Dec 26, 2011

Pjazza Spinola

F’dawn il-ġranet kelli l-okkażżjoni nħabbar l-proġett ta’ tisbiħ ta’ Pjazza Spinola f’San Ġiljan. Permezz ta’ dan il-proġett, din il-pjazza li tkopri madwar 2,400 metru kwadru ta’ art u li tant hi sinonima mal-villaġġ ta’ San Ġiljan se tkun qed tingħata dehra ġdida. Spazju li sa llum hu ddominat minn roundabout u konfuzzjoni ta’ karozzi, li s-sena d-dieħla se nibdluh fi spazju organizzat u komdu għall-Ġiljaniżi u dawk kollha li jżuru San Ġiljan, inkluż il-ħafna turisti.

Fix-xhur li għaddew konna għaddejjin bix-xogħol ta’ wara l-kwinti fejn tlestew il-pjanti u d-disinji u ddaħlet l-applikazzjoni lill-MEPA f’Awwissu 2011 biex ġaladarba jinħareġ il-permess ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq dan il-proġett li mistenni li jdum għaddej madwar tmien xhur sabiex jitlesta. Fost l-interventi li ser isiru ser ikun hemm it-tneħħija tar-roundabout eżistenti u r-rilokazzjoni tal-istatwa tal-Qalb ta’ Gesu li se titressaq minn fejn tinsab bħalissa biex titpoġġa f’post fejn tkun tista’ tiġi apprezzata aħjar fl-istess żona. Sa llum bilkemm għajnejk imorru fuqha, għax l-attenzjoni jieħduha l-karozzi u t-traffiku li jdur madwarha.

Il-vaska antika minn fejn kienu jixorbu ż-żwiemel u li llum ma tintużax se titressaq ukoll u se ssir feature fil-proġett. Apparti dan se jiġu nstallati wkoll żewġ ground fountains, numru ta’ bankijiet, dawl ġdid u street furniture ġdida. Parti importanti minn dan il-proġett se tkun ukoll l-installazzjoni ta’ culverts taħt l-art biex jinġabar l-ilma tax-xita li jinżel fl-inħawi. L-istima ta’ dan il-proġett tlaħħaq madwar € 1.3 miljun.

Dan mhux l-ewwel proġett ta’ tisbieħ f’San Ġiljan, u fil-fatt ikompli jgħaqqad maxogħol ieħor li sar f’Xatt is-Sajjieda. Dan mhux l-aħħar xogħol lanqas maħsub għal din iż-żona. Qed nikkunsidraw ukoll xogħol ieħor anke fid-dawl ta’ proġett mill-privat li fost affarijiet oħra se jiprovdi carpark għal madwar 400 karozza u li qed naraw kif l-aħjar nintegraw interventi tagħna miegħu ħalli ntejjbu dejjem aktar l-ambjent ta’ din iż-żona.

No comments: