Apr 21, 2011

Miljuni godda ta' foqra

Inħsadt jien u naqra l-previżonijiet tal-Bank Dinji dwar in-numru dejjem jikber ta’ nies li jgħixu fil-faqar fid-dinja. Il-Bank Dinji jistma li bħalissa fid-dinja hawn mal-1.2 biljun ruħ li jgħixu b’anqas minn €0.90 kuljum. Bil-prezzijiet tac-cereali u l-ikel f’livell ta’ madwar 36% aktar għoljin minn sena ilu, il-Bank Dinji jistma li fl-aħħar sena biss żdiedu mal-44 miljun ruħ li qed jgħixu fil-faqar.


U jekk dan mhux xenarju tal-biża’ biżżejjed, il-Bank Dinji qed jipprevedi li jekk il-prezzijiet tal-ikel jiżdiedu imqar b’10% oħra, mal-għaxar miljun ruħ oħra jispiċċaw huma wkoll jgħixu fil-faqar. Il-Bank Dinji qed jappella biex tingħata aktar priorita’ lill-produzzjoni tal-ikel biex tkun evitata kriżi umanitarja kbira. Il-prezzijiet tac-cereali u tal-ikel għadhom fl-istess livelli rekord tal-2008 u qed ikun issuġġerit li jitnaqqsu l-kontrolli fuq l-esportazzjoni f’postijiet li jipproduċu l-ikel filwaqt li jkun hemm aktar investimenti fl-agrikoltura.



Suġġerimenti oħrajn jinkludu investiment f’teknoloġiji ġodda, fosthom f’sistemi biex l-ikel isir aktar nutrittiv kif ukoll biex il-produzzjoni ta’ biofuels titwaqqaf meta l-prezz tal-ikel jaqbeż ċertu limiti.




Dan kollu ġiegħlni nirrifletti fuq kif aħbarjiet bħal dawn sfortunatament jispiċċaw jintilfu f’pajjiżna. Dan hu x-xenarju mondjali li bilfors iħalli impatt fuqna. Pero, kif jiġri spiss, f’Malta spiss nitkellmu daqs li kieku ngħixu f’bozza u mhux f’dinja. Mhux qed ngħid dan b’sens partiġġjan pero b’sens ta’ kritika kostruttiva għaliex din hija problema reali li qed tħalli l-effetti tagħha anke fuqna.

1 comment:

Charles Mizzi said...

Interessanti din tan-90 euro cents. Ma nafx fhimtx sewwa imma jekk ikollok budget ta 1 euro kuljum, ma tkunx meqjus fqir?
Napprezza tal-awto kritika, fuq dan il-punt, Onorevoli, sincerament il-Gvern irid minnufih jara kif ha jibda jnaqqas mill-piz li ghandu il-poplu specjalment il-klassijiet iz-zghar u tan-nofs. Insemmi xi haga zghira, dik l-imbierka taxxa tat-TV. Weghedtu li se tnehhuha u s'issa ghadha hemm. L'iskuza li smajt kienet li il-Gvern ghandu hafna progetti importanti x'jaghmel u ghadu ma wasalx ghaliha. Ghalija u ghal hafna hi biss skuza fjakka ghax kull sena li tghaddi tissarraf f'eluf ta euros ghal Gvern minn butna.