Apr 2, 2008

Tlett snin ilu hallina Gwanni Pawlu II

Bħal lum tlett snin ilu ħarset id-dinja kienet kollha fuq waħda mit-twieqi tal-appartament tal-Papa fil-Vatikan. Id-dinja kienet moħħa f’saħħet il-Papa Ġwanni Pawlu II li saħħtu kienet ilha tmur lura għal numru ta’ snin.

Nasal ngħid li d-dinja kienet f’dilemma – ħadd ma ried li Ġwanni Pawlu jmut għaliex dan kien Papa li tabilħaqq daħal fi qlub in-nies. Fl-istess waqt ħadd ma ried jara lil Ġwanni Pawlu jibqa’ jsofri għalkemm it-tbatija tiegħu fl-aħħar xhur u ġimgħat ta’ ħajtu kienu saru ta’ mudell għal bosta.

Ġwanni Pawlu kien bniedem straordinarju, li għex ħajja straordinarja. Tul il-Papat tiegħu mhux b’kumbinazzjoni li seħħew uħud mill-aktar affarijiet straordinarji ta’ dawn l-aħħar snin, inkluz il-kollass tal-Komunizmu. U lanqas mhu b’kumbinazzjoni li d-dinja waqfet u bkiet meta bħal lum tlett snin ilu għal ħabta tad-disa' ta' filghaxija Ġwanni Pawlu mar jiltaqa’ ma’ min tant ħabb f’ħajtu.

Il-biki tan-nies ma tantx dam u malajr inbidel f’għajta li għadha tidwi sa’ llum, Santo Subito ! Waħda mill-isbaħ memorji li nibqa’ nġorr f’qalbi kienet ix-xorti li kelli li nqatta’ ftit ħin nitlob quddiem il-ġisem ta’ Ġwanni Pawlu u meta ħadt sehem fil-quddiesa tal-funeral tiegħu. Kienet okkazzjoni li mhu se ninsa qatt.

No comments: