Jun 29, 2012

Il-futur tal-agrikultura f'pajjizna

Illum Jum l-Imnarja, jum assocjat mal-biedja ta’ pajjiżna.  F’dan il-jum irrid naqsam magħkom xi ħsibijiet li qsamt mal-bdiewa u r-raħħala f’laqgħa li kelli magħhom dwar il-futur tal-Pjan għall-Iżvillup Rurali għas-snin 2014 – 2020. Ovvjament l-investiment li sar fis-settur fl-aħħar 10 snin kien wieħed massicc u sar permezz tal-għajnuna ta’ qabel is-sħubija kif ukoll permezz tal-programm tal-iżvillupp rurali 2007-2014 li waħdu pprovda €100 miljun lis-settur. B’dan l-investiment issaħħet l-infrastruttura agrikola.

Illum b’dawra fil-kampanja wieħed jinnota li l-ammont ta’ serrer żdiedu, għandna produzzjoni ta’ frott u ħaxix akbar, aktar art bi dwieli u sar titjib impressjonanti fl-irziezet ta’ pajjiżna. Tjieb il-prodott agrikolu li jkun offrut lil-konusmatur, biżżejjed  insemmi li l-ħalib li ngħata l-marka ta’ kwalita’ tal-UE kif ukoll l-imbejjed ta’ pajjżna li llum għandhom il-marka ta’ kwalita’.  

Spjegajt iżda li għad baqa ħafna x’inwettqu. Irridu naraw kif inkomplu ntejjbu l-metodi ta’ tkabbir ħalli tonqos in-nefqa tal-produzzjoni, anke b’work practices u teknoloġiji ġodda. Il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala tagħna jeħtieġ tibda tirrifletti aktar x-xewqat u x-xejriet tal-konsumatur ta’ llum, u għalhekk ukoll hemm bżonn li nkomplu ntejbu l-marketing tal-prodott frisk lokali u l-konsumatur ikollu access aħjar għalih. Inridu nkomplu naħdmu biex niggarantixxu s-sostenibbilita’ tas-settur billi naraw li aktar zgħazagħ ikomplu din l-attivita’.  

Biex dan isir nara l-bżonn li s-settur kollu jkun aktar magħqud biex flimkien inkunu nistgħu verament nagħmlu l-passi li jmiss.  Hemm bżonn ta’ aktar mexxejja tajbin, b’mentalita’ maniġerjali biex jikkordinaw aħjar mal-istakeholders kollha. Neħtieġu business minded leaders li jagħrfu jħarsu lejn il-process sħiħ tal-prodott, mill-għalqa għal ġo l-platt tal-konsumatur. Flimkien irridu nagħrfu li nistgħu nagħmlu qabża oħra ‘l quddiem fil-kwalita’ tal-prodott frisk, ġenwin, u naturalment Malti.

Jun 28, 2012

Lura jew 'l quddiem ?

Laqatni ferm artiklu li għadni kif qrajt fil-gurnal Taljan La Stampa.  Artiklu li jitfa’ dawl fuq ir-realta’ Taljana bħalissa, pero li jgħodd ukoll ħafna għar-realta’ tagħna.  L-artikolist jitħassar lill-dawk li huma nostalġiċi għal żmien il-lira Taljana.  In-nostalġija hi għal mod li kienu jgħixu qabel, aktar milli għall-munita l-antika. Dak kien żmien li fih il-familji kien jirnexxilhom ifaddlu xi ħaġa u l-ekonomija kienet qed tikber għalkemm bil-mod.

Is-self kien jiswa d-doppju li jiswa llum u l-inflazzjoni kienet tremenda, pero kienet dinja li fiha kien għadu jeżisti l-protezzjoniżmu.  Pero jekk immorru lura għal żmien il-Lira Taljana, żgur mhux se tirritorna dik ir-realta’.  Żgur li ħadd mhu jistenna li ċ-Ċiniżi se jmorru lura għall-livell ta’ penetrazzjoni tas-swieq li kellhom qabel u wisq anqas il-Brażiljani.  U jekk jerġa lura dak iż-żmien probabli li t-Taljani jkollhom fil-ħwienet bit-trolley mhux biex jimluha bil-prodotti pero jimluha bil-flus li tant ikunu bla valur li tkun tinħtieġ muntanja karti biex tixtri xi ħaġa.

Skont l-iktar kalkoli pożittivi, kieku l-Italja kellha terġa tadotta l-Lira bħala munita, f’jum wieħed biss jintilef mat-30 fil-mija tal-ġid nazzjonali, l-istess kif kien ġara fil-Ġermanja fis-snin ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.

Huwa tabilħaqq ta’ min jitħassar lil min hu mbeżża’ mill-futur, u minflok jittama f’passat li ma jista’ jirritorna qatt.  Jirrabbjawni l-politiċi li dan jafuh pero jippreferu jimxu b’opportuniżmu u minflok ma jgħidu dak li hu sewwa, jgħidu dak li jridu jisimgħu n-nies.  Lil dawn in-nies imbeżża’ hemm ħaġa waħda li rridu ngħidulhom – li min tilef it-triq m’għandux jaqa’ għat-tentazzjoni li jmur lura, għaliex jekk iħarsu ‘l quddiem biss jistgħu jerġgħu jsibu d-direzzjoni tajba.  Għandna niftħu għajnejna mill-wegħdiet fiergħa li jsiru anke f’pajjiżna!

Jun 27, 2012

L-akbar park fin-naħa t'isfel ta' Malta

Fil-ġranet li għaddew flimkien mal-Prim Ministru żort ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq il-bini ta’ family park f’Wied il-Għajn f’żona li fis-snin 70 u 80 kienet tintuża bħala miżbla.  Dan il-park qed isir b’investiment ta’ €6 miljun b’għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Minn Diċembru ta’ din is-sena l-familji se jkunu jistgħu jibdew igawdu minn park uniku għax-xorta tiegħu f’pajjiżna b’bosta attrazzjonijiet li jinkludu: landscaped mazes (waħda għat-tfal u oħra għall-kbar) u rock climbing wall, amfi-teatru b’seating capacity ta’ 450 ruħ, horse tracking u cycling routes, out door gym, picninc areas u dog park

Dan il-park se jkun qed jgħin ukoll lill-għaqdiet ta’ Marsaskala. Se jingħata post minn fejn ikunu jistgħu joperaw il-Girl Guides tal-lokal kif ukoll il-park se jkun attrezzat b’numru ta’ facilitajiet rikrejattivi li fih ikunu jistgħu jiġu pprattikati bosta dixxiplini sportivi fosthom il-football. Fil-fatt f’dan il-park se jkun hemm five-a-side football pitch. Attrazzjoni oħra f’dan il-park se jkun razzett li qed ikun restawrat, biex it-tfal ikollhom kuntatt dirett mal-annimali, kif ukoll minnu jinbiegħu prodotti tal-ikel tipici ta’ pajjizna. F’dan il-park se jitħawwlu ‘l fuq minn 17,000 siġra u arbuxell li se jissaqqew minn gibjun kbir li nbena fuq is-sit. 

F’dan il-Park, li jinsab maġenb l-impjant ta’ Sant’Antnin, inbena wkoll Ċentru ta’ Informazzjoni għall-Viżitaturi kif ukoll isiervi ta’ entrata għall-istess impjant. Dan iċ-ċentru għandu l-iskop li jipprovdi informazzjoni dwar it-trattament tal-iskart u kif minn din ir-riżorsa tiġi ġġenerata l-enerġija nadifa. Is-sħana ġenerata mill-impjant ukoll se tintuża biex isaħħan il-pool tal-Inspire. Huwa ironiku li nhar is-Sibt li għadda meta ftaħna l-Water Park f’Bugibba kien hemm uħud li fuq il-media elettronika kkritikawna li ma nagħmlux proġetti fin-naħa t’isfel ta’ Malta !  Kienu diġa insew jew ippruvaw inessu li jumejn qabel biss konna dan is-sit li se joffri l-akbar park fin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna !  U li fih ukoll se niprovdu Water Park ieħor !

Jun 26, 2012

Partit tal-vendikazzjonijiet

“Just to let you know that I share your disappointment to the recent political developments. I think that Richard Cachia Caruana gave his whole life to his country and should have been thanked not humiliated in that way.” Dan huwa parti minn messagg li rcivejt minghand persuna Maltija li llum taħdem mal-Kummissjoni Ewropea.  Is-sentiment ta’ rabja u diżappunt ta’ dan il-messagg huwa wkoll tieghi. Mhux ġust li persuna li tkun qdiet dmirha bl-akbar dedikazzjoni u korrettezza tispicca assassinata politikament kif sar.  Qed nikteb illum ġimgħa wara dak li ġara biex inkun ħallejt l-emozzjoni tibred u nikteb b’mod razzjonali.

Il-Partit Laburista għal darb’ohra fakkarna dak li fil-fatt hu: partit tal-vendikazzjonijiet.  Forsi m’għadux isawwat lil min ma jaqbilx miegħu, imma għadu juza l-agħar forma ta’ vjolenza morali biex ikisser lil dawk li ma jaqblux miegħu.  Mhux hekk biss izda, il-Labour wera għal darb’ohra kif jimmanipula certi nies biex jasal għall-finijiet tieghu, anke jekk dawk in-nies kienu persuni li tgħidx kemm ikkalpesthom fl-imgħoddi ricenti.   Joseph Muscat mhux qed jirnexxielu jinfatam mis-sistemi tal-passat tal-Partit Laburista, anzi qed imexxi politika opportunistika li tirriġudici l-politika fl-logħba moqżieża mibnija fuq vendikazzjonijiet.

Dan l-aħħar assassinju politiku, bħal dak kontra Carm Mifsud Bonnici, iwaqqa lill-politika fl-aktar livell baxx u jnaffar il-fiducja ta’ persuni tajbin milli jimpenjaw ruħhom fil-politika.  Meta l-politika ssir arena ta’ lanziet personali, li tinjora l-interessi nazzjonali, nkunu qegħdin biss innaffru l-elementi li jistgħu jikkontribwixxu.  Kif qal tajjeb Lino Spiteri: fl-artiklu tieghu: “Politics, bloody politics gets in the way of everything in this cursed island of ours, not least because of people working behind the scenes according to their personal agenda.

Jun 15, 2012

Il-karkassa tal-iljun

Aktar ma jgħaddi ż-żmien sfortunatament aktar nikkonvinci ruħi li l-Onor. Leo Brincat għadu mwahhal mas-sistemi tal-passat tal-Labour.  Minflok persuna li kapaci jiproponi għadu persuna li mohhu biss biex jiżra l-biża u d-dubji.  Hekk għamel fil-passat fuq is-sħubija ta’ Malta fl-UE. Hekk għamel fuq l-impjant ta’ Sant’Antnin, u hekk ilu jiprova jagħmel fuq l-inceneratur tal-Marsa.  Dakinhar taż-żjara tal-Kummissarju tal-UE għat-Tibdil fil-Klima mar jiprova jagħmel media stunt ħdejn dan l-inceneratur.  Staqsa jekk hux qed issir importazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali mill-Afrika ta’ Fuq.  Staqsa miskin imma b’ton ta’ affermazzjoni.

L-allegazzjoni tiegħu ġiet investigati mill-MEPA u ma nstab xejn irregolari jew xi nitfa’ verita’ f’dak li allega.  Leo Brincat jaf li minkejja li ma nstab xejn il-Gvern xorta waqqaf  bord ta’ investigazzjoni indipendenti, pero minflok ma juri fiduċja f’dan il-bord immexxi minn ex Maġistrat u jħallih iwettaq xogħolu, xorta jibqa’ għaddej ifajjar l-allegazzjonijiet.

Brincat, bħal Labour, jemmen fl-indħil politiku u allura m’għandux fiduċja fix-xogħol tal-istituzzjonijiet indipendenti ta’ pajjiżna.  Jemmen ukoll fit-tfigħ tat-tajn.  Leo Brincat mhux lest jammetti li żbalja, jew li probabli kkwota minn korrispondenza interna tal-MEPA b’mod żbaljat.  Il-fatti, kif stabbiliti mill-investigazzjoni tal-MEPA, huma li li d-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja aġixxa b’mod korrett meta ordna li l-iskart li jkun iġġenerat minn vapuri li jinkludu l-Libja bħala destinazzjoni tagħhom għandu jkun inċinerat.  Din l-azzjoni ttieħdet bħala prekawzjoni ħalli ma jiġux kontaminati l-irziezet ta’ pajjiżna.  L-investigazzjoni tal-MEPA tikkonferma wkoll li ma saritx importazzjoni ta’ karkassi mil-Afrika ta’ Fuq biex ikunu meqruda fl-inċineratur tal-Marsa.

Leo Brincat issa jmissu jbaxxi rasu u jħalli l-bord li twaqqaf iwettaq xogħolu.  Hekk titlob is-serjeta’ u r-responsabbilta’ politika.  Mhux pjacir tieghi li qed nikkummenta imma ma nistax inhalli lil Leo Brincat jispara wahdu.  Il-verita’ u l-fatti jweġġuh wisq lil Leo !

Jun 12, 2012

Maghtab - Simbolu ta' politika ambjentali serja

Għaddew erba’ snin mill-wegħda li anke l-Magħtab iwarrad.  Wegħda li b’investiment ta’ miljuni ta’ Ewro, u bi pjan ċar qed titwettaq u anke bdiet tagħt l-ewwel riżultati viżibli.  Viżibli anke għax sa llum ħafna mix-xogħol kien għaddej ġo l-muntanja tal-miżbla magħluqa tal-Magħtab.  Wara li konna caqlaqna madwar 700,000 tunnellata ta’ materjal biex il-ġnub tal-muntanja ma jcedux, konna nstallajna madwar 400 bir tal-ħadid u 55km ta’ pajpijiet biex jinqabdu  l-gassijiet u jiġu trattati billi jinħarqu f’temperatura ta’ ‘l fuq minn 1000 deg Cent. Dawn ir-riżultati wasslu biex id-diossina fl-arja tal-madwar tonqos b'99%. 

Ċert li l-mijiet li ta’ kuljum jużaw it-Triq tal-Kosta issa qed jinnutaw il-progress sinifikanti li sar.  Bħalissa għaddej xogħol biex isir wiċċ sħiħ jew aħjar capping biex ineħħi ic-cans li joħorġu gassijiet bejn bir u ieħor.  Barra hekk qed jinbnew 11-il km ta’ ħitan tas-sejjieħ, 37 planting cells, ħalli jitħawlu eluf ta’ siġar u pjanti.  Barra hekk qed jinbena ġibjun biex jaħżen l-ilma għat-tisqija. 

Waqt li akkumpanjat lill-Prim Ministru fi żjara fis-sit fejn għaddej ix-xogħol, kellna ċans nispjegaw lill-ġurnalisti kif s’issa diġa ntefqu mad-9 Miljun Euro u mistenni jintefqu mas- €16-il miljun oħra.  Dan il-proġett qed isir fuq spazju kbir daqs 50 ground tal-football u huwa ppjanat li l-ewwel fażi tal-landscaping tkun lesta sa’ Ottubru 2012.  Fl-2013 tibda l-konkluzjoni tal-proċess li l-Magħtab tinbidel f’park għall-familji fejn isiru faċilitajiet għat-tfal u l-familji u jkun hemm iċ-ċertifikazzjoni li l-post jista’ jintuża bħala park.

Int u ddur fil-Magħtab qajla temmen li sal-2004 dan is-sit kien l-akbar ġerħa ambjentali ta’ pajjiżna.  Dan hu eżempju ieħor fil-prattika ta’ kif qed intejbu l-kwalita’ tal-ħajja għal uliedna u l-familji tagħna anke billi nroddu lura din l-art lura lin-nies bħala post ġdid ta’ rikreazzjoni.  U dan stajna nagħmluh anke għax investejna f’engineered landfill ħalli pajjiżna ma jerġax jirrepeti l-iżbalji li wettaq meta ħoloq il-famuża muntanja tal-Magħtab.

Jun 6, 2012

Water Park - proġett ieħor ta' kwalita'


Fl-aħħar ġranet żort ix-xogħlijiet li qed isiru fuq Water Park oriġinali f’Buġibba. Dan il-Water Park li se jkun inawgurat mill-Prim Ministru nhar it-23 ta’ Ġunju, jikkonsisti fi 17-il water feature mifruxin fuq medda ta’ 800 metru kwadru ta’ art. It-tfal se jkunu jistgħu jibdew igawdu minn dan il-park li se jkun qed jopera bejn Ġunju u Settembru bejn l-10.00am u s-7.00pm. 

Il-Water Park se jkun maqsum fi tlett għal-tfal ta’ etajiet varji, kull waħda identifikata b'kulur differenti ħalli tfal żgħar ma jispiccawx dominati minn tfal akbar minnhom. Area minnhom hi ddedikata għal tfal ta’ eta żgħira taħt is-sentejn. Tfal ta’ kull eta se jgawdu minn park li joffri varjeta’ ta’ logħob bħal water loops, water umbrellas, parasols, bucket tower, palm spring u żewġ kanuni tal-ilma.  

L-ilma kollu li se jintuża fil-park se jkun riċiklat u se jinżamm f’ġibjun taħt l-istess park. L-ilma se jkun filtered u sanitizzat bl-użu ta’ UV sterilisation u chlorine. Dan se jseħħ biex l-ilma ma jkunx ta’ periklu għas-saħħa tat-tfal. 

Dan il-park se jkun jiflaħ jieħu mal-50 tifel u tifla f’daqqa u se jkun qiegħed jiġi operat b’sistema fejn jidħlu gruppi ta’ tfal wara xulxin. Dan biex kulħadd jingħata l-opportunita’ li jgawdi dan il-park mingħajr periklu ta’ affullament. Ħsibna biex f’dan is-sit ninstallaw numru ta’ CCTV camera, locker room u servizzi sanitarji. Dan hu proġett ieħor ta’ kwalita’ li qed iseħħ b’investiment tal-Gvern ta’ €600,000.




Jun 4, 2012

Ricetta ġdida: Kawlata a la Sammut !

Id-Deputat Laburista Joe Sammut għamel żmien iservi bħala kelliem tal-Opposizzjoni dwar is-Sajd.  Nifhem li jista’ jkun ma naqblux fuq ċertu punti, pero żgur li nistenna hu li dan id-Deputat għallinqas ikollu għarfien bażiku ta’ ċertu realtajiet fil-qasam tas-sajd.   F’artiklu ppublikat f’L-Orizzont ta’ llum, jagħmel taħwida papali jew kawlata bil-ħut ! Għal darb’oħra jipprova jwebbel b’affarijiet fiergħa lis-sajjieda.  Qabel ma kiteb Sammut messu ċċekkja li l-Konvenzjoni Internazzjonali li tirregola t-tonn jisimha ICCAT, li tfisser International Convention for the Conservation of Atlantic Tuna u mhux ICAD (mhux żball tat-tipa żgur għax ripetut aktar minn darba!), kif kiteb hu.  Dan l-iżball huwa biss preludju għal sensiela mpressjonanti ta’ żbalji oħra li hemm fl-artiklu.

M’huwiex veru li l-Gvern qasam il-kwota nazzjonali tat-tonn bejn longliners u purse-seiners (u mhux perseinors Onor Sammut !).  Kieku sempliċiment staqsa kien ikun jaf li l-Gvern din is-sena, bi qbil mal-koperattivi tas-sajjieda, ħalla jaħdmu biss bastimenti longliners.  

L-istess ħmerijiet  kitibhom ukoll fir-rigward tal-pixxispad.  Hawn m’hawnx kwota u allura m’għandux x’jaqsam xibka jew sunnara. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jinnota li l-qbid tal-pixxispad permezz tal-purse-seiner huwa llegali.  Fis-settur tal-pixxispad daħlu regolamenti dwar daqs minimu tal-ħut li jrid jinqabad kif ukoll perjodu ta’ closed season.  Evidenti li l-Onor Sammut lanqas jaf fuq xhiex qed jitkellem f’dan l-artiklu.

Apparti li nixtieq inkun naf jekk il-pożizzjoni tal-Onor Sammut hijiex ukoll il-pożizzjoni uffiċjali tal-Opposizzjoni ?   Jekk tkun fil-Gvern l-Oppożizzjoni beħsiebha tinjora l-obbligi li daħlet għalihom il-komunita’ internazzjonali, mhux biss l-Ewropa, dwar  miżuri ta’ konservazzjoni favur ċertu speċi ta’ ħut u tpoġġi fil-periklu lis-sajjieda għax tesponi s-sajd malti għal sanzjonijiet  ?  Għal darb’oħra qed naraw il-mod dilettantesk u opportunist li fuqu ssawwar il-politika tagħha l-Opposizzjoni anke fuq il-qasam tas-sajd ! Imbasta jippużaw taħt is-slogan Għaqal fit-Tmexxija.  Fil-fatt riedu jgħidu Tbażwir fit-Tmexxija !

Jun 1, 2012

Power Hungry


Il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi gharaf jidderiegi lil pajjiżna f’mumenti difficli.  Pajjiżi ohra fallew.  Żdied il-qgħad. Żiedu t-taxxi.  Dan ħoloq instabbilita’ u l-ħaddiema spiccaw bla impjieg. F’pajjiżna l-Gvern għamel skemi biex quddiem l-incertezza internazzjonali, noħolqu aktar xogħol b’pagi tajbin.  Min kellu l-impjieg tiegħu f’riskju, għenna lill-fabbrika biex tinvesti aktar.  B’hekk f’4 snin hloqna 20,000 post tax-xoghol u salvajna 5,000 impjieg. Izda l-Oppozizzjoni trid l-'instabilita' u l-inċertezza'.   

Ironikament 'instabilita' u inċertezza' maħluqin mill-Oppożizzjoni stess li jekk tisma' deputat tal-Gvern jikkritika lil Ġwanni, tressaq mozzjoni personali kontra Ġwanni, u jekk tisimgħu jikkritika lil Martin, tressaq mozzjoni personali ħalli tgħaddi ġuri lil Martin quddiem il-Parlament. Jekk hawn incertenzza din teżisti għax in-nies, l-uffiċjali pubbliċi u l-investituri jibżgħu mill-Labour. In-nies jibżgħu li Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jneħħi l-istipendji li kiteb kemm-il darba kontrihom. L-investituri jibżgħu li Ministru tal-Ekonomija ta’ Gvern Laburista Karmenu Vella jerġa' jġib il-qgħad li kien hawn taħt kull gvern Laburista li hu kien jifforma parti minnu.

F’Malta għandna sitwazzjoni maħluqa minn taħlita ta’ opportuniżmu politiku mill-Oppozizzjoni li ma għandha l-ebda valuri.  Pajjiżna għandu bżonn jibqa’ jitmmexxa b’għaqal u b’viżjoni.  U mhux minn Opposizzjoni li jinteressha biss li tirbaħ il-poter u fi kliem id-Deputat Laburista Adrian Vassallo “ma jinteressahiex mill-għada” tiegħek !

Joseph Muscat meta sar leader tal-MLP 4 snin ilu kien qal li l-ambizzjoni tiegħu hi li jilħaq Prim Ministru ta’ 39 sena.  Tkellem dwar l-ambizzjoni tiegħu u mhux ix-xewqat tiegħek.  Aħna naraw l-ambizzjonijiet tiegħek u naħdmu biex inti tilħaqhom.  Il-valuri politici bejna u bejn l-MLP huma verament differenti !