Sep 11, 2009

Ftuħ ta’ ġawhra

Hafna se jkollhom l-opportunita' jaraw u jgawdu f'dawn il-granet Villa Francia issa li din il-ġawhra se tinfetah, wara li sarilha xogħol kbir ta’ restawr, manutenzjoni u giet mghammra bl-ghamara necessarja. Din il-villa tifforma parti mill-kullana kbira ta’ patrimonju nazzjonali li pajjizna jista’ jiftaħar bih. Aħna pajjiż żgħir bi storja u wirt liema bħalu.

Din hi villa li tinsab Ħal Lija u hu maħsub li nbniet għall-ħabta tal-1757 fi stil barokk. Studjużi jaffermaw li din il-villa ma nbnietx f’daqqa imma ħadet perjodu ta’ snin biex saret il-villa li nafu llum. Il-villa tikkonsisti f’binja ta’ żewġ sulari b’ġonna quddiem u wara. Fil-ġnien ta’ wara wieħed jista’ jsib ukoll sienja u gibjun kbir.

Il-Villa hija llum ufficjalment residenza tal-Prim Ministru, li minn naħa tiegħu mill-ewwel wera x-xewqa li bix-xogħol li jsir fiha, dan il-wirt storiku jsir post ħaj u flessibli biżżejjed biex ikun jista’ jghaqdi diversi ħtiġijiet tal-Istat. Kien għalhekk li anke l-għamara li ntgħażlet, filwaqt li tirrispetta l-istorja tal-post, hija wkoll komda u adattata għall-bżonnijiet li hemm maħsuba għal dan il-post.

Il-ftuħ ta’ Villa Francia huwa wkoll mafkar ħaj tal-ħila u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema li kienu nvoluti f’din il-biċċa xogħol tant delikata. Dawn huma ħaddiema li jaħdmu mad-Diviżjoni tar-Restawr u Diviżjonijiet oħrajn tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Għal bosta minnhom dan ix-xogħol serva wkoll biex ikomplu jitħarrġu fuq is-snajja tagħhom. Kwalunkwe xogħol li żdied mal-villa matul is-snin u li ma jirrispettax l-istorja tagħha issa tneħħa għal kollox. Irrid nghid grazzi lil predicessur tieghi Ninu Zammit tal-interess personali li ha biex dan il-post ha s-sura li ghandu llum mill-istat dizastruz li kien fih qabel ma nbeda x-xoghol.

No comments: