Nov 3, 2010

Risposta ta' poplu frustrat

Dak li sa’ sentejn ilu kien meqjus bħala impossibli li jseħħ, fil-fatt seħħ dan il-lejl meta l-President Amerikan Barak Obama, u l-Partit Demokratiku, sofrew telfiet kbar fl-elezzjonijiet tradizzjonali msejjħa mid-term. Bir-riżultati miksuba, Obama issa tilef il-maġġoranza li kellu fil-Kungress, filwaqt li għalkemm tilef xi siġġijiet, irnexxielu jsalva l-maġġoranza Demokratika fis-Senat bi ftit. Fl-elezzjonijiet li jsiru f’nofs it-terminu presidenzjali, l-poplu Amerikan ikun mistieden jivvota biex jeleġġi l-Kungress kollu u madwar 34 siġġu tas-Senat. Isiru wkoll xi elezzjonijiet ta’ Gvernaturi f’ċertu Stati.

Dawn huma elezzjonijiet importanti ferm, pero ħafna drabi jispiċċaw biex iservu bħala referendum fuq il-Presidenza. Huwa wkoll naturali li dawn ir-riżultati jeffettwaw mhux ftit il-kumplament tat-terminu Presidenzjali. Biss biss, il-President Obama issa se jkollu xenarju ferm aktar diffiċli b’Kungress kontrih u b’Senat li hu favurih bi ftit. F’dan il-kuntest, dawn ta’ dan il-lejl kienu riżultati mportanti ħafna.

Obama rebaħ il-Presidenza Amerikana b’għajta ta’ ottimiżmu u fiduċja. Il-‘Yes we can’ rebħet l-imħuħ u l-qlub tal-Amerikani u ħafna f’Obama raw “id-demm ġdid” li kienu xtaqu li jkollhom. Sentejn biss wara jidher li hemm qasma bejn il-President u l-poplu. Ta’ min jgħid li Obama qed imexxi l-Amerika f’wieħed mill-agħar mumenti kawża ta’ riċessjoni li qajla rajna bħalha. L-ekonomija Amerikana jidher li bdiet tirkupra, imma qed taghmel dan bil-mod wisq. Il-vot huwa risposta ta' poplu frustrat. Wiehed irid jghid ukoll li Obama rnexxielu wkoll iwettaq uħud mir-riformi li tant stinka għalihom, mhux l-anqas dik fis-settur tas-saħħa, izda min kien kontra hareg b'sahhtu biex ipattiha lil Obama u jiprova jirriversja din ir-riforma.

Mhux l-ewwel darba li f’nofs it-terminu, l-President ġarrab riżultati simili. Anzi, din hija r-regola. L-istess jiġri f’bosta pajjiżi fejn il-Gvern tal-ġurnata għandu kollox x’jitlef f’elezzjonijiet li jseħħu f’nofs il-mandat. Mhux kollox hu mitluf għal Obama, pero l-honeymoon li deher li kellu mal-elettorat issa żgur li ntesa u għandu sentejn biex jerġa jirbaħ lura ħafna mill-fiduċja li jirriżulta li tilef.

No comments: