Dec 1, 2008

AIDS - epidemija qalila li qed tinfirex

Illum huwa l-Jum Dinji tal-AIDS, sabiex jizdied l-għarfien dwar din il-marda. Ġew f’idejja ftit numri dwar din il-marda fid-dinja u nistqarr magħkom li xxukkjajt ruħi.

Fid-dinja hawn mat-33 miljun ruħ infettati bil-virus tal-HIV. Minn dawn ftit anqas minn 31 miljun ruħ huma adulti u mal 15-il miljun u nofs ruħ huma nisa. Maz-zewġ miljuni minnhom huma tfal taħt il 15-il sena. Fl-2007 ġew irreġistrati mat-2.7 miljun kaz ġdid ta’ nies infettati, li minnhom kwazi 400,000 huma tfal taħt il 15-il sena. Matul is-sena li għaddiet kien hemm maz-zewġ miljun imwiet kawza ta’ din il-marda!

Numri li ma jħallu ebda dubju li din hi marda qalila, u li qed tinfirex. Numri li juru li din qed issir epidemija u li m’għandniex alternattiva ħlief li nagħmlu l-almu tagħna biex inkattru l-għarfien ta’ din il-marda għaliex dik hi l-aqwa prevenzjoni li nistgħu nieħdu kontra li din il-marda tkompli tinfirex. Dan il-Jum Dinji huwa utli wkoll biex jikkumbatti kull forma ta’ preġudizzju li jista’ jkollna kontra nies infettati b’din il-marda.

Infatti, b’għaqal, persuna infettata tista’ tgħix ħajja kwazi normali. Kellna xi ezempji ta’dan, bħal per ezempju l-istilla tal-basketball Amerikan Magic Johnson li minn mindu ħabbar li għandu l-virus iddedika ħinu u l-enerġija tiegħu biex ikattar l-għarfien ta’ din il-marda u kif wieħed jsta’ jgħix biha. Johnson qed jghin finanzjarjament wkoll kampanja ta’ riċerka biex tinstab kura għal din il-marda. Forsi mhux kulħadd għandu l-mezzi u l-istatura ta’ Johnson, pero bil-ftit u bl-impenn ta’ kulħadd, ilkoll nistgħu nagħmlu differenza kbira biex nikkumbattu t-tixrid ta’ din l-epidemija.

No comments: