Oct 3, 2009

Iva konvincenti

L-Irlandiżi taw l-approvazzjoni tagħhom għat-Trattat ta’ Lisbona b'sahha kbira fir-referendum li sar il-bierah. Ghalkemm ghadhom qed jinghaddu l-voti s'issa jidher li ftit aktar minn 66% tal-poplu Irlandiz qal IVA għat-Trattat ta' Lisbona. Fil-fatt dan kien it-tieni referendum wara li f’Ġunju tas-sena l-oħra kienu vvutaw bi ħġarhom kontra dan it-Trattat. Izda jidher li minn dakinhar kien hemm swing ta' 20% favur it-Trattat.

Bl-iva tal-Irlandiżi, l-Unjoni Ewropea tista’ tħares ‘l quddiem biex tibda timplimenta dan it-Trattat li se jġib bidliet importanti fil-mod kif topera u titmexxa l-Unjoni Ewropea. Dan it-Trattat jidħol fis-seħħ kif ikun hemm l-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha. Issa fadal il-Polonja u r-Repubblika Ċeka li jridu jaghtu l-posizzjoni taghhom.

L-Irlanda effettivament waqfet dan il-proċess għax minn mindu kien sar l-ewwel referendum sar xogħol diplomatiku kbir biex ikunu indirizzati l-akbar issues għall-poplu Irlandiż, mhux l-inqas l-issue dwar jekk l-Irlanda jkollhiex tillegalizza l-abort. Din il-ħidma diplomatika wasslet biex ħafna minn dawk li vvutaw le fl-ewwel referendum issa bidlu l-opinjoni tagħhom għax fehmu li l-Irlanda kienet se tissalvagwardja ċertu drittijiet li għandha llum, bħal per eżempju tassazzjoni, issues ta’ newtralita’ u li l-Irlanda jibqa’ jkollha Kummissarju tagħha.

It-Trattat ta’ Lisbona se jolqot ukoll lil Malta fost l-oħrajn biż-żieda ta’ Membru Parlamentari iehor fil-Parlament Ewropew. L-Iva tal-Irlandiżi huwa vot favur bidliet li għandhom itejbu l-mod kif topera l-Unjoni Ewropea u Malta, li diġa rratifikat unanimament dan it-Trattat fil-Parlament, temmen li tista’ tkompli tibbenefika minn dawn il-bidliet.

No comments: