Apr 10, 2008

Villa Francia - Gojjell mikxuf mill-gdid

Dalgħodu kelli x-xorta li nzur għall-ewwel darba Villa Francia li bħalissa tinsa għaddejja minn xogħol kbir ta’ restawr, manutenzjoni u titjib. Irrid ngħid li bqajt impressjonat.

Impressjonat bil-ġmiel tal-villa. Din il-villa tifforma parti mill-kullana kbira ta’ patrimonju nazzjonali li pajjizna jista’ jiftaħar bih. Aħna pajjiż żgħir bi storja u wirt liema bħalu. Din hi villa li tinsab Ħal Lija u hu maħsub li nbniet għall-ħabta tal-1757 fi stil barokk. Studjużi jaffermaw li din il-villa ma nbnietx f’daqqa imma ħadet perjodu ta’ snin biex saret il-villa li nafu llum. Il-villa tikkonsisti f’binja ta’ żewġ sulari b’ġonna quddiem u wara. Fil-ġonna wieħed jista’ jsib numru ta' funtani li kollha jahdmu bil-pressa tal-gravita'.

Irrid ngħid li kont impressjonat ukoll bil-ħila u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema nvoluti f’din il-biċċa xogħol tant delikata, taht id-direzzjoni tal-Perit Claude Borg. Dawn il-ħaddiema qed jizguraw li pajjiżna jippriserva l-ġojjelli li għandu sabiex dawn jgħaddu għand il-ġenerazjonijiet ta’ warajna fi stat aħjar milli sibnihom aħna. Dawn huma ħaddiema li jaħdmu mad-Diviżjoni tar-Restawr u Diviżjonijiet oħrajn tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Għal bosta minnhom dan ix-xogħol qed iservi wkoll biex ikomplu jitħarrġu fuq is-snajja tagħhom. Kwalunkwe xogħol li żdied mal-villa matul is-snin u li ma jirrispettax l-istorja tagħha tneħħa għal kollox u z-zidied kollha li saru biex jaqdu l-bzonnijiet ta' llum huma riversibli.

Insellem lill-ħaddiema kollha li qed iwettqu din il-biċċa xogħol b’tant sengħa u reqqa matul l-ahhar sentejn. Ftakart li għal xi wħud, il-ħaddiema tal-Gvern għadhom jirriflettu skartar u għażż. Mhux li kien li dawn il-ħaddiema b’tant snajja jservu ta’ eżempju għal kulħadd!

No comments: