Jan 27, 2012

Il-kuluri vera tal-Opposizzjoni

Jekk ma serviet għalxejn il-mozzjoni ta’ sfiducja mill-Opposizzjoni għallanqas serviet biex ghal darb’ohra nerġghu nikkonfermaw il-faqar tal-Kap tal-Opposizzjoni u l-kilba tal-Partit tiegħu għall-poter. F’diskors ta’ 75 minuta l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għamel xejn ħlief irrepeta lista ta’ “nuqqasijiet” li skond hu wettaq dan il-Gvern, numru qawwi minnhom ibbażati fuq allegazzjonijiet bla bażi. Kif qal tajjeb il-Prim Ministru, Muscat jibqa jsemmi qlajjiet li diġa ġew miċħuda u mwieġba, imma jibqa’ jirrepetihom daqs li kieku kienu fatti. Fil-verita’ ha falza stikka. Għaġġel biex jagħti gambetta lill-Gvern u minflok spicca żelaq hu stess.

Dan hu Kap tal-Oppożizzjoni li minkejja li jgħid li m’għandux fiducja fil-Gvern, jibqa’ ma jippreżenta ebda proposta ta’ policy, jew programm ta’ ħidma alternattiv biex jikseb hu l-fiducja tal-poplu. L-istess għamel meta tkellem fil-Konferenza Generali tal-PL. Ghandna mexxej ta’ partit li s’issa smajna minghandu aktar x’diskursati kellu m’ommu, ma’ missieru u ma’ nanniet milli kif beħsiebu jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja u joħloq il-ġid. Għandna story teller. Baħħ biss minn Kap tal-Oppożizzjoni li jinteressah biss li jsir Prim Ministru u ma jinteressah xejn x’jiġri wara.

X’differenza mid-diskors li għamel il-Prim Ministru. Diskors meqjus u serju. Kif spjega l-Prim Ministru huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni li għamel tentattiv biex iwaqqaf lil Gvern milli jkompli jwettaq il-programm ta’ ħidma tiegħu għal perjodu ta’ ħames snin. Dan hu Gvern li minkejja l-kriżi ekonomika u t-taqlib kollu li seħħ fir-reġjun ta’ madwarna, rnexxielu jkompli jinvesti fit-titjib tal-kwalita’ tal-ħajja tagħna.

Dan hu Gvern li ħa d-deċiżjonijiet għaqlin, anke meta dawn ma kienux popolari. Kien permezz ta’ dawk id-deċiżjonijiet li kien f’pożizzjoni li jissalvagwardja l-impjiegi, jinvesti fl-edukazzjoni, iħares l-ambjent u jinvesti fi proġetti ta’ kwalita’ li jkompli jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna u ta’ uliedna.

Jan 25, 2012

id-diskors tieghi illejla waqt il-mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mill-Oppożizzjoni

Mr Speaker,

Ippermettili nenfasizza mill-bidu li din li għandna quddiemna llum hija mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern li m’għandha l-ebda motivazzjoni dikjarata. Mozzjoni li għandha għan wieħed biss – l-Oppożizzjoni trid tneħħi mill-Gvern il-partit li ġie elett mill-poplu biex jaħdem fuq programm ta’ ħames snin.

Oppożizzjoni li kif tara opportunita’ tkun lesta biex tiggranfa magħha għax għaliha l-poter huwa, biex nuża kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu, the means to an end. L-għan dikjarat ta’ bniedem li għandu ambizzjoni li jsir Prim Ministru iżda mank beda jaħseb għal wara.

Kelli l-okkażjoni nsegwi d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ħadd li għadda waqt l-egħluq tal-Laqgħa Ġenerali Annwali. Minn bniedem, li preċipita s-sitwazzjoni tant li llum qegħdin niddiskutu mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern, lanqas li kont nistenna, , kien li jippreżentalna programm ta’ ħidma. Jippreżentalna xi ħjiel ta’ policy, xi ftit idejat. Ittamajt għalxejn. Bqajt bit-tama għax l-uniku diska li daqq il-Kap tal-Oppożizzjoni tul dak id-diskors kien li se jġib it-tama. Hekk ukoll kien qalilna Alfred Sant fl-1996 li nafu li ssarfet biss f’diżastru.

Ħabib tiegħi qalli illi nafu iktar x’kien jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni lil nannuh milli nafu x’inhuma l-proposti tiegħu. Ma nafu xejn kif se jiġġenera l-ġid u jkabbar l-ekonomija.

Aktar smajna mingħandu dwar x’kienu jagħmlu missieru u ommu milli x’se jagħmel għal uliedna biex jingħataw l-aqwa edukazzjoni u jiggarantilhom futur aħjar. Dan hu l-baħħ tal-Oppożizzjoni. Possibilment ninsabu lejliet elezzjoni u minflok ma jippreżentalna programm, għandna lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħidilna l-istorja ta’ ħajtu. Għandna story-teller.

Buzzwords u baħħ biss. Lill-Kap tal-Oppożizzjoni nfakkru li dan il-Partit qatt ma ggverna kontra r-rieda tal-poplu. Kull meta ggverna għamel dan għax ingħata l-fiduċja mill-poplu. Biex ikun jaf x’jiġifieri tiggverna kontra r-rieda tal-maġġoranza kull m’għandu jagħmel idur dawra madwaru issa stess u jsib aktar minn esponent wieħed ta’ dak ir-reġim li ggverna kontra r-rieda tal-poplu. L-istess esponenti li jerġgħu jkunu Ministri minkejja l-ħafna kliem ta’ ġdid, modern u frisk.

Dan hu Gvern li fl-elezzjoni li għaddiet ngħata mandat biex iwettaq il-programm ta’ ħidma tiegħu għal perjodu ta’ ħames snin. Huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni li qed imur kontra r-rieda tal-poplu u jrid elezzjoni qabel żmienha. Dan hu Gvern li minkejja l-kriżi ekonomika u t-taqlib kollu li seħħ fir-reġjun ta’ madwarna, rnexxielu jkompli jinvesti fit-titjib tal-kwalita’ tal-ħajja tagħna.

Dan hu Gvern li ħa d-deċiżjonijiet għaqlin, anke meta dawn ma kienux popolari. Kien permezz ta’ dawk id-deċiżjonijiet li kien f’pożizzjoni li jissalvagwardja l-impjiegi, jinvesti fl-edukazzjoni, iħares l-ambjent u jinvesti fi proġetti ta’ kwalita’ li jkompli jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna u ta’ uliedna.

Semmejt l-edukazzjoni. Se nsemmi ftit ċifri li jitkellmu waħedhom. Ma’ kull jum li jisbaħ, il-Gvern jonfoq €1.4 miljuni fuq l-edukazzjoni ta’ wliedna. Il-Gvern kompla bil-programm tiegħu li jiftaħ skola ġdida kull sena u s’issa nfetħu skejjel fil-Verdala, Pembroke, Rabat Għawdex u l-Mosta filwaqt li għaddej xogħol fl-iskola tal-Ħandaq. Għandna mat-18,000 student igawdu mill-istipendji b’investiment tal-fuq minn €23 miljuni.

U n-naħa l-oħra għandna Oppożizzjoni li meta kienet fil-Gvern qalbet l-istipendji f’self. U issa qed jerġa jberraq b’dak li qed jgħid dak li skont hu se jkun Ministru tal-Finanzi f’każ li l-Partit Laburista jkun fil-Gvern, Edward Scicluna. Infakkar li dan qal “Jekk qabel in-nies tat-Tarzna kienu jitqiesu bħala baqar sagri għax il-Gvern kien jibża' minnhom, illum għandna sitwazzjoni simili fl-Università bil-Gvern imbeżża' milli jmiss l-istipendji.”

U l-investiment komplejna nagħmluh mhux biss fin-nies iżda anke fl-ambjent li jdawwar lil uliedna u l-familji tagħna. Komplejna nbiddlu wiċċ Malta. Ma xxaħħaħniex minkejja l-maltemp ekonomiku. Ħdimna u tajna spazji pubbliċi ġodda ta’ kwalita’ għall-użu tal-familji tagħna. Biżżejjed insemmi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema, Triq Bisazza f’Tas-Sliema, x-xatt kollu ta’ Marsaxlokk u l-pjazza, il-Park ta’ Xrobb l-Għaġin u ċ-Ċentru għat-Tagħlim fuq l-Ambjent, Pjazza Sant’Ubaldeska f’Raħal Ġdid, l-għalqa ta’ Kola fir-Rabat u l-Ġnien tal-Kċina tal-President. Il-lista twila wisq u se nkompli. Sebbaħna Triq Santu Wistin, fir-Rabat ukoll, ġnien ġdid f’Baħar iċ-Ċagħaq, ġnien ġdid George Bonello Du Puis fi Qui si Sana u miegħu x-xatt ta’ Qui-si-Sana, l-Adventure Park f’Ta’ Qali u l-estensjonijiet ġodda għall-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. Dan kollu hu investiment għall-familji tagħna u biex intejbu pajjiżna għat-turisti.

Dawn il-proġetti li wettaqna saru fejn kien possibli flimkien mal-Kunsilli Lokali. Qed ngħid fejn kien possibli għax sfortunatament l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali mhux kullimkien kienet pożittiva fl-aħħar snin. Dan hu, fl-opinjoni tiegħi, frott tal-fatt li l-Partiti mhux dejjem kienu attenti biżżejjed x’kandidati jagħżlu.

Kull proġett li għamilna sar għan-nies u bħala Gvern id-deċiżjoni dejjem kienet li n-nies ikunu parteċipi fl-attivitajiet fejn il-Prim Ministru jinawgura l-proġetti. L-attivitajiet saru dejjem bi ftehim u bil-kollaborazzjoni tal-uffiċċju tiegħu.

Għad fadlilna x’nagħmlu. Għandna proġetti li ser isiru minn fondi nazzjonali u nista’ nsemmi Ċentru Ċiviku u ġnien fis-Swieqi u ieħor f’San Ġwann, restawr ta’ 3 irziezet fil-Buskett biex jibdew ntużaw min-nies, it-tkomplija tat-titjib taż-żona kummerċjali ta’ Tas-Sliema, Proġett tal-Pjazza Spinola f’San Ġiljan, Water Park f’Buġibba, x-xatt f’Ta’Xbiex, Park Reġjonali f’Ħaż-Żabbar, l-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u zewg progetti ta’ facilitajiet sportivi f’Bbugia.

Dan il-Gvern jimxi bi pjan u fadal xi jsir anke permezz ta’ fondi Ewropej. Insemmi fost oħrajn il-Proġett għal kontra l-Għargħar b’investiment ta’ €56 miljun, li issa li ħarġu l-permessi meħieġa se jinbeda x-xogħol u dan se jtaffi l-problemi ta’ dawn il-komunitajiet. Il-proġett tar-riabilitazzjoni tal-miżbliet b’investiment ta’ kważi €27 miljuni, investiment ta’ €7 miljuni għar-Riabilitazzjoni tas-Salini, Biagio steps fil-Belt isir ċentru interpretattiv tal-fortifikazzjonijiet, Pixkerija ġdida fil-Marsa u bosta proġetti oħra li jfissru investiment fil-pajjiż u fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi.

Komplejna ninvestu wkoll fl-immaniġġjar tal-iskart. Għall-ewwel darba pajjiżna għandu faċilitajiet moderni li jippermettulna li saħansitra niġġeneraw l-enerġija mill-iskart. Infakkar li mhux biss l-Oppożizzjoni ma kkolaboratx magħna f’dawn il-proġetti, talli saħansitra l-Kap tal-Oppożizzjoni, dak iż-żmien Membru tal-Parlament Ewropew, kien saħansitra hedded li kien se jagħmel ħiltu biex iwaqqaf il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Joseph Muscat flok agħmel għażla favur l-ambjent u l-ħolqien ta’ green jobs, l-entużjażmu biex iħarbat ħallieh jaħkmu. Għażel l-interess personali fuq il-ġid komuni. Dan hu d-difett tal-politiċi opportunisti. Allaħares meta wieħed ikun f’pożizzjoni ta’ awtorita’, jew rappreżentant tal-poplu jimxi hekk. Jien kburi li nista’ ngħid, bħal sħabi l-Ministri, li dejjem poġġejt il-ġid komuni qabel kull kunsiderazzjoni oħra. Illum l-impjant jaħdem u l-qlajjiet foloz li nefħet l-Oppożizzjoni nfaqgħu kollha.

Bdejna xogħol ukoll biex art mitluqa u li kienet tintuża bħala miżbla biswit l-impjant tinbidel f’wieħed mill-ikbar u l-isbaħ parks li ser ikollna f’pajjiżna. Onor Kap tal-Oppożizzjoni, pajjiżna u uliedna jixirqilhom Gvern li jiddeċiedi u li jieħu l-aqwa deċiżjonijiet li jħarsulhom il-futur tagħhom. Dan joffrih biss il-Partit Nazzjonalista li dejjem sema’ u ħa l-aqwa deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-poplu u tal-pajjiż.

Sar xogħol kbir ta’ restawr. Komplejna ninvestu fil-passat għall-futur. Biżżejjed wieħed isemmi l-programm estensiv ta’ restawr tas-swar li għaddej fil-Birgu, l-Imdina, l-Belt u c-Citadella. Apparti r-restawr ta’ 6 km ta’ swar, irrestawrajna mat-13-il kappella, restawr massiċċ fil-Belt Kapitali tagħna li jinkludi fost oħrajn dan il-Palazz li ninsabu fih illum.

L-agrikoltura kompliet għaddejja minn modernizzar li qatt ma rat bħalu. Biżżejjed ngħid li fl-aħħar snin qassamna mas-€70 miljun f’għajnuniet varji lis-settur.

L-oppożizzjoni trid biss il-poter. Aħna rridu nkomplu naħdmu u nwettqu l-programm mibdi fl-aħħar erba’ sninfl-interess tal-poplu. Jien fiduċjuż li kif għamel s’issa l-poplu, inkluż iż-żgħażagħ, kapaċi jagħżel il-kliem fieragħ milll-programmi konkreti. Il-poplu jistenna minnha l-politiċi direzzjoni mfassla minn team li jimxi b’lealta lejh. Jistenna fuq kollox li jkollna sens qawwi ta’ lealta’ bejnietna l-politici. Kull meta nonqsu nkunu qegħdin biss intappnu jew inxellfu s-sens ta’ stima li nippretendu li l-poplu jkollu lejna. Iżda l-lealta’ ma tiġix biss billi ngħidu kemm hu tajjeb il-Kap, imma b’dak kollu li nagħmlu, li ngħidu u li niktbu fil-pubbliku.

Il-poplu kapaċi jiġġudika l-operat ta’ Prim Ministru li ġab l-ammirazzjoni għall-mod kif ġab ruħu f’nofs kriżi internazzjonali pass ‘il bogħod minnha. Fl-istess okkażjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni kien aktar moħħu li nisfruttaw it-turiżmu li kien se jintilef minn dawk il-pajjiżi fejn il-popli tagħhom kienu qed jiġġieldu għad-demokrazija ! Dawn pajjiżi li kellhom reġimi li tant kien iħossu cosy magħhom il-PL.

Hemm baħar jaqsam bejn iż-żewġ partiti. Aħna nemmnu fil-poplu b’konvinzjoni mhux b’konvenjenza u dan hu li wassal biex f’elezzjoni wara oħra l-poplu ta fiduċja lill-PN. Se nkomplu naħdmu, u jekk ma nitħallewx se mmorru b’wiċċna minn quddiem għand il-poplu nitolbuh iġedded il-fiduċja li tana fl-aħħar elezzjoni abbażi ta’ programm ġdid ta’ ħidma għas-snin li ġejjin.

Kien hemm persuna li qalet: Give the people - confidence. Give the people - delight. Give the people - hope. Give the people - the best. Dan hu dak li aħna ppruvajna b’ħilitna kollha nagħmlu. Żbalji għamilna imma jixirqilna l-fiduċja għax aħna konna u għadna partit tal-poplu, u mal-poplu.

Accessibilita' akbar ghall-belt kapitali

Il-Belt Valletta hija belt ħajja u biex inżommuha ħajja jeħtieġ niffacilitaw l-access għaliha kemm jista jkun, anzi jeħtieġ inżiedu l-permiabilita’ tagħha. Il-bieraħ kelli l-okkażżjoni nħabbar li l-Ministeru tiegħi, wara li eżamina proposta li ġiet mill-kumpanija ta’ periti AP, se japplika mal-MEPA biex mina li tinsab fis-sur terġa tinfetaħ. Din se sservi ta’ passaġġ għan-nies. Dan se jiffacilita sew il-ħajja ta’ dawk li issa se jkunu jistgħu jibdew jipparkjaw fil-partijiet tal-foss, specjalment fis-St.Andrew’s tenaille, li issa ġew liberati minn attivitajiet industrijali, uħud bil-permess u oħrajn le.

Se naraw kif nimmassimizzaw il-parkeġġ f’din iż-żona ħalli nagħmlu tajjeb għat-telf ta’ parkeġġ ta’ karozzi fil-kumplament tal-foss li se jintilfu minħabba li partijiet minnu se jsiru ġnien kif proġettat fid-disinn ta’ Piano. Permezz ta’ dan il-proġett minn jipparkja hemm se jkollu aċċess ieħor għall-Belt Kapitali li twasslu ħdejn Triq Nofsinhar.

Fil-mina, twila madwar 75 metru, qed niproponu li ninstallaw żewġ travellators (conveyor carrying people) li se jtellgħu jew iniżżlu lill-pubbliku li se juża din il-mina. B’hekk volumi li l-Kavallieri kienu għamluhom għal skop ta’ difiża, jibdew jintużaw għal access aktar komdu u utli għall-pubbliku. Għandna l-idea wkoll li f’din il-mina l-artisti jkunu jistgħu jesebixxu xogħol tal-arti tagħhom. Għal dan il-għan, l-applikazzjoni lill-MEPA se tkun tinkludi t-tisbiħ ta’ din iż-żona, ir-restawr ta’ batterija li nstabet waqt il-proġett ta’ restawr tas-swar, kif ukoll spazju ġdid għal parkeġġ.

L-aħħar diska li qed iddoqq l-Oppożizzjoni hi li l-proġetti qed jitħabbru minħabba li “ġejja elezzjoni”. Irrid infakkar li fil-Belt biss, il-Gvern qed jinvesti f’madwar 40 proġett ta’ tisbiħ u restawr fosthom ir-restawr tas-swar li qed iseħħ b’investiment ta’ €36 miljun b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea. Dawn żgur li ma bdewx f’dawn il-jiem !

Jan 20, 2012

Park fil-Mellieha - progett iehor ghall-familja

Proġett ieħor li żort f’dawn il-ġranet kien dak tal-Park tal-Familja fil-Mellieħa. Ikolli nistqarr li kont verament impressjonat bix-xogħol li jinsab fi stadju avvanzat. Dan il-park, apparti li se jservi l-iskop ta’ post għar-rikreazzjoni tal-familji f’żona li toffri wkoll veduti sbieħ, se jkun fih hemm numru ta’ faċilitajiet sportivi, bħal track għall-atleti u multi purpose court li fuqu jistgħu jiġu pprattikati numru ta’ dixxiplini sportivi bħal basketball, volleyball u tennis. Dan il-park se joffri wkoll cycling track.

Fiż-żjara li għamilt mas-Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar, laqatni l-fatt kif il-proġett ġie ntegrat mal-ambjent tal-post, tant li s-siġar tal-ħarrub li kien hemm fiż-żona nżammu kollha u l-proġett ġie ddisinjat madwarhom. Barra hekk il-ħitan tas-sejjiegħ li kien hemm jew inżammu inkella ġew restawrati. Il-ħitan tal-faċilitajiet li nbnew, inkluż id-dressing rooms, ġew kollha miksija b’ġebel antik, ħalli jinżamm il-karattru rurali tal-post. Dan ovvjament fisser ħafna aktar xogħol, liema xogħol sar b’reqqa kbira taħt is-superviżjoni ta' Stephen Farrugia, il-perit tal-Kunsill Lokali u Geoffrey Buttigieg, l-foreman tat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Dan hu proġett li qed isir bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali u qed isir b’investiment ta’ €800,000.

Il-bieraħ il-media, inkluż il-media elettronika, rrapurtat iż-żjara tiegħi. Ovvjament ma naqsux il-kummeti mibgħuta. Ikolli nistqarr li uħud minnhom huma verament patetiċi. Wieħed li ffirma bl-isem Albert Fenech kiteb “Goodness me, what a sudden flurry of activity throughout Malta and Gozo. Now, why is it all suddenly coming into place within the last few days?”. Jiprovaw jagħtu l-impressjoni li bdejna naħdmu issa! Dan il-proġett inbeda lejn l-aħħar tal-2010 bi grupp żgħir ta’ ħaddiema li ħadmu b’galbu kbir fuq area ta’ madwar 9 tmiem ta’ art. Dawn huma kummenti orkestrati li huma intiżi biex jippruvaw inessu x-xogħol kbir li sar f’pajjiżna minn fuq s’isfel u li ma waqfu qatt. U x-xogħol għadu għaddej kif ippjanat. Dan Gvern li fadallu ħafna xogħol x’iwettaq jekk jitħalla jaħdem.

Jan 19, 2012

Proġett ta' €56 miljun kontra l-għargħar

Fl-Imsida lbieraħ spjegajt lill-media fid-dettall il-proġett nazzjonali għal kontra l-għargħar li se jinbeda wara li l-MEPA approvat f’Dicembru l-permess għar-raba’ komponent ta’ dan il-proġett. Dan il-proġett li se jara fost oħrajn bini ta’ mini taħt l-art biex minnhom jgħaddi u jinġabar l-ilma tax-xita, jorbot mal-ħidma kontinwa tal-Gvern għall-ħażna tal-ilma.

Il-proġett għat-taffija tal-għargħar hu maħsub biex itaffi l-problemi tal-għargħar, bl-effetti negattivi kollha li dawn iġibu magħhom, fuq ir-residenti u kull min juża ż-żoni ta’ disa’ lokalitiajiet li huma Birkirkara, l-Imsida, Ħal Balzan, il-Gżira, Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Qormi u l-Marsa. Hu kkalkulat li bejn residenti u persuni li jużaw dawn l-inħawi, dan il-proġett li jaqdi mal-200,000 persuna.

Għal dan il-proġett li se jiswa ‘l fuq minn €56 miljun, se niksbu 85% tan-nefqa minn fondi Ewropej. L-akbar xogħol se jkun dak bejn Naxxar u Ta’ Xbiex li waħdu se jiswa ‘l fuq minn 33 miljun. Hemmhekk se ssir mina twila mal-11 il-kilometru li tieħu l-ilma li llum jegħrreq Hal-Lija, Balzan, B’Kara u l-Msida. Ma’ dan it-tunnel se jiġi miżjud tunnel ieħor li jieħu l-ilma jkun ġej minn naħa tal-Kappara - San Gwann, li llum jeghrreq il-Gzira kull meta tagħmel maltempata. L-ilma kollu li jinġabar minn din il-mina se jibda jisbokka ġo Ta’ Xbiex.

Permezz ta’ dan il-proġett għat-taffija tal-għargħar, se jkun ittripplat l-ammont ta’ xita li jinħażen peress li minn ġol-mini se jiġi ppumpjat ilma ġol-ġibjuni ezistenti jew oħrajn li se jinbnew. Fil-fatt il-proġett għandu l-potenzjal li jiġbor u jirreċikla mas-700,000 metru kubu ta’ ilma tax-xita.

Jan 15, 2012

Gnien erba' passi mill-Maghtab

Fi ftit ġranet il-Prim Ministru se jinawgura ġnien ġdid ieħor ta’ kwalita’ li l-ħaddiema tal-Ministeru tiegħi wettqu fil-qalba ta’ Baħar iċ-Ċagħaq matul l-aħħar xhur. Min qatt kien jobsor sa ftit ta’ snin ilu li eżattament erba passi ‘l bogħod mill-Magħtab wieħed jista jmur iqatta ftit ħin ġo ġnien ? Sa ftit taż-żmien ilu r-residenti ta’ Baħar iċ-Caghaq lanqas tieqa ma kienu jistgħu jiftħu aħseb u ara kemm imorru fi ġnien ! Issa komplejna ntejjbu l-livell tal-għixien tal-familji ta’ Baħar iċ-Ċagħaq billi għalqa mitluqa ġiet trasformata fi ġnien mill-isbaħ.

Il-proġett hu wieħed interessanti ħafna mill-aspett ta’ disinn. Minkejja li qiegħed fi spazju rektangulari mill-4 irkejjen tal-ġnien ma jirnexxilekx taqra l-ispazju f’daqqa. Id-disinn joħloq sens ta’ sorpriża anke b’livell differenti. Qed nagħmlu l-almu kollu tagħna biex il-proġetti kollha li nagħmlu ikunu ta’ kwalita’. M’aħniex kuntenti b’sempliċiment pavimentar, ħwat u siġar iżda l-proġetti li qed nibnu qed joffru esperjenza unika lil min jużhom.

Dan il-ġnien jokkupa spazju ta’ madwar 1,800 metru kwadru u jwaslek permezz ta’ rampa komda għaz-zuntier tal-knisja Santa Marija tal-Anġli. Bħall-proġetti kollha l-oħra assigurajna li jkun hemm aċċessibilta’ totali f’kull parti tal-ġnien. Ix-xogħlijiet f’dan il-ġnien ġdid involvu tqegħid ta’ pavimentar, arbli tad-dawl, bankijiet, installazzjoni ta’ funtana u area tal-logħob għat-tfal. Taħt dan il-ġnien inbena wkoll ġibjun li jesa’ mal-500 metru kubu ta’ ilma, b’hekk l-ilma li se jintuża għat-tisqija tal-ġnien ikun jista’ jittieħed minn hawn. F’dan il-ġnien bħal postijiet pubbliċi li qed niftħu se jkollu wkoll l-aċċess għall-wi-fi. L-esperjenza urietna kemm il-pubbliku juża dan is-servizz.

Sar b’investiment ta’ €450,000 mill-Gvern Ċentrali bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar li ffinanzja l-play equipment, li qam mal-35,000. Irrid nirringrazzja wkoll lill-Kumitat Amministrattiv ta’ Baħar iċ-Ċagħaq li miegħu ddiskutejna dan il-proġett. Il-Ġnien ta’ Baħar iċ-Ċagħaq jingħaqad mal-15-il proġett ta’ spazju miftuħ li tajna lin-nies f’dawn l-aħħar erba’ snin.


Jan 14, 2012

Enriched cages

Meta nitkellmu dwar animal welfare, ma nirreferux biss għall-annimali li jinżammu bħala pets izda anke għall-annimali li jinżammu għall-produzzjoni tal-ikel. Il-bierah stajt nara l-progress kbir li qed isir fis-settur tat-tiġieġ li jiproduċu l-bajd f’pajjiżna, waqt żjara għand wieħed mill-ikbar raħħala f’Ħaż Żebbuġ. Dan qed iwassal sabiex mhux biss it-tiġieġ jgħixu f’ambjent aħjar anke billi jkollhom aktar spazju adegwat iżda fuq kollox il-konsumatur jieħu prodott ta’ kwalita’ aħjar.

Illum l-irziezet ta’ pajjiżna li jrabbu t-tiġieġ għall-bajd kollha laħqu l-istandards ġodda ewropej u kollha ghandhom gageg li jissejħu enriched cages. Malta hija fost il-pajjiżi Ewropej l-aktar avvanzati f’dawn l-iżviluppi ta’ titjib u f’dawn il-jiem l-informazzjoni kollha rilevanti qegħda tasal għand l-Unjoni Ewropea biex nifformalizzaw il-konformita’ tal-irziezet tagħna.

B’għajnuniet li jlaħħqu kważi tliet miljun ewro minn fondi Ewropej, u b’investiment addizzjonali privat ta’ madwar erba’ miljun u nofs Ewro, ir-raħħala tagħna ġew konformi mar-regoli ġodda fil-ħin stipulat. Illum it-tiġieġ għandhom spazju d-doppju ta’ dak li kellhom qabel filwaqt li għandhom ukoll bejta u passiġġiera, fost l-oħrajn. Bl-introduzzjoni ta’ standards ogħla wieħed diġa seta’ jinnota inqas mortalita’, aktar produzzjoni ta’ bajd u anke aktar effiċjenza mill-annimali.

F’bosta pajjiżi Ewropej dawn it-tibdiliet għadhom ma tlestewx. Dan l-investiment fil-produzzjoni tal-ikel frisk huwa raġuni oħra għalfejn il-konsumatur għandu jkompli jkabbar il-fiduċja tiegħu fil-prodott frisk lokali. Huwa wkoll l-aħjar mod kif nuru l-fiduċja tagħna fir-raħħala u l-bdiewa li mhux joqogħdu lura milli jinvestu. Sadanittant il-bajd li se jidħol f’pajjiżna minn irziezet li mhumiex konformi l-Unjoni Ewropea, taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Ewropew, John Dalli, se tibda tieħu azzjoni kontrihom, anke billi tagħti d-dritt lill-pajjiż jiddistruġġi dak il-bajd. Miżuri bħal dawn jipproteġu mhux biss lill-konsumatur minn prodott inferjuri iżda fuq kollox jimbotta lill-operaturi ewropej li għadhom mhux konformi jiġu konformi.

Jan 11, 2012

Stabbilita'

Dawn huma mumenti kruċjali għall-futur ta’ pajjiżna. Għandna sitwazzjoni sensittiva u dan mhux kawża ta’ xi kriżi ekonomika kif bosta pajjiżi qed jiffacjaw. Fil-fatt illum stess ħarġet l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea waqqfet il-proċeduri legali li kienet bdiet dwar id-deficit eċċessiv ta’ pajjiżna wara li l-Kummissjoni kienet sodisfatta bil-miżuri effettivi li ttieħdu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni nnotat li l-Budget 2012 kien fih għodda biex jitnaqqas id-defiċit b’mod sostenibbli.

Din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea barra li tirrikonoxxi l-ħidma tal-Gvern fit-tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna, tibgħat sinjal qawwi ta’ stabbiltà ekonomika f’pajjiżna. B’hekk pajjiżna jibqa’ jattira investituri, barrani u lokali, u jinħolqu aktar impjiegi. Il-Gvern fis-snin li għaddew baqa’ miexi fuq żewġ binarji. L-ewwel jixpruna l-ekonomija permezz ta’ inċentivi għall-investiment u t-tieni jgħin lill-familji Maltin b’inċentivi bħat-tnaqqis tal-income tax għall-ġenituri li jaħdmu u l-allowance għall-anzjani. Dan kollu setgħa jinkiseb għax b’għaqal kbir il-Gvern naqqas in-nefqa amministrattiva tiegħu u tal-entitajiet tiegħu.

Minkejja li rnexxielna naccertaw ruħna minn din l-istabbilita’ ekonomika, pajjiżna qed jispicca mhedded sempliciment għax xi ħadd iddeċieda li jpoġġi l-interessi tiegħu qabel kull interess ieħor. Kif qal tajjeb il-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda, il-politika mhijiex l-għodda għal min irid jilħaq akkost ta’ kollox, pero hija l-mezz kif wieħed iservi lil pajjiżu u lill-poplu. Min mhux lest iħaddan dan il-valur għandu jwarrab, kif iddikjara b’mod unanimu l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fi tmiem il-laqgħa tal-bieraħ filgħaxija.

F’mument bħal dan jien kburi li nirriafferma l-lealta’ tiegħi lejn il-Partit, il-Kap tal-Partit u lejn dawk li vvutawli. Kull deputat huwa qabel xejn deputat b’responsabilitajiet u dmirijiet lejn il-partit li ħareġ fuq il-lista tiegħu. Issa hu l-mument li kull persuna responsabli tfittex il-ġid komuni u tpoġġi fil-ġenb l-interessi personali.

Jan 4, 2012

Aktar boroż ta' studju

Dalgħodu kelli l-pjacir nippreżenta għaxar boroż ta’ studju lil studenti li qed jagħmlu l-istudju tagħhom biex jilħqu veterinarji. Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali qed jagħti sponsorship finanzjarju ta’ €10,000 kull wieħed lil għaxar studenti għal kors kollu. Hu kkalkulat li hemm ftit ‘l fuq minn 30 student li qed jistudjaw l-mediċina veterinarja f'diversi Universitajiet fl-Ewropa fosthom fl-Islovakkja, l-Italja, l-Ingilterra, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija. Permezz ta’ din l-għotja, il-Gvern, barra milli qiegħed itaffi xi ftit mill-piż finanzjarju ta’ dawn l-istudenti, se jkun qiegħed jakwista wkoll is-servizzi ta’ dawn iż-żgħażagħ għal numru ta’ snin hekk kif ilestu l-istudji tagħhom.

Dawn l-opportunitajiet qed jingħataw għax pajjiżna jeħtieġ li jkollu aktar veterinarji u dan mhux biss għaliex kiber ħafna l-għarfien dwar il-kura tal-Annimali u l-Animal Welfare, iżda b’mod speċjali għaliex il-veterinarji huma strumentali biex ikun assigurat il-kwalità u l-istandards tal-ikel. Dawn iż-żewġ aspetti, minn dejjem importanti, issedqu fl-importanza tagħhom fl-aħħar snin hekk kif Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropea u pajjiżna jeħtieġ numru ikbar ta’ veterinarji biex ikun jista’ jilħaq mal-obligi li joħorġu mir-regolamenti Ewropej.

Wara l-presentazzjoni kellna l-opportunita’ nitkellem mal-istudenti li ġew flimkien ma’ xi ġenituri tagħhom. Omm minnhom, li fil-fatt mitilha r-raġel, spjegatli s-sagrificcji li għamlet biex setgħet tibgħat lil bintha tistudja barra minn Malta u apprezzat l-għajnuna li qed nagħtu. Apprezzat wkoll id-decizzjoni li l-Gvern kien ħa li studenti bħal dawn li jistudjaw barra minn Malta korsijiet li mhumiex accessibli f’pajjiżna jieħdu huma wkoll l-istipendju li jieħdu l-kumplament tal-istudenti f’pajjiżna.


Sfortunatament sa llum l-Università ta’ Malta ma toffrix kors li jwassal għal degree fl-istudji veterinarji u għalhekk, dawk li jixtiequ jispeċjalizzaw f’din id-dixxiplina qed ikollhom jagħmlu dan f’istituzzjoni barra minn Malta bi spiża konsiderevoli. Qed niddiskutu ma’ Universitajiet Ewropej kif l-Universita’ ta’ Malta tkun tista tibda kors konġunt, fejn għallanqas parti mill-istudji jibda jsir Malta. Sadanittant se nkomplu nfittxu kif nistgħu nassistu wkoll lill-istudenti l-oħra li wkoll qed jistudjaw barra minn Malta.