Aug 29, 2010

Mit-turiżmu jiekol kulħadd

"Mit-turiżmu jiekol kulħadd" tgħid kampanja ta’ għarfien tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar it-Turiżmu. Fl-aħħar jiem komplejna nisimgħu aħbarijiet pożittivi dwar ix-xejriet ta’ dan is-settur tant importanti fejn smajna dwar l-aħħar statistika li turi żidiet f’kull aspett. In-numri huma indikaturi pero huma biss parti minn stampa wiesa’ li rridu nżommu quddiem għajnejna meta nanalizzaw il-qagħda tas-settur tat-turiżmu. L-istatistika tal-NSO tikkonferma x-xejriet pożittivi li kellna matul din is-sena fejn l-aħħar ċifri juru qabżiet ta’ madwar 17% fin-numru ta’ nies li waslu Malta f’Ġunju li għadda meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra. L-istess qabżiet huma reġistrati fin-numru ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna.

Apparti n-numri wieħed irid jiżgura l-kwalita’ tat-turist li qed iżurna u hawnhekk wieħed ma jistax ma jsemmix l-isforzi li qed isiru biex pajjiżna jkompli jitpoġġa fuq il-mappa ta’ fejn jiġu organizzati konferenzi speċjalizzati. Huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jara kif dawn l-isforzi qed jiġu ppremajti billi fi ftit jiem oħra pajjiżna jospita l-akbar konferenza li qatt ittellgħet, li mistennija tattira mal-5,000 delegat ta’ waħda mill-akbar kumpaniji fis-settur tal-farmaċewtika.

Wieħed jista’ jara kif qed issir mobilizzazzjoni biex dan l-avveniment ikun wieħed ta’ suċċess u dan nawgurawh minn qalbna peress li suċċess ikun ifisser ċans akbar li ’l quddiem anraw attivitajiet simili jerġgħu jseħħu fostna. Dawn ir-riżultati huma wkoll parti mill-istampa akbar ta’ ekonomija dinjija li qed tkompli ħierġa minn riċessjoni u pajjiżna, grazzi gaħl politika għaqlija, llum jinsab lest biex jisfrutta dawn l-opportunitajiet li qed ikollu.

No comments: