Aug 8, 2008

Wine Festival - xhieda tat-titjib fl-inbejjed Maltin

Għat-tieni darba fi spazju ta’ ftit jiem erġajt kelli l-opportunita’ li nattendi attivita’ li tkompli tikkonferma l-progress enormi li kellna fis-settur agrikolu Malti.

Wara l-attivita’ ta’ l-Imġarr fi tmiem il-ġimgħa, l-bieraħ bi pjaċir ilqajt l-invit li għamluli l-produtturi ta’ l-inbejjed lokali Emanuel Delicata biex ninawgura s-seba' edizzjoni tal-festival ta’ l-inbejjed tagħhom. Festival li jirnexxielu joħroġ l-aħjar kemm ta’ l-inbid fl-atmosfera meraviljuza tal-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq.

Probabilment li l-inbid jirraprezenta l-aqwa ezempju tar-rivoluzzjoni siekta li għadda minnu s-settur agrikolu tagħna fl-aħħar snin. Minkejja x-xettiċizmu ta’ bosta, prattikament ilħaqna l-mira ambizzjuza li jkollna elf ettaru ta’ raba ddedikat għat-tkabbir tad-dwieli. Ma rridux ninsew li dan ilħaqnieh minkejja importazzjoni liberalizzata ta’ inbejjed barranin.

Mhux talli lħaqna dawn il-miri, izda fil-frattemp l-inbejjed tagħna għamlu passi ta’ ġgant. Issa għandna industrija lokali li tiftaħar, u bir-raġun, li laħqet l-istandards għoljin li jippermettulha li tipproduċi nbejjed ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Ikkontrollata (DOK) u ta’ Indikazzjoni Ġeografika Tipika (IĠT). Nirrakkomanda li wieħed izur is-sit http://www.maltaqualitywines.com/ għal aktar informazzjoni.

Huwa għalhekk li jien fiduċjuz li s-settur agrikolu tagħna għandu futur sabiħ quddiemu. Ma jfissirx li t-triq ma fihiex perikli, pero bl-impenn ta’ kulħadd u bil-bzulija ta’ kull min hu fis-settur, jien ċert li se nkomplu niksbu aktar suċċessi u sodisfazzjon. U se nkomplu niċċelebraw b’tazza inbid lokali!

No comments: