Jan 18, 2010

Inwieżnu lill-bdiewa

Iddecidejt li f’dawn il-jiem nzomm numru ta’ laqgħat ma’ rappreżentanti tal-bdiewa anke ghax irrid nisma minghandhom il-prioritajiet ghar-riforma tal-pitkalija. Liema riforma hija weghda ohra taghna. Dawn il-laqgħat huma utli u beħsiebni nkomplihom fil-jiem u ġimgħat li ġejjin. Hadt gost nisma lill-mexxejja tal-bdiewa jitkellmu b’passjoni fuq settur tant sensittiv u diffiċli. Nqawwi qalbi nara rġiel u nisa, iva anke nisa, jagħtu ħinhom għall-aħjar interess tas-settur. Dan huwa settur li diga gie modernizzat izda ghad hemm bzonn ta’ riforma qawwija specjalment fil-mod kif il-prodott jasal ghand il-konsumatur.

Hawn min, ghax ghandu agenda mohbija, jiprova jagħti l-impressjoni li l-problemi kollha li jiffaċċjaw il-bdiewa jaħti għalihom dan il-Gvern. Biex nagħti eżempju, waħda mill-affarijiet li tant smajna dwarhom dan l-aħħar hi r-rimi ta’ prodotti żejda li daħlu fil-Pitkalija. Din hija kawża ta’ numru ta’ fatturi, mhux l-inqas it-temp kważi sajfi li kellna sa tmiem l-2009. Dan apparti l-fatt li għad baqa’ bdiewa li jimxu mat-tradizzjoni u li jekk f’dan iz-żmien tas-sena dejjem kabbru pastard, allura hekk jahsbu li l-ahjar jibqghu jaghmlu, irrespettivament minn l-andament tas-suq fis-sena ta’ qabel. Illum l-istil ta’ ħajja inbidel, u miegħu inbidlu wkoll il-mod ta’ kif insajru u nieklu l-ikel tagħna. Fl-istess waqt irid jinbidel ukoll il-bidwi u jara li fis-suq ikun hemm firxa ta’ prodotti mitluba mill-konsumatur.

Hawnhekk tidħol l-importanza ta’ tmexxija u ppjanar ghaqli f’dan is-settur. Il-Gvern jibqa’ kommess li joħloq policies u miżuri li jgħin lill-bdiewa izda hija wkoll responsabbilta’ tal-mexxejja tal-bdiewa biex huma wkoll ikunu xprun ta’ bidliet li jridu jsiru. Dawn il-mexxejja jridu jibqgħu jikkonvinċu fuq il-bżonn li l-bdiewa jkunu organizzati u magħquda f’Għaqdiet jew Gruppi ta’ Produtturi li jziedu l-valur tal-prodott u li jbieghuh dirett.

Jehtieg ukoll li dawn il-mexxejja jibqgħu jfiehmu wkoll il-ħtieġa li l-biedwi jinfatam mid-dipendenza zejda fuq il-pitkala, li uhud minnhom spiccaw mhux sensara izda xerrejja diretti. Ħadt gost nisma’ proposti li sa’ ftit ilu lanqas biss wieħed kien joħlom li jismahom, pero issa huwa importanti li ġaladarba nibdew ir-riforma, dawn il-mexxejja ikunu wkoll maghna l-protagonisti tal-istess riforma.

No comments: