Dec 15, 2011

Centru ghall-Volontarjat

Hekk kif qed naslu fit-tmiem ta’ din is-sena Ewropea ddedikata għall-Volontarjat, il-Gvern iddeciedi li jaghti jimmarka din is-sena billi jibda l-ħidma tiegħu biex iwaqqaf Centru għall-Volontarjat fil-Belt Kapitali. Il-bieraħ flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaz-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli u s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi ħabbart li dan ic-Centru se jkun proprju fil-bini tal-Biċċerija l-antika fil-Belt li ilu għal snin twal mitluq, dilapitat u abbużat. Binja li qegħda bejn il-Berġa ta’ Baviera u l-Palazz tal-Arcisqof. Din kienet żona ndustrijali fi żmien il-Kavallieri. Issa din iż-żona se nagħtuha injezzjoni ta’ attivita’.

Dan il-proġett li se jiswa mal-miljun euros ġaladarba jitlesta se jingħata għall-użu tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. Din il-Binja għandha skop li tintuża bħala ċentru għall-użu tal-għaqdiet volontarji prattikalment f’uffiċini u spazji li jistgħu jutilizzaw. Hemmhekk għandhom isibu servizzi komuni li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom. Is-sular ta’ isfel ukoll se jkun idedikat għal-arti u kreativita’. Bażikament hawnhekk se jinħoloq spazju għall-artisiti ż-żgħar biex juru u jkabbru t-talenti tagħhom.

Dan il-proġett huwa turija tal-apprezzament tal-Gvern lejn il-ħidma volontiera ta’ għadd kbir ta’ persuni li jaħdmu b’xejn u mill-qalb f’varjeta’ ta’ oqsma soċjali u kulturali. Dan il-proġett iżżewweġ il-wirt storiku ta’ din il-binja mal-bżonn li ghandhom tant ghaqdiet volontarji u NGOs ta’ post fejn jiltaqghu. Il-kuncett ta’ syndicate rooms li ser ikun zviluppat f’din il-proprjeta se jimla vojt li kienu ilu jinħass f’dan il-qasam tal-volontarjat f’pajjiżna. Il-volontarjat hu teżor li aħna għandna apprezzament kbir lejh għax huwa simbolu tas-solidarjeta’ fis-socjeta’ tagħna.

Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni jifforma parti mill-kullana ta’ 40 proġetti ta’ restawr, tisbih u riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali tagħna li dan il-Gvern iwettaq. Waqt li konna qed indawru lill-ġurnalisti mas-sit, ħarġet waħda anzjani minn waħda mill-gallarijiet tal-madwar u bdiet tilmenti mill-istat ħażin li tinsab fiha din il-binja. Meta għidtilha li se nagħmlu ntervent biex nagħtu ħajja ġdida, kienet pronta qaltli “Nittama li ngħix sakemm tlestuh”. F’qalbi għidt, “Issa nispera li meta nlestuh ma tgħdilniex li ġibnilha l-istorbju ħdejha !”

No comments: