Jun 11, 2009

Messaġġ ta’ poplu

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ghaddiet. Ftit riflessjonijiet: Il-politika hija għodda ta’ kif isservi lill-poplu. Il-poplu huwa sovran u jkun hu li jiġġudikak fuq it-twettiq ta’ dik il-politika. Għalhekk l-elezzjonijiet huma pilastru fundamentali ta’ kwalunkwe demokrazija, fejn il-poplu huwa liberu li jesprimi fehmtu fuq dak li jkun għaddej.

Mhux kull elezzjoni sservi għall-istess għan. M’għandnix xi ngħidu, l-elezzjoni ġenerali hija l-okkazzjoni fejn poplu jiġġudika u jagħżel liema programm ta’ tmexxija jrid, pero f’kull elezzjoni jintbagħtu messaġġi li jridu jiġu mismugħa tajjeb mill-politiċi.

Il-poplu għażel u ta maġġoranza assoluta ta’ voti u ta’ siġġijiet lir-rappreżentanti tal-Partit Laburista. Il-Prim Ministru kien korrett meta qal – jien noqgħod għall-ġudizzju tal-poplu. Għalkemm din qatt ma kellha tkun elezzjoni li tiġġudika fuq programm ta’ ħidma, anke għax saret sena waħda biss f’mandat ta’ ħames snin, niżbaljaw jekk nibgħatu messaġġ li mhux se nagħtu każ ta’ dak li qal l-elettorat. Izda wiehed irid ukoll jaghmel l-analiżi fil-kuntest shih tas-sitwazzjoni.

Huwa faċli li mill-Oppożizzjoni tikkritika, żgur li ferm aktar faċli milli tkun qed tiggverna pajjiż f’nofs taqlib ekonomiku li qatt ma rajna bħalu u li qed iwassal għall-waqa’ ta’ imperi finanzjarji li sa’ ftit ilu konna nqisuhom bħala ġganti. Pero’ l-poplu, li sa’ sena ilu afdana bit-tmun tal-pajjiż, qed jgħidilna li jrid jara ċertu bidliet fl-istil u fil-mod kif nimplimentaw ċertu miżuri. L-istorja tgħallimna li 5 snin ilu konna fl-istess sitwazzjoni, smajna l-messaġġ u irbaħna l-elezzjoni ġenerali. Irridu nfehmu u nikkomunikaw mal-poplu, imbagħad meta jasal jum il-għażla mmorru għand il-poplu u noqħogħdu għall-verdett tiegħu. Sadanittant trid tkompli l-hidma, kemm fl-ufficini kif ukoll fid-djar !

No comments: