Aug 17, 2010

Sinjali posittivi fl-ekonomija

Dan l-aħħar kellna diversi aħbarijiet li jikkonfermaw li l-ekonomija Maltija qed jirnexxilha tegħleb il-burraxka ekonomika u finanzjarja li ilha għaddejja madwar id-dinja f’dawn l-aħħar sentejn. Ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew li l-esportazzjoni fl-ewwel nofs ta’ din is-sena żdiedet b’35 fil-mija fuq l-istess żmien tas-sena ta’ qabel. Ħafna minn din l-esportazzjoni hi ta’ prodotti manifatturati fil-fabbriki tagħna.

Ċifri apparti wrew li t-turisti fl-ewwel nofs ta’ din is-sena żdiedu bi 11%. Żdiedu wkoll l-iljieli li jqattgħu hawn Malta t-turisti u l-flus li jonfqu. Dawn huma turisti li joqogħdu f’Malta jew Għawdex tul il-vaganza tagħhom u ma jinkludux dawn li jżuruna bil-cruise liners. It-turisti tal-cruise liners żdiedu tant li huma 50% aktar mill-istess żmien tas-sena l-oħra.

L-aqwa kejl, naturalment, hu dak tax-xogħol għax dan ikejjel mhux biss kemm qed toħloq ġid l-ekonomija imma wkoll kemm dan il-ġid qed jixtered. L-aħħar ċifri juru żieda ta’ 3,700 aktar jaħdmu fl-aħħar sena skont l-aħħar Labour Force Survey. Ċifri oħrajn separati juru li r-rata tal-qghad f'pajjizna issa hi fost l-anqas madwar l-Ewropa kollha.

Dan kollu ma jfissirx li ma rridux noqogħdu attenti għal dak li qed jiġri barra fejn pajjiżi għaddejjin minn qgħad għoli u riċessjoni bil-gvernijiet jittallbu lil istituzzjonijiet bħall-Fond Monetarju Internazzjonali. Irridu, anzi, inkomplu nużaw il-fondi tal-Gvern bil-għaqal ħalli, flok sussidji li ma jirrendux, il-flus ninvestuhom fejn l-aktar iħallu frott għall-futur f’ġid u xogħol.

No comments: