Mar 17, 2012

Ilma, Żvilupp Sostenibbli u Għarfien

Il-ġimgha d-dieħla jaħbat il-Jum Dinji dedikat lill-Ilma. Hemm bżonn infehmu dejjem aktar kemm ir-riżorsi tal-ilma hija prezjuża, aktar hu aktar meta hu mistenni li fl-40 sena li ġejjin id-domanda għall-ilma se tiżdied b’55% fid-dinja. L-urbanizazzjoni
mgħaġġla, l-effetti tat-tibdil fil-klima kif ukoll it-tkabbir tal-ekonomiji dinjija se jkomplu jżiedu l-pressjoni fuq l-użu tal-ilma. Fi żmien 40 sena aktar minn 40% tal-popolazzjoni tad-dinja se jkunu qed joqgħodu f’artijiet fejn ma hemmx biżżejjed ilma għall-ħtigijiet tagħhom.

Bħala parti mill-kampanja Catch The Drop, li qed jorganizza l-Ministeru tiegħi fl-iskejjel biex nżiedu l-għarfien fuq din ir-riżorsa, nhar l-Erbgħa attendejt attivita’ li organizzaw it-tfal tal-iskola Primarja ta’ San Ġwann. Stajt nara l-entużjażmu tagħhom. Uħud mit-tfal kienu qishom kalamita miegħi, bl-ecitament ħiereg minn għajnejhom.
Fosthom Luigi, Francesca, Nathan u oħrajn li ppreparaw set ta’ mistoqsijiet u għamluha ta’ ġurnalisti bhala speci kelli konferenza stampa magħhom. Ngħid għalija jien nogħxa f’okkażżjonijiet bħal dawn u nkun kważi rrid inqabbadhom mitt bicca xogħol biex nisfrutta l-entużjażmu tagħhom.


Din il-ġimgha waqt li kont qed nitkellem dwar il-liġi dwar l-iżvilupp sostenibbli, sħaqt li hemm bżonn aktar informazzjoni u sensibilizazzjoni fuq dan. Għidt li għandna bżonn nibnu fuq l-esperjenza tant posittiva tal-EkoSkola, fejn illum għandna ‘l fuq minn 100 skola jippartecipaw f’dan il-programm ta’ edukazzjoni u azzjoni ambjentali fl-iskejjel tagħna. Nemmen li wasal iż-żmien li din l-esperjenza issa nifirxuha u nieħduha fil-komunitajiet ta’ pajjiżna. Għandna bżonn l-EkoKomunita’. Dan il-programm ta’ sensibilizazzjoni u informazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli jrid jinbena mal-komunitajiet ta’ pajjiżna anke nittama bil-partecipazzjoni diretta
tal-Kunsilli Lokali.


Bħala leaders nistgħu nużaw lill-istudenti li għaddew diġa mill-esperjenza tal-EkoSkola u li issa kapaci jkunu mexxejja. Irrid ngħid li din l-idea beħsiebni niddiskutiha fil-ġranet li ġejjin mal-kollegi tiegħi Mario Demarco, Karm Mifsud Bonnici, kif ukoll man-Nature Trust, Profs Paul Pace u l-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Mar 15, 2012

Tislima lil Censu Tabone

Il-bierah wara nofsinhar mort naghti l-ghomor lill-familja tal-President Emeritus Censu Tabone. Sibt lis-Sinjura Maria, mdawwra minn uhud minn uliedha u t-tfal taghhom. Ma kontx naf x’se nghid izda hassejt id-dmir li ghallanqas inkun vicin il-familja Tabone
f’dan il-mument difficli. Ghalija u ghal familja tieghi, Censu Tabone u l-familja tieghu kienu specjali. Missieri sa mis-snin sittin kien jghin lil Censu Tabone fil-kampanja elettorali, u kien sikwiet jghaddi s’ghandna. Il-familjari ta’ Censu l-bierah fakruni li meta kont ghadni zghir u jghiduli li gej ghandna l-Ministru Tabone, jien kont nibza mill-kelma Ministru u dlonk nidhol taht il-mejda tal-ikel ! Meta kbirt kull meta Censu Tabone kien jiltaqa mieghi, l-ewwel haga li kien isaqsini bi tbissima biex jigibidli saqajja kienet tkun “Ghadek tidhol taht il-mejda !?”


Censu Tabone kien ezemplari, simpatiku, bniedem tan-nies u tal-familja. Ghalih il-politika kienet servizz lil kull min ghandu bzonnu. Defnittivament jibqa jissemma ghall-karizma li kellu kemm bhala politiku u kemm bhala tabib tal ghajnejn. Kien bniedem ta’ umilta’ Id-dar tieghu dejjem miftuha, b’martu bil-pacenzja kollha tilqa lill-kulhadd u taqsam dak li jkollhom ma’ kulhadd. Kien fuq kollox politiku ta’ korrettezza kbira. Kien jiggieled ghall-punt imma meqjuz fi kliemu biex ma joffendi lil hadd.


Kien bniedem ta’ vizjoni. Qatt ma nista’ ninsa li meta jien kont President taz-Zghazagh tal-PN fil-bidu tas-snin disghin kont hadt ghandu grupp ta’ zghazagh ewropew gejjin mill-ghaqdiet fi hdan l-European Young Christian Democrats. Hafna minn dawn iz-zghazagh kien esprimew apertament mieghi kemm kienu impressjonaw ruhhom bil-vizjoni li kellu tal-Ewropa Censu Tabone minkejja l-eta’ li diga’ kellu. Kien jghoxa maz-zghazagh ghax kif kien jghid hu “z-zghazagh inhosshom inaqsuli l-eta’ li ghandi !”

Censu Tabone kien fuq kollox ragel tal-familja. Kien ihossu fl-aqwa tieghu meta jkun imdawwar bit-tmien uliedu u t-tfal taghhom u dan l-ahhar anke b’ulied it-tfal t’uliedu. Minn hawn irrid ninghaqad mal-familja tieghi biex naghti l-kondoljanzi lill-familja kbira tieghu. M’ghandiex dubju li nhar is-Sibt filghodu eluf se jingabru biex jaghtu l-ahhar tislima lil Censu u fis-skiet jirringrazzjawh ghall-kontribut kbir li ta lis-socjeta’ Maltija.

Mar 9, 2012

Inħabbat il-bibien

Xi ħadd staqsini dan l-aħħar nirrakkonta l-esperjenza tiegħi tal-homevisits. Ikolli nistqarr mill-bidu li nqis il-homevisits bħala esperjenza unika li minnha nitgħallem dejjem. Tressaqni vicin il-ħajja li jgħixu n-nies. Qabel xejn nirringrazzja lil kull min jiftaħli l-bieb u jilqgħani f’daru. Niprova kemm jista jkun inkun informali, infatti ħafna drabi nitlob lill-familja ddaħħalni fejn tgħix il-familja, fil-kamra tal-ikel jew il-kamra fejn tghix il-familja, aktar milli tilqani fis-salott formali.

Nara n-nies fl-ufficcju tiegħi mill-anqas darba fil-ġimgħa, imma ż-żjajjar fid-djar ilaqqgħuk mal-maġġoranza tan-nies li hafna drabi qatt ma jiġu jħabtu l-bieb. Nagħti ħafna mportanza lill-homevisits, tant li ftit xhur wara l-aħħar elezzjoni kont diġa bdejt inħabbat il-bibien nhar ta’ Ħamis u Ġimgha. Ovvjament issa żidt ir-ritmu. Bħala regola, nidħol għand kull minn jogħġbu jiftaħli. Ma noqgħodx niccekja s-simpatiji politici tal-familji.


Fiż-żjajjar niprova nsir naf il-familja. Fejn jaħdmu, kemm għandhom tfal, kif iqattgħu l-ħin liberu. Naqsam magħhom il-biżat jekk jirrakkontaw problem ta’ saħħa, naqsam magħhom il-ferħ meta jitkellmu fuq is-success tat-tfal fl-edukazzjoni jew xi wild ġdid fil-familja.

Ikun hemm okkażżjonijiet fejn nintalab ngħin. Ħafna drabi ma jitolbux aktar minn parir jew biex xi materja titħaffef għax tkun indifnet fil-burokrazija. Ma jonqsux lanqas il-gaffes waqt il-homevisits. Uħud diga kelli okkażżjoni nirrakkonthom pubblikament, bħal meta anzjana tatni tazza sħiħa ta’ orange squash x’nixrob u spiccajt nixrob kwart minnha; stejjer oħra xi mument nirrakkonta aktar minnhom !

Mar 8, 2012

Tislima lin-nisa

Xi snin ilu bdejt id-drawwa li naghti fjura lin-nisa li jahdmu fis-Segretarjat mieghi. Imma Jum il-Mara, meta nqis, ghandu jkun aktar minn sempliciment simbolu.

Meta ndur madwari, nifhem li ghalkemm ghamilna avanzi kbar u l-istudenti tfajliet taghna llum ghandhom edukazzjoni sahansitra ahjar minn ta’ hafna studenti subien, nifhem ukoll li l-piz ghadu jaqa’ wisq qawwi fuq in-nisa. F’kull eta’ tal-hajja, donnu li t-tfajliet iridu jithabtu aktar biex jaslu ghaliex dak li mistenni minnhom huwa aktar wiesa’ minn dak li wiehed jistenna minn ragel. Niltaqa’ ma’ ommijiet zghar li, jkun xi jkun il-background akkademiku tagghom, iridu jlahhqu mal-impenji kollha tat-trobbija anke jekk jibqghu jahdmu.

Niltaqa’ ma’ nisa ikbar li jqattghu sieghat twal jiehdu hsieb qraba anzjani tagghom. Ma’ hafna ohrajn li wara li rabbew it-tfal, jiddedikaw hinhom ghat-trobbija tan-neputijiet. Ghadhom ftit wisq dawk l-irgiel li jmiddu idejhom ghal xoghol fid-dar donnu dan xi haga tal-misthija. Programmi bhal ‘Nista’’ li tnedew f’dawn l-ahhar snin jaghmlu tajjeb hafna li jpoggu dak li ghandu jkun ovvju quddiemna kuljum biex nixtrarruh u nagixxu fuqu.

F’Jum il-Mara, il-hsieb ewlieni tieghi huwa grazzi kbira lin-nisa kollha, li bil-mod uniku tagghom jippermettu li l-familji taghna jibqghu ghadejjin u li s-socjeta’ taghna tkun aktar b’sahhitha. Dak li jsir favur in-nisa qatt mhu mohli.....ghaliex il-gid tieghu jinxtered bil-kbir. Fl-istess hin hsiebi jmur ukoll man-nisa fid-dinja li ghadhom mcahhda mid-drittijiet bazici taghhom, u huma sfruttati u abbuzati.

Mar 6, 2012

Lura għall-glorja tagħha

Sa ftit tax-xhur ilu kont ngħaddi minn hemm u nibża li l-kampnar se jaqa’ fuq xi ħadd għaddej taħtu. Qed nirreferi għall-kampnar tal-Kappella tal-Kuncizzzjoni f’San Ġiljan. Ta’ min isemmi li kien il-Kavallier Rafel Spinola li bena l-knisja f’1687 għaliex xtaq li l-knisja tkun qrib il-palazz li hu bena f’San Ġiljan. Il-knisja ġiet imkabbra fil-bidu tas-seklu 20 waqt li l-faċċata nbiddlet f’l-1914. Nhar il-Hadd li għadda inawgurajna x-xogħol ta’ restawr estensiv li sar fuqha mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tiegħi.


Il-ħsara tant kienet kbira li saħansitra, f’Jannar tal-2010 kienet bdiet iccedi qanpiena minn fuq il-kampnar. Dan seħħ wara li ħadida li kienet imdendla fuqha inqasmet. Il-ħadid imsaddad ikawża ħsarat fil ġebel u l-istess ġebel fuq in naħa ta’ ġewwa tal-kampnar spiċċa fi stat ħażin ħafna minħabba r-riħ mielah li jahkem fuqu.

Ir-restawr fuq din il-kappella kien jirrikredi xogħol ta’ dedikazzjoni u attenzjoni u għalhekk dam għaddej sena. Ix-xogħlijiet ta’ din il-knisja kienu jinkludu wkoll xogħlijiet ta’ restawr tal-faċċatti kollha, li kien beda permezz tat-tindif tal-ġebla u tibdil ta’ ġebel meta dan kien neċessarju biss. It-tikħil ta’ fili sar b’metodi u materjali addatati. Fl-aħħar ingħatat velatura ta’ kulur ċar ħafna biex il-ġebel il-ġdid jintegra aħjar ma’ dak antik.


Dalgħodu żort il-Knisja ta’ Ħal Safi fejn għamilna parapett bil-balavostri tal-irħam fuq iz-zuntier. Ħafna kienu nsew li din il-Knisja kellha parapett ! Fil-fatt il-parapett kien tneħħa xi 50 jew 60 sena ilu għax il-ġebel li kellu kien tmermer. Ġie verament sabiħ. Id-disinn sar minn Censu Cintorino li huwa mgħallem fuq xogħol klassiku. Dan ix-xogħol jingħaqad ma’ xogħol ieħor li għamilna matul l-aħħar 4 snin fejn ħdimna fuq madwar 13-il zuntier u għamilna restawr fuq xejn anqas minn 14-il kappella jew knisja. Dan mhuwiex wirt biss tal-Knisja imma huwa wirt tagħna lkoll.

Mar 4, 2012

Hormuz

Waqt li f’Malta għandna Kap tal-Oppożizzjoni li jaspira li jkun Prim Ministru u li ma jridx jgħid kif iraħħas id-dawl u l-ilma, fid-dinja reġa għandna kriżi li qed twassal biex il-prezz taż-żejt jispara ‘l fuq. Il-mezzi kollha tax-xandir, kemm lokali u dawk internazjonali, qed jirrapurtaw kontinwament fuq il-kriżi fl-Iran li qed twassal biex il-prezz taż-żejt laħaq livelli għoljin li kienu ilhom ma jintlaħqu disa’ xhur. Bosta qed ibassru li l-prezz se jerga jitla ghal $120-il barmil.

Il-prezz taż-żejt qed ikun influenzat bil-kwistjoni tal-programm nukleari tal-Iran, specjalment minħabba t-theddida tal-Iran li jagħlaq l-iStrett ta’ Hormuz. Dan l-iStrett qiegħed bejn l-Iran u l-Oman u minnu jgħaddu t-tankers kollha taż-żejt li jmorru lejn it-terminals principali taż-żejt fl-Iraq, Kuwait, l-Emirati Gharab Maghquda u l-Arabja Sawdia. L-Unjoni Ewropea imponiet waqfien mix-xiri taż-żejt mill-Iran li mistenni jidħol fis-seħħ f’Lulju ta’ din is-sena.

Għalkemm pajjiżna ma jimportax żejt mill-Iran, il-kriżi xorta tolqotna minħabba li l-prezz qed jogħla kuljum. Din hi r-realta’ fid-dinja u li Malta tiffoma parti minnha. Joseph Muscat, kemm-il darba jkun Prim Minsitru jrid jaħdem f’din ir-realta’. Filwaqt li mill-Oppożizzjoni jista’ jagħżel li jkun irresponsabbli u jwiegħed kollox lil kulħadd, jekk ikun fil-Gvern ikun irid jħabbat wiċċu ma’ dan il-mewġ, irid jew ma jridx. Il-Gvern għaraf li ma jistax ikompli jgħabbi fuq il-familji u ddecieda li jerfa' l-piż hu taż-żieda internazzjonali fil-prezz taż-żejt u ma jgħollix it-tariffi tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji. Muscat iżda xorta probabilment jattakka d-deciżżjoni tal-Gvern ! Se jibqa jgħidilna li l-Gvern imissu jraħħas il-kontijiet !


Aħbarijiet bħal dawn għandhom jiftħu għajnejn kulħadd u jkomplu juru l-irresponsabbilta’ ta’ Joseph Muscat. It-tir tiegħu hu l-poter u mhux x’se jiġri wara. Deja vu tal-1998 meta Alfred Sant wiegħed li jneħħi l-VAT, għamel kawlata għax ma kellux pjan u għamel ħofra finanzjarja li qatt ma rajna bħalha. L-istess bħal Sant, Muscat miexi fl-istess triq.

Feb 23, 2012

PL – Pack of Lies

Hu fatt aċċettat f’kull demokrazija li r-rwol tal-Oppożizzjoni hu li tressaq kritika u tipproponi alternattivi viabbli għall-operat tal-Gvern. Iżda mhu qatt aċċettat li l-Oppożizzjoni tirrikorri għal miżinformazzjoni biex tressaq il-kritika tagħha. Sfortunatament f’pajjiżna dejjem qed jiżdiedu l-okkażżjonijiet fejn l-Oppożizzjoni qed tinqabad tgħawweġ il-fatti, anke meta l-fatti huma carissimi. Fl-aħħar ġranet kellna żewg okkażjonijiet separati li jikkonfermaw kemm dan huwa minnu.
Fil-Mosta l-Kap tal-Oppożizzjoni ‘ħabbar’ proġett ta’ tisbiħ ta’ spazju pubbliku fi proġett li suppost hu partnership bejn il-Gvern, il-Kunsill Lokali u l-privat. Wara li ħalla lis-Sindku tal-Mosta joħloq diżastru u ma jintervjeni bl-ebda mod biex iġib ftit ordni fil-Mosta, il-Kap tal-Opposizzjoni tagħtu rasu ftit ġranet qabel l-elezzjoni. Għalhekk biex jiġbor ftit simpatija u voti mar iħabbar “proġett”. Ipprova jidħaq bin-nies, għax fil-verita’ il-Kunsill Lokali tal-Mosta, mmexxi minn maġġoranza Laburista, kellu ċans japplika għal fondi għal dan il-proġett minn fondi tal-Gvern centrali u lanqas biss applika !
It-tieni gidba: Il-bieraħ kellna lill-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, Stefan Buontempo, li ħareġ jgħid li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ma ġiex ikkonsultat dwar il-proġett ta’ tisbieħ ta’ Pjazza Spinola f’San Ġiljan. Gidba mill-bidu sal-aħħar. Mhux minnu li l-Kunsill Lokali ma kienx infurmat dwar il-proġett. Saret laqgħa mal-Kunsill fejn jien stess spjegajt il-proġett u l-Kunsilliera, inkluż dawk Laburisti għamlu mistoqsijiet u suġġerimenti. Mhux hekk biss iżda. Il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan b’mod unanimu, inkluż bil-voti tal-kunsilliera Laburisti, approva l-proġett kif propost mill-Gvern Ċentrali. Jidher ċar li l-Onor. Buontempo jew ma kienx jaf jew inkella pprova jqarraq.
Jidher car li l-Partit Laburista lest jigdeb anke meta jaf ċert li ser jiġi mgiddeb għax jeżistu provi. Jagħmel jekk għax għadu jemmen fil-kredu tal-imgħoddi : itfa’ t-tajn u erġa itfa, xi tajn jeħel ! Ftit huma dawk fi ħdan il-PL li jirrealizzaw li kien dak il-kredu u dik it-tattika li telfithom elezzjoni wara l-oħra.