Illum żort id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti li jinsab fil-limiti
magħrufa bħala tal-Kmand bejn Ħal Lija u Ħ’Attard. Dan id-Direttorat
jagħmel studji dwar mard differenti li jaffetwa speċi ta’ siġar u pjanti kif
ukoll jispezzjona diversi għelieqi, dan kollu biex ikun żgurat li l-mard li
jista jkun jaħkem xi tip ta’ siġra jew pjanta jkun ikkontrollat u ma
jinxteridx.
Parti mill-art ta’ dan id-Direttorat ma kienetx tintuża u għalhekk kont żvillupajt
il-ħsieb mad-Direttur tac-Centru, Dr.Marica Gatt, li jsir ġnien pubbliku fil-qalba tal-komunita’ li żviluppat f’din iż-żona. Mal-4,000 metru kwadru ta’ art se jingħata
lin-nies. Dan il-ġnien se jkun ġnien b’differenza. Ġnien li jservi ta’ vetrina tal-habitats
differenti li nsibu fil-gżejjer tagħna, ez. żoni afforestati, maquis u xagħri. F’dan
il-ġnien wieħed se jkun jista jsib siġar u pjanti li ma tantx għadni nsibu
minnhom f’pajjiżna u li f’dan ic-centru jsir xogħol ta’ konservazzjoni u micro-propogation. Għalhekk dan il-ġnien mhux biss se jservi ta’
post ta’ mistrieh u rikreazjoni iżda anke post ta’ edukazzjoni nformali dwar
l-ekoloġija f’pajjiżna.
Inkluż
fil-proġett se jkun hemm bini ta’ laboratorji ġodda għaż-żrieragħ. Il-binja li
se tinbena se sservi wkoll bħala ċentru tal-viżitaturi u spazju fejn ikunu
jistgħu jiġu organizzati seminars u laqgħat. Id-Direttorat issottometta dan
il-progett għal possibilita ta’ fondi taħt l-EARDF European Agricultural Rural
Development Fund. L-investiment f’dan il-proġett se jkun ta’ ‘l fuq minn €2
miljun.
Ħabbart dan il-proġett proprju tlett ijiem
qabel it-Tree Planting Day li se norganizzaw bħala parti mill-kampanja
34U. Fl-aħħar seba’ snin f’pajjiżna
tħawlu ‘l fuq minn 115,000 siġra ndiġena Maltija, fosthom żnuber, ballut,
għargħar, ħarrub u żebbuġ. Jien dejjem ngħid li dan il-programm beda minn inizjattiva tal-Gvern seba’ snin
ilu imma l-poplu għamlu tiegħu. Wieġeb b'qawwa kbira u adotta eluf ta' siġar. L-appell tiegħi hu biex aktar familji
jingħaqdu magħna nhar il-Hadd f’Għajn Tuffieħa, ħdejn il-camping site
tal-iscouts bejn l-10am u l-5pm. B’hekk
l-imħabba lejn is-siġar nitraducuha f’azzjoni posittiva. Wieħed darba qal “The best time to plant a tree is twenty
years ago. The second best time is now.”