 

 

 

Oct 12, 2012

Wake up Leo !


Tal-Labour dejjem iridu jaraw ma xiex jaqbdu u jfettqu. Il-Ministeru tiegħi f’dawn il-ġranet beda proċess biex ninstallaw turbina tar-riħ fuq is-Sikka l-Bajda. Din se sservi biex l-istudju li qed jevalwa l-impatt tat-turbini fuq l-għasafar ikun aktar fid-dettal u preċiż. Hekk fil-fatt irrakkomanda l-EIA (Environment Impact Assessment) li għadu kemm tlesta. Il-Gvern applika biex jinkisbu fondi ewropej għal din it-turbina.  L-għan aħħari tagħna jibqa dak li fuq dik is-Sikka ninstallaw windfarm li jagħtina madwar 100 MW ta’ enerġija mir-riħ.
 
Iżda oħloq il-għaġeb xi ħaġa purament teknika tal-Labour ukoll jaqbdu magħha u jipruvaw idawruha f’ballun politiku bla bżonn. Biss bħas-soltu jiżolqu fin-niexef. Leo Brincat qalilna li l-Gvern żamm kollox mistur.  Mistur ?! L-istudju fuq l-impatt ambjentali tal-wind farms diġa ngħata lill-istakeholders biex jibgħatu l-kummenti tagħhom. U probabilment kien proprju għalhekk li ġurnal lokali (The Times) kien pro-attiv u talab lill-Gvern għall-kumment.  
 
Il-Gvern miexi bil-pjan kif maqbul mal-Unjoni Ewropea fuq kif pajjiżna sas-sena 2020, 10% tal-enerġija li nikkunsmaw f’Malta trid tkun ġejja minn sorsi nodfa. Dan se jkun miksub b’enerġija nadifa ġġenerata mir-riħ, mix-xemx u mill-iskart. Tant kemm pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba li l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala beda jiġġenera l-enerġija u is-sub target tal-panelli fotovoltajiċi għas-sena 2012 se jkun inqabeż bl-investiment qawwi li sar u bl-għajnuna ta’ diversi skemi imnehdija mill-Gvern.  
 
Hija ħasra li f’pajjiżna għandna Opposizzjoni li dejjem moħħa biex tfixkel. Kienet kontra l-immodernizzar tal-impjant ta’ Sant’ Antnin, saħansitra Dott Muscat prova jtellef fondi Ewropej lil Malta għal dan il-proġett u anki fuq il-Windfarms l-istess Dott Muscat f’Wied Rini mar ibeżża l-bdiewa li l-windfarms jipperikolaw il-watertable.  Imbaghad Leo Brincat kompla għaxxaqha.  Qalilna li “l-Gvern imissu jghidilna x’se jaghmel u jippublika l-pjani tieghu”.  Ghadu ma jafx li l-pjan ilu ppublikat u saħansitra mogħti lill-Kummissjoni Ewropea ! Wake up Leo ! Dan hu l-periklu li qed jaffaċċa pajjiżna, Opposizzjoni mħawda li ma tafx xi trid u li magħha ħadd ma jaf fejn qiegħed.

Oct 5, 2012

Il-Foss tal-Birgu se jinbidel fi ġnien


Il-foss tal-Birgu, li fih madwar 9,800 metri kwadru, u li jieħdok minn taħt l-entratura tal-Birgu (jiġifieri taħt Courve Port) sax-Xatt tal-Kalkara se jinbidel fi ġnien rikreativ minn fejn wieħed ikun jista’ japrezza s-swar maestużi li jdawwru d-daħla tal-Birgu. Dan jista’ jsir hekk kif il-bieraħ l-MEPA approvat il-ħruġ tal-permess għar-riabilitazzjoni tal-foss.
 
Dan il-foss, li kien għal kollox mitluq għal ħafna snin u bis-swar ta’ madwaru kważi qed jikkollassaw, issa se jingħata dehra ġdida b’siġar, arbuxelli endemici, water features kif ukoll b’ passaġġ maħdum minn materjal riciklat.  L-iskala ta` dawn il-passaġġi hi tali li tirrispetta l-ambjent li qegħdin fih. L-ilma għat-tisqija ta’ dan il-ġnien se jintuża minn ġibjuni li diġa jeżistu fl-inħawi u li bħalissa l-ilma tagħhom ma jintużax.  Is-siġar li hemm fil-foss se jinżammu kollha ħlief għal dawk is-sigar li bħalissa jinsabu fuq l-istrutturi tal-Caponier tas-seklu 18 li nstab dan l-aħħar.  Dawn is-siġar se jiġu trasplantati fl-istess foss.   F’dan il-foss se jkunu kkreati spazji fejn wieħed jista joqgħod bilqegħda u japprezza l-wirt ta’ din il-Belt fortifikata tal-Birgu li qed tingħata d-dinjita’ li jixirqilha
 
It-tisbiħ tal-foss huwa parti minn kullana ta’ xogħol li qed jitwettaq ġewwa l-Birgu. Dan jorbot ma’ 1) ir-restawr fuq 4 km ta’ swar, 2) il-bini mill-ġdid tal-ħnejja li reġgħet għaqdet il-Bastjun ta’ San Ġwann, 3) il-ftuħ mill-ġdid tal-foss li kien intradam, 4) l-ġnien ieħor li se jsir minflok l-Oil Depot li nħatt u 5) mal-proġett ta’ pavimentar u installazzjoni ta’ servizzi ġodda fl-aktar parti antika tal-Birgu li tissejjaħ il-Collacchio.  Il-proġett tal-Collacchio mistenni li jibda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.  
 
Bla ebda dubju l-belt tal-Birgu qatt ma rat xogħol ġo fiha daqs kemm rat u se tkun qed tesperjenza fix-xhur li ġejjin. Dan li qed isir fil-Birgu huwa xiehda ta’ kemm dan il-Gvern jemmen fil-potenzal tal-Kottonera kif f’livell ta għixien aħjar għar-residenti. Dawn il-proġetti qed joħolqu x-xogħol kemm dirett biex isiru l-interventi meħtieġa kif f’investiment ieħor privat lejn l-inħawi.  Tant li bħalissa l-MTA għandha 8 talbiet biex jinfetħu hostels jew guest houses fil-Kottonera.  Xi ħaġa li sa ftit taż-żmien ilu lanqas biss kien joħlomha !

Oct 4, 2012

Malta vs Grecja



Kont qed naqra l-proposti tal-budget għas-sena 2013 li ressaq il-Gvern Grieg għad-diskussjoni fil-parlament Grieg.  Budget li huwa ritratt tal-qagħda imwiegħra ta’ dan il-pajjiż.  Fost il-miżuri iebsin li qed jiġu proposti hemm it-tnaqqis tad-deficit minn 6.6.% għal 4.2% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) u dan b’numru ta’ miżuri li jinkludu tnaqqis drastiku fil-pagi tas-servizz pubbliku u fil-pensjonijiet, tnaqqis fil-ħlasijiet ta’ sigurta’ soċjali, tnaqqis fin-nefqa fuq l-edukazzjoni, saħħa u difiża.  Qed jiġu proposti wkoll riforma fiskali oħra inkluz li l-eta’ tal-pensjoni titla’ minn 65 għal 67 sena. 
 
Dan il-budget huwa parti minn programm vast ta’ awsterita’ li jkopri s-snin 2013-2014 u li jrid ikun maqbul mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Fond Monetarju Dinji (IMF).  Ma rridux ninsew li l-Grecja diġa wkoll fix-xhur li għaddew żiedet l-income tax u żiedet ukoll it-taxxa fuq il-propjeta’. Meta jgħoddu magħhom il-miżuri li se jittieħdu issa l-ekonomisti qed ibassru li l-ekonomija Griega se tickien għas-sitt sena konsekuttiva b’4% oħra ! 
 
Din hi r-realta’ madwarna, fuq l-għatba ta’ biebna.  Taqra dan kollu, u tgħid min jaf kemm jixtiequ l-Griegi li l-akbar problemi tagħhom il-“kriżijiet” tagħna !  Dak li xi kultant naqraw bħala problemi kbar tagħna huma nsinifikanti ħdejn dak  li cittadini oħra qed ikollhom iħabtu wicchom magħhom f’pajjiżi oħra.  Dan ma jfissirx li kollox ward u żgħar f’pajjiżna, imma tajjeb li l-problemi tagħna npoġġuhom f’kuntest.

Oct 2, 2012

Aktar għajnuna lill-ulied fi skejjel privati



Jien u naqra l-aħbar ippublikata llum dwar aktar għajnuna mill-Gvern lill-iskejjel privati, ma stajtx ma niftakarx f’artiklu tiegħi li kien deher fil-ġurnal The Times f’Novembru 1995, intitolat Private schools: Towards reducing the burden on parents.
 
Dak iż-żmien kont argumentajt li “The reality is that, for a number of reasons, tuition and other fees at most non-state, non-church schools are proving to be beyond the reach of a good number of Maltese families.  This is restricting access to a number of children.  It is also proving to be an excessive burden to be borne by those parents who send their children to these schools not capriciously but on the basis of a recognised human right and national policy.” F’parti ohra tal-artiklu kont ghidt “I am convinced that it is about time that the issues of access to private schools be placed on the national agenda.  Such a debate should focus on the need of state support to the educational institution or the parents, and the formulation of a policy which addresses the difficulties being encountered by private schools.
 
Nieħu gost ninnota kif il-Gvern mill-1998 ‘l hawn irrikonoxxa din id-diffikulta’ u indirizzaha.  Biżżejjed insemmi kif, fost l-oħrajn, il-Gvern qed jgħin lil dawk il-ġenituri li jibgħatu l-uliedhom fl-iskejjel privati. Kull sena, madwar 4,400 familja jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa li fl-aħħar budget reġa żdied.  Fl-aħħar 4 snin, dawn il-familji gawdew bejniethom tnaqqis ta’ madwar €8 miljuni f`taxxi.  L-iskema mnehdija llum hi għal servizzi u xogħlijiet li saru sa mill-1 ta’ Jannar 2012, u hija valida għal tliet snin.  Il-fondi jiġu allokati skont in-numru ta’ studenti reġistrati fil-bidu ta’ kull sena skolastika kif approvat uffiċjalment mid-Direttorat tal-Kwalita’ u l-iStandards fl-Edukazzjoni. 
 
Kburi li l-Gvern, li nifforma parti minnu bħala Ministru, qed jattwa dawn il-miżuri, li m’huma xejn għajr investiment fl-edukazzjoni ta’ wliedna u t-tisħiħ tal-prinċipju li l-ġenituri jibqgħu jkollhom l-għażla ta’ fejn jibgħatu lil uliedhom.  Il-ftuħ tal-iskejjel privati huwa wirt tal-politika ta’ Gvernijiet mmexxija mill-Partit Nazzjonalista.  Huwa għalhekk xieraq li jkun Gvern Nazzjonalista li jkompli jqiegħed dawn l-iskejjel fuq sisien sodi.