Feb 13, 2009

Il-process tal-ippjanar

Il-proġett propost fil-Kon-Katidrall ta’ San Ġwann iddomina l-aħbarijiet fl-aħħar jiem. Jien ċert li s’issa intom tafu d-dettalji u għandkom ukoll opinjoni fuq din l-istorja.

Inħoss li fiċ-ċirkostanzi, huwa utli li wieħed jislet xi ftit riflessjonijiet. Fil-fehma tiegħi, kien żball kbir li dan il-proċess safa daqstant politiċizzat. Wara li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni parlamentari, l-proġett spiċċa jkun diskuss fl-arena politika minflok ma baqa’ jkun analizzat mill-Awtorita’ kompetenti. Dan mhux l-uniku każ, u l-anqas mhu se jkun l-aħħar każ, fejn Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra se jkunu favur jew kontra proġett partikolari. U hekk ghandu jkun. Anke l-politici ghandhom dritt ghall-opinjoni taghhom sakemm espress fil-process tal-ippjanar.

Madanakollu dan m’għandux iwassal biex proġett jitkompla jew le skond l-appoġġ Parlamentari li jikseb. Kieku dan hu l-każ allura l-pajjiż jista’ jaghlaq il-MEPA u jħalli f’idejn il-politiċi biex jiddeċiedu. Għandna noqgħodu attenti ħafna milli jkollna sistema fejn ikun il-politiku li jerġa jingħata s-saħħa biex jiddeċiedi. L-imgħoddi għandu jiftħilna għajnejna f’dan ir-rigward.

Anke jekk naslu biex niddeċiedu hekk, irid ikun hemm tibdil fil-liġi peress li l-liġi tagħna hi ċara u d-deċiżjonijiet huma responsabbilta’ tal-MEPA. Huwa kontradittorju li minn naħa jidher li hawn qbil favur proċess tal-ippjanar awtonomu u fl-istess waqt nippretendu li ndaħħlu lill-politiċi biex jiġġudikaw huma, anke permezz ta’ posizzjonijiet ta’ gruppi Parlamentari.

Huma l-NGOs ambjentali li l-aktar li għandhom jiżguraw li l-proċess tal-ippjanar ma jerġax jiġi maħnuq mill-politiċi, għax inkella titnaqqar l-effettivita’ u r-relevanza tal-NGOs stess.

No comments: