May 30, 2012

Carm Mifsud Bonnici - raġel eżemplari

Illum l-Opposizzjoni sparat fuq Carm Mifsud Bonnici.  Persuna li ili nafha minn meta kelli sittax-il sena.  Persuna konvinta mill-principji, b’karattru msejjes fuq il-valuri u tal-aqwa mġieba.  Bniedem li f’ħidmietu dejjem insista sabiex iż-żgħir jiġi mgħejjun jitla ‘l fuq.  X’ironija ! Imbagħad issib lil membri tal-Opposizzjoni li għax bla skruplu vvutaw biex jumiljawh u ġegħluh jilgħaq it-trab tal-art !

Carm jibqa jissemma għal ħidmitu l-aktar fuq l-immigrazzjoni rregolari u l-obbligu li nwieġbu għal dan il-fenomenu a bażi ta’ prinċipji u mhux a bażi ta’ opportuniżmu kif għamel fl-imgħoddi l-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat meta qalilna li lil dawn il-persuni dgħajfa għandna nħalluhom f’nofs ta’ baħar.

Flimkien ma’ Richard Cachia Caruana, Tonio Borg u l-Prim Ministru, Carm  ħadem u stinka biex ġab dan is-suġġett fuq nett tal-aġenda Ewropea.  Saħansitra wassal biex Malta llum tospita wkoll istituzzjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew għas-Sostenn fil-Qasam tal-Ażil.  Hemm pajjizi ohra fl-UE li sa llum ma jospitawx xi Agenzija tal-UE.

Imma Carm għax raġel, accetta l-kundanna, minkejja li jaf li ma kenitx kundanna mistħoqqa.  Għazel li jirriżenja.  Mhux għax falla imma għax spicca bħala l-ħaruf tas-sagrificcju ta’ min għandu kilba għamja għall-poter u huwa vendikattiv.  F’dan il-mument difficli ħsibijieti jmorru f’Carm u l-familja tiegħu, specjalment martu Sandra li għażlet li tiġi l-Parlament għas-seduti kollha tal-mozzjoni.  Kuraġġ Carm il-battalja tkompli u naf li se nsibuk quddiem magħna biex tkompli taghti l-kontribut tieghek.

May 29, 2012

Lejn anqas stress fl-eżamijiet

Ta’ kull sena, dan il-perjodu ikun ikkarraterizzat mill-istudju u l-stress tal-eżamijiet għal bosta studenti f’kull livell ta’ edukazzjoni f’pajjiżna. Aħna għandna d-dover li filwaqt li nkomplu nsaħħu l-kwalita’ tal-edukazzjoni, naħdmu biex insaħħu l-aċċessibilita’. Dan ifisser li rridu naħsbu f’iżjed mezzi li jippermettu lil kull student biex jirnexxielu jeċċella bl-inqas xkiel possibli. Dan iwassalni biex niftakar partikolarment f’dawk li qegħdin jagħmlu l-eżamijiet tal-Matrikola, jiġiefieri l-A-Levels u l-Intermediates, li għal ħafna minnom ifissru ċ-ċavetta għat-tkomplija tal-istudju tagħhom fl-Universita’.

Illum teżisti anomalija fis-sistema fejn f’numru ta’ każijiet studenti li jmorru tajjeb f’xi suġġetti iżda jeħlu minn oħrajn jispiċċaw ikollhom jerġgħu jirrepetu s-suġġetti kollha s-sena ta’ wara. Jiġifieri daqs li kieku dak l-eżami li ġabu marka tajba fih qatt ma għamluh. Dan iwassal biex numru ta’ studenti jaqtgħu qalbhom u jiddeċiedu li ma jerġgħux jippruvaw. Nemmen li l-eżamijiet huma għodda biex inkejjlu l-ħiliet li jkun żviluppa student, u mhux għodda biex naraw student jgħaddix minn ħafna eżamijiet f’daqqa.  Ma għandux ikun test ta' kemm għandu nifs !
Għalhekk nemmen li s-sistema għandha tiġi emendata. Għandha tagħti lok li student li jkun mar tajjeb f’eżami iżomm dik il-marka u fis-snin ta’ wara jekk jgħaddi mill-eżamijiet l-oħra jkun jista’ jgħaqqad il-marki tiegħu biex jidħol l-Universita’. Student ikun jista’ wkoll jiddeċiedi hu stess li jagħmel l-eżamijiet ftit ftit fuq iżjed minn sena waħda u jekk iġib l-eżamijiet neċessarji xorta jkun jista’ jidħol l-Universita’.
B’hekk inħeġġu iżjed studenti jagħmlu sforz jekk jaħsbu li ma jirnexxilhomx iġibu l-eżamijiet kollha f’daqqa jew ma jkunx irnexxielhom mal-ewwel darba u nevitaw ħafna stress żejjed. Għaliex nemmen fil-potenzjal ta’ kull individwu, se nibqa’ nagħmel ħilti biex l-Universita' ta' pajjiżna temenda s-sistema u dak li tistenna mingħand l-istudenti biex jgħaddu mill-bieb tagħha.

May 28, 2012

Igawdi l-but u tgawdi saħħtek


Ftit jiem ilu Liquigas Malta nhediet l-użu tal-autogas. L-ewwel pompa tal-fuel li qed toffri dan is-servizz ser tkun ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-autogas huwa diġa użat minn aktar minn 7 miljun karozza madwar l-Ewropa u b’hekk jissuplixxi l-enerġija neċessarja għal 2% tal-karozzi wżati fl-UE. Kieku l-użu tal-autogas kellu jiżdied għal 10% minn 2% sal-2020, fl-Unjoni Ewropea jiġu ġġenerati 350 miljun tunellata anqas ta’ CO2, jiġu ffrankati €20 biljun f’external costs mill-gvernijiet, inkluż spejjeż tas-saħħa relatati ma’ tniġġiz fl-arja, u jiġu ffrankati €41 biljun fi ħlas ta’ fuel mill-konsumaturi. Apparti tnaqqis ta’ CO2, karozzi li juzaw dan il-fuel jiġġeneraw anqas NOx li hu l-kaġun ta’ ħafna mard kroniku u l-cancer.

Bl-użu ta’ fuel bħal dan ma jgawdix biss l-ambjent u saħħitna iżda anke l-but tal-konsumatur. Dan għaliex l-autogas huwa 50% irħas mill-unleaded petrol u 46% irħas mid-diesel. Fil-fatt preżentament il-prezz tal-autogas huwa €0.75 il-litru u dak tal-unleaded petrol hu €1.50, kważi d-doppju. Dan hu pass ieħor li jorbot mal-Istrateġija Nazzjonali ta’ miżuri ta’ politika u tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Ta’ min ifakkar li Action 65 ta’ din l-istrategija tgħid “The Malta Resources Authority will work with the appropriate private stakeholders to introduce autogas as an accessible and affordable substitute for fuel for vehicle drivers.”

Sabiex wiehed jaghmel użu minn dan il-fuel hemm bżonn li jagħmel konverżjoni fil-magna tal-karozza. Hu kkalkulat li l-ispejjeż biex issir din il-konverżjoni jiġu bilanċajti f’sena u dan permezz tal-flus frankati mill-fuel użat. Il-konverzjoni tista ssir għand stations apposta li huma ċċertifikati mill-MRA. Ma stenejniex li joħrog fuq is-suq il-fuel u mbagħad noħorgu r-regolamentazzjoni fuq min jagħmel il-konverzjoni tal-vettura iżda ħriġna dawn ir-regolamenti f’Awwissu 2010 biex ikun hemm min jiprepara biex iġib il-licenzja meħtieġa.

Dan l-investiment jista jsir ukoll għax konna għaqlin u morna għall-privatizazzjoni tat-taqsima tal-gass tal-Enemalta. Permezz tal-privatizazzjoni ftit tal-ġimgħat oħra se jitlesta l-proġett tal-impajnt il-ġdid f'Bengħajsa, liema mpjant sar b’investiment ta’ aktar minn €20 miljun mill-privat. Dan ifisser li se jiżżarma l-impjant antik fil-Qajjenza, liema impajnt li fis-snin tmenin inbena housing estate madwaru b’periklu għan-nies li joqgħodu hemm. Għalhekk il-Gvern ried li dan l-impjant jingħalaq biex jitneħħa l-periklu minn wara l-bieb tal-familji ta’ hemmhekk.

May 19, 2012

Għażliet ħżiena


Dak li qed naraw madwarna fl-Ewropa huwa riżultat ta’ politiċi li minflok ma jagħrfu jmexxu b’responsabilita’ jispiccaw jaħarbu mir-realta’ u bl-għażliet ħżiena tagħhom jispiccaw iweġġgħu n-nies. Fil-Greċja, gvern wara l-ieħor għamel dak li kienu għamlu l-Ministri tal-Gvern Laburista Malti qabel l-1987 – idaħħlu nies mal-gvern, jaqdu lill-bażużli u jħallas il-poplu bit-taxxi. Fl-Italja, Gvern wara l-ieħor iparlaw fuq ir-riformi imma jħallu kollox kif kien għax beżgħu li jitilfu l-voti.


Ir-riżultati ta' dawk l-għażliet ħżiena wasslu biex fil-Greċja, fost awsterita' kbira, issa lanqas biss jistgħu jgħaqqdu gvern u se jmorru għal elezzjoni oħra ! Il-Greċja reġgħet qed tħares 'l isfel fl-abbiss, u s-swieq finanzjarji qed jitwerwru. Jekk il-Greċja toħroġ mill-ewro u terġa' lura għall-munita tagħha, din tant taqa' fil-valur li kulma jinbiegħ fil-Greċja jogħla m’għola s-smewwiet u l-Griegi jispiċċaw saħansitra agħar milli qegħdin bħalissa.


Traġedja ekonomika u oħra politika. Imma l-agħar hi t-traġedja umana tal-għażliet ħżiena ta' poltikanti li mhumiex kapaċi jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin f'waqthom. F'Ateni, pensjonant għamel suwiċidju pubbliku u ħalla nota lil bintu li ma riedx jispiċċa jfittex għall-ikel fil-laned taż-żibel wara li l-pensjoni tnaqqsitlu. Dan barra żieda qawwija fis-suwiċidji fil-Greċja u anke f'pajjiżi bħall-Irlanda.


Fl-Italja, mill-bidu ta' din is-sena kien hemm aktar minn 30 ruħ, kollha self-employed, li kkommettew suwicidju minħabba li ma setgħux ikampaw kawża tal-kriżi ekonomika. Dan hu r-riżultat tan-nuqqas ta' għaqal ta' politici li ma għarfux jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin f'waqthom u jinvestu minn pezza drapp limitata.  Ħasbu li jistgħu jberbqu u jdejnu l-pajjiż bla rażan biex jibqgħu fil-poter. Bl-għażliet ħżiena tagħhom, qed iweġġgħu – u jmutu – n-nies. 

May 17, 2012

Vjolenza morali

F’dawn il-ġranet bdew is-seduti fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament dwar il-mozzjoni ta’ ċensura li ressqet l-Oppożizzjoni kontra r-Raprezentant Permanenti ghall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana.  Il-bieraħ xehed il-Prim Ministru. Il-Prim Ministru ppublika dokumenti li juru kemm il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hija waħda infondata u m’għandha ebda bażi ta’ prova. 

Kif qal tajjeb il-Prim Ministru l-bieraħ, l-Oppożizzjoni għażlet li temmen verżjoni ta’ xi ufficjal barrani u għaġglet biex tressaq mozzjoni mingħajr ma għamlet tentattiv wieħed biex tivverifika l-fatti mal-Gvern Malti.  Kull ma kellha tagħmel l-Oppożizzjoni hu li titlob il-minuti tal-laqgħat, liema minuti issa huma pubblici. Fl-isfond tal-informazzjoni li diġa ħarġet fl-ewwel jum ta’ xhieda, għandu jkollha d-diċenza li tirrikonsidra l-mozzjoni li ressqet. B'dak li gara s'issa biss, bizzejjed biex tikkonvinci ruhek kemm għandna Oppożizzjoni mhux preparata u li moħħa biss biex takkwista vantaġġ politiku.

Il-Prim Ministru elenka kronoloġija ta’ kif seħħew il-fatti u kif dawn jikkontradixxu l-verżjoni li ta d-diplomatiku tal-Gvern Amerikan li wara kien ikkwotat minn Wikileaks.  Mhux talli mhuwiex il-kaz li Richard Cachia Caruana "ttradixxa lil pajjizna" kif l-Opposizzjoni qed tiprova tallega, talli l-azzjonijiet tieghu kienu kollha fl-interess ta' pajjizna. Nistenna li fil-jiem li ġejjin din il-mozzjoni mqanżħa tal-Oppożizzjoni tkompli titpoġġa fid-dawl veru tagħha, jiġifieri mozzjoni motivata minn opportuniżmu politiku u bla ebda bażi ta’ verita’. Mozzjoni kontra persuna li huwa ezempju ghall-ufficjali pubblici kollha ghad-dedikazzjoni tieghu u ghas-sens ta' dettall biex iservi bl-aqwa mod lil pajjizu.

Din hi l-verita’ tas-sitwazzjoni politika ta’ pajjiżna.  Oppożizzjoni għatxana għall-poter u li kif tara opportunita’ tgħaġġel biex tipprova tieħu vantaġġ.  Opposizzjoni li ma tiddejjaq xejn biex taghmel character assassination fuq persuna.  L-aqwa li tiprova thammeg ghal gwadann politiku. Il-vjolenza fizika il-Partit Laburista poggiha fil-genb. Post il-vjolenza fizika haditu l-vjolenza morali mbuttata mill-media taghhom. Din hi l-arma favorita taghhom. Opposizzjoni li tinjora l-fatti u tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq argumenti nfondati. 

May 15, 2012

Quality Service


L-Aġenzjia għall-Pagamenti f’Malta hija responsabbli mill-immaniġġjar tal-fondi li jiffinanzjaw l-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropeja. Għalkemm hija l-iżgħar Stat membru fl-UE, Malta xorta hija obbligata li tħares ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja u huwa dan it-task principali ta’ din l-Agenzija. L-Agenzija tal-Pagamenti trid ukoll taghti servizz lill-bdiewa u raħħala billi tipproċessa l-għajnuniet fil-ħin.


Biex ikollna sistema integrata li tagħmel il-proċess aktar sempliċi u effiċjenti iżda fuq kollox trasparenti, l-Agenzija fl-2008 implimentat sistema ġdida ta’ informatika. Dan wassal għal tnaqqis fil-kjus meta jasal iż-żmien tat-talbiet għas-sussidji.  Minnbarra hekk, illum il-benefiċjarji jistgħu jaċċesdu għad-dettalji dwar l-għelieqi u l-pagamenti tagħhom on-line.  Permezz ta’ din is-sistema l-pagamenti dovuti lill-benefiċjarji jiġu pproċessati fil-ħin.  Dan jammonta għal €5 miljun fis-sena f’sussidju dirett lil fuq minn 5,000 benefiċjarju.  L-Aġenzjia għall-Pagamenti fethet ukoll Front Office ġewwa l-Pitkalija biex taqdi aħjar lill-bdiewa Maltin u servizz minn Ghawdex ghall-Ghawdxin.


Din is-sistema informatika ġiet apprezzata anke minn Aġenziji ta’ pajjizi oħra tal-UE ferm akbar minna u qed jaraw kif jistgħu japplikaw din is-sistema fil-pajjiżi tagħhom.  Infatti l-ġimgħa l-oħra l-Aġenzija laqgħet żewġ uffiċjali mill-Aġenzjia għall-Pagamenti Rurali tar-Renju Unit li ġew jaraw il-funzjonijiet u l-operat ta' l-Aġenzija u jevalwaw kif waslet biex kisbet ir-riżultati posittiva li kisbet sa llum.  Huwa verament ta’ sodisfazzjon tara minn fejn tlaqna u fejn wasalna.  Minn hawn irrid irrodd ħajr lill-ħaddiema kollha tal-Aġenzija tal-Pagamenti li kkoperaw bis-sħiħ biex inkisbu dawn ir-riżultati posittivi.



May 14, 2012

Il-futur tal-akwakultura

L-akwakultura f’Malta bdiet 22 sena ilu meta nfetaħ iċ-Ċentru tal-Akwakultura fit-Torri San Luċjan f’Marsaxlokk. Nirringrazzja lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan iċ-ċentru u li proprju s-Sibt li għaddha organizzaw Open Day fejn kull minn attenda seta’ japrezza aktar il-ħidma li qed issir. Lejn tmiem is-snin tmenin il-Gvern kellu viżjoni u fehem l-importanza ta’ settur li kien ineżistenti. Dan kien segwit mill-iżvilupp tal-irziezet tal-awrat u l-ispnott.  L-akwakultura f’Malta ħadet żvolta oħra meta fis-sena 2000 beda jitkabbar fil-gaġeġ it-tonn.

L-industrija li bdiet fl-1990, illum tikkonsisti minn sitt operaturi li joperaw minn disa siti differenti. Sadanittant għaddejja ricerka fuq speci oħra. Malta qegħda l-ewwel fil-Mediterran fir-riċerka tat-tfaqqis tal-aċċjol u fil-fatt nittamaw li dalwaqt mmorru għall-fażi kummercjali ta’ din l-ispeci.  Għaddejja ricerka wkoll fuq il-gurbell u tonn. Fil-fatt qed nippartecipaw f’consortium ewropew fuq it-tifqis tat-tonn.

Mix-xejn illum għandna ndustrija li tikkontribwixxi b’valur ta’ €12-il miljun fis-sena.  Sa ftit tas-snin ilu l-attivita’ kienet anke tikkontribwixxi mat-€30 miljun iżda l-ammont naqas minħabba li qed jinqabad ferm anqas tonn u allura qed jitkabbar ferm anqas fil-gaġeġ f’pajjiżna. Imma fejn se mmorru minn issa ‘l quddiem biex inkabbru l-attivita’ u fl-istess ħin nirrispettaw l-ambjent ? Kien għalhekk li tlabna li titfassal startegija nazzjonali ghal din l-attivita’, liema abbozz tal-istrateġija tħejja mill-Universita’ Skocciża ta’ Sterling u li l-ġimgħa għalqet il-konsultazzjoni pubblika fuqu.

Minn din l-istrategija johrog li din l-industrija ghandha potenzjal li tipprovdi sa 2,000 impjieg diretti u indiretti. Jintqal ukoll li għandha potenzjal li tipprovdi sa €120m fi Gross Value Added ghall-ekonomija Maltija.  Ta’ min jinnota li filwaqt li meta ġiet introdotta din l-attivita’ is-sajjieda kienu xettici anzi opponewha, illum huma minn ta’ quddiem biex jimbuttaw process ta’ żvilupp f’dan il-qasam.  Għarfu li din l-attivita’ tħalli qliegħ anke lilhom u qed jgħarfu li hija għodda mportanti għad-diversifikazzjoni tagħhom, meta għall-raġunijiet ambjentali is-sajd konvenzjonali qed jiġi aktar ristrett.

May 4, 2012

Aktar spazju għall-komunita f'San Ġwann

Se mmorru biex nibnu Ċentru Ċiviku u ntejbu b’mod qawwi l-ġnien Karin Grech f’San Ġwann li jiġi quddiem il-Knisja parrokjali. Il-klabb tal-Boċċi li jinsab f’dan is-sit illum se jingħata post ġdid f’San Ġwann. sabiex il-ġnien u l-play area jikbru b’madwar 900 metru kwadru. Dan il-ġnien se jinkludi area ta’ landscaping, funtana u play area għat-tfal. Il-monument f’ġieħ Karin Grech li jinsab diġa f’dan il-ġnien ġie inkorporat fid-disinn il-ġdid u se jingħata spazju aktar prominenti fil-ġnien.



Id-diżlivell li hemm fis-sit se nisfruttawh b’mod li taħt il-ġnien se jirnexxielna nibnu Ċentru Ċiviku minn fejn ir-residenti jkunu moqdija aħjar, u fl-istess ħin jintrebaħ aktar spazju ta’ rikreazzjoni. Dan iċ-ċentru fost numru ta’ affarijiet oħra ser ikun qed joffri spazji għall-uffiċini tal-Kunsill Lokali, u sala għall-bżonnijiet tal-komunità. Il-Kunsill kien evalwa diversi proposti ta’ siti, u kien wasal għall-konklużjoni li dan hu l-aktar sit ċentrali li jista’ jaqdi l-bżonnijiet tal-komunità ta’ San Ġwann. L-ufficcju preżenti tal-Kunsill Lokali qiegħed ’l bogħod miċ-ċentru u ma jaqdiex biżżejjed il-bżonnijiet tal-Kunsill.



Hu mistenni li x-xogħlijiet jinbdew hekk kif joħorġu l-permessi mill-MEPA u jitlesta fi żmien 8 xhur minn meta jinbeda. Fil-ġranet li ġejjin se norganizzaw laqgħa ta’ informazzjoni għar-residenti.  Sadanittant wieħed jista’ jieħu idea tajba tal-proġett jekk jara l-immaġini virtwali li ħejjejna: http://www.mrra.gov.mt/page.aspx?id=113.

May 2, 2012

Ħajja ġdida lit-Torri t'Għajn Żnuber

X’differenza ! It-Torri t’Ghajn Żnuber kif kien ghal kif inhu issa.  Stajt nara dan il-bierah meta żort ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fuq dan it-torri. Dan jinsab fil-Park Nazzjonali tal-Majjistral fil-Mellieħa. Minn meta nfetaħ il-Park Nazzjonali tal-Majjistral fl-2007 bdew numru ta’ xogħlijiet marbuta mar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona biex dan il-park jitgawda aktar għal mixjiet fil-kampanja.  Ian Castaldi Paris chairperson tal-Bord tal-Park tal-Majjistral, li akkumpanjani f’din iż-żjara, spjega li issa t-torri se jibda jintuża bħala Ċentru tal-Viżitaturi.



Mhux magħruf eżattament meta nbena biss jidher li m' huwiex torri li nbena fi żmien il-ħakma tal-Kavallieri. L-indikazzjonijiet juru li dan it-torri nbena għall-ħabta tal-aħħar tas-seklu dsatax meta fl-inħawi ta’ Għajn Żnuber huwa dokumentat li kienu jgħixu 12-il persuna. It-torri huwa mibni fuq stil ta’ razzett tipikament Malti u jidher li kien jappartjeni lill-familja Ciantar. Filfatt għad issib min isejjaħ dan it-torri bħala Torri Ciantar.   Li hu żgur u li dan it-torri ntuża fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien jilqa’ fih numru ta’ uffiċjali li kienu jkunu għassa biex jilmħu l-attakki mill-ajru lejn Malta.



L-istruttura ta' Għajn Żnuber kienet mibnija minn ġebel tal-qawwi tas-sekonda biex tkun tiflaħ għall-elementi peress li t-torri jinsab f'post espost għar-riħ u qrib il-baħar.  Matul is-snin ġarrab ħsarat kbar tant li kważi kien imġarraf għal kollox. Il-ġebel li ntuża fir-restawr inġieb mill-Mellieha stess biex ikun jaqbel mal-ġebel eżistenti.  Iż-żewġ livelli tat-torri kellhom jerġgħu jissaqqfu mill-ġdid bix-xorok minn travu għall-ieħor. Twaqqa’ wkoll it-taraġ tal-concrete li kien hemm u minflok inbena taraġ tal-ġebel bl-istess materjal użat għat-torri.  Fadal biss xi xogħol żgħir inkluż l-installazzjoni tal-aperturi ta'  barra.



Irrid inrodd ħajr lill-Perita Jean Frendo li mexxiet ix-xogħol ta’ restawr flimkien mal-ħaddiema tar-Restoration Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħi. Dan ir-restawr jingħaqad mal-kullana ta’ madwar 50 proġett ta’ restawr li għamilna f’pajjiżna fl-aħħar 4 snin. Dawn l-interventi tar-restawr ħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, wrew il-kapaċita’ tal-ħaddiem u qed iwasslu biex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jgawdu wkoll il-wirt storiku ta’ pajjiżna.  Nispera li jkun apprezzat.  Qed ngħid hekk għax sfortunatament waqt li kien għaddej ix-xogħol mhux darba jew tnejn li l-ħaddiema sabu min iħott anke xogħolhom !  Tal-mistħija.

May 1, 2012

Ħsibijieti f'Jum il-Ħaddiem


Ħsibijieti llum f’Jum il-Ħaddiem imorru ma’ dawk l-individwi li jinsabu bla xogħol. Ma’ kull jum li jisbaħ tikber id-dieqa u disperazzjoni ta’ dik il-persuna bla xogħol.  Naf għax sfortunatament rajt persuni fil-familja tiegħi jgħaddu minn din l-esperjenza.  Ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna skond il-Labour Force Survey hija ta’ 6.6%. L-impenn tiegħi u ta’ sħabi jibqa dak li nikrejaw klima ekonomika li mhux biss tassigura l-impjiegi li għandna iżda tiġġenera impjiegi ġodda.  Mhux facli f’dinja li għaddejja mill-aghar kriżi ekonomika tagħha wara l-Great Depression ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.  Iżda ir-riżultati li qsibna s’issa jagħtu ammont qawwi ta’ sodisfazzjon.  Ikkrejajna 20,000 impjieg ġdid fl-aħħar 4 snin, inkluż xogħol għal ħafna nisa.


Il-bieraħ l-ILO (International Labour Organization) ħarġet ir-rapport tagħha u c-cifri li tindika fuq il-qagħda tax-xogħol fid-dinja huma verament preokkupanti.  Ftit ‘l bogħod minn fl-Italja bħalissa hemm l-għola rata ta’ qghad li qatt kellhom.  Ir-rata issa laħqet l-10%, iġifieri ‘l fuq minn 2.1 miljun persuna ifittxu x-xogħol. Fil-każ taż-żgħażagħ is-sitwazzjoni hija ferm agħar.  Wieħed minn kull tlett żgħażagħ Taljani jinsab bla xogħol.  Fi Spanja s-sitwazzjoni hija ferm u ferm agħar.  Ir-rata tal-qgħad telgħet ‘l fuq minn 24%.  5.6 Miljun persuni bla impjieg. Minn kull żewġ żgħażagħ wieħed huwa bla xogħol !!!


L-ILO ssemmi fuq kollox is-sitwazzjoni allarmanti ta’ dawk imsejjha NEET (Not in Education, Employment or Training) dawk li la jistudjaw, la jaħdmu u lanqas qegħdin jieħdu xi forma ta’ taħriġ.  L-ILO tisħaq li hemm bżonn ta’ investimenti akbar fit-taħriġ tal-persuni bla impjieg.  Anke hawn pajjiżna diġa ħa inizzjattivi posittivi, fejn saħansitra ppromovejna taħriġ lil persuni li diġa qed jaħdmu b’paga minima imma li jixtiequ jitħarġu ħalli jsibu mpjieg aħjar.


Fir-rapport tagħha l-ILO tgħid li l-miżuri ta’ awsterita’ li ħadu dan l-aħħar ħafna gvernijiet qed jirriskjaw “li jżiedu ic-ciklu ta’ ricessjoni u li jdewmu aktar il-qawmien ekonomiku u it-tisħiħ finanzjarju” għax qed jonqos il-konsum privat. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-pagi qed jiżdiedu b’rata anqas miż-żieda fl-inflazzjoni f’bosta pajjiżi”. Il-priorita’ skond l-ILO hija li “jinsab bilanc sostenibbli t-tisħiħ fimnanzjarju u t-tkattir tal-impjiegi”.  Ovvjament din tibqa l-akbar sfida.