Dec 27, 2008

It-tifel bil-pigama rrigata

Wiehed mill-kotba li ghazilt waqt l-ahhar Fiera tal-Kotba kien il-ktieb tal-Klabb Kotba Maltin, IT-TIFEL BIL-PIĠAMA RRIGATA traduzzjoni ghall-Malti ta' Tony C. Cutajar tal-ktieb ta' John Boyne THE BOY IN THE STRIPED PYJAMAS. "Huwa ktieb li jistħoqqlu jinqara, jiġi diskuss, u jinżamm qrib il-qalb" Hekk kiteb Jacob Hope dwar dan il-ktieb li biegħ 'l fuq minn terz ta’ miljun kopja bl-Ingliż biss u li ġie maqlub f’aktar minn tletin lingwa.

Dan il-ktieb huwa l-istorja ta’ Bruno, tifel ta’ 8 snin, li qiegħed jiprova jifhem x’inhu jiġri madwaru f’(Out-With) Auschwitz waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Bruno huwa t-tifel ta’ Kmandant ta’ kamp ta’ konċentrament tan-Nażi. Huwa kien jgħix mal-familja tiegħu f’dar kbira mifruxa fuq ħames sulari ġewwa Berlin imma darba waħda missieru jġorr il-familja kollha f’post jismu Out-With. Bruno beda jiddispra hemmhekk għax barra li d-dar kienet ferm iżgħar minn dik fejn kien jgħix qabel, huwa kien spiċċa jgħaddi ħafna ħin f’kamartu mingħajr ħbieb.

Mit-tieqa tal-kamra tiegħu Bruno seta’ jara reċint għoli tal-barbedwire u warajh kien hemm ħafna nies libsin piġama rrigata. Dawn kienu Lhud u kienu f’kamp ta’ konċentrament. Xtaq ikun jaf għaliex dawk in-nies dejjem ikunu libsin piġama rrigata. Wieħed mill-passatempi tiegħu kien li jħobb jesplora u darba fost l-oħrajn jitlaq passiġġata twila u jiltaqa’ ma’ tifel Lhudi jismu Shmuel li kien jgħix wara dan iċ-ċint. Saru ħbieb u kienu spiss jitkellmu ma’ xulxin. Darba oħtu qaltlu li n-nies li kienu jgħixu fuq in-naħa l-oħra taċ-ċint kienu Lhud u kienu differenti ħafna minnhom. Fl-aħħar, Bruno jkun ħa jmur lura Berlin ma’ ommu u oħtu iżda bħala l-aħħar avventura, jilbes piġama rrigata u jidħol ħdejn Shmuel biex jgħinu jsib lil missieru.......

Illum iddecidejt li mmur nara l-film li nhadem fuq dan il-ktieb. Film eċċezzjonali b’direzzjoni ta’ Mark Herman u b’Asa Butterfield fil-parti ewlenija. Hemm xi differenzi bejn il-ktieb u l-film izda l-messagg huwa wiehed: kemm ahna boloh meta nipruvaw nibnu dinja mibnija fuq l-ghodju. Fejn nibnu biss zewg fronti : ahna t-tajbin u l-ohrajn il-hziena. Hija l-innocenza tat-tfal li hafna drabi ggibna f'sensina u tfehmna kemm ahna boloh.

No comments: