Jul 29, 2011

Aktar fondi tal-UE ghall-ambjent

Ftit iżjed minn ġimgħa ilu, il-Ministeru mmexxi minni rċieva l-aħbar tajba li żewġ proġetti proposti minnu ġew aċċettatti mill-Kummissjoni Ewropea biex jirċievu fondi Ewropej taħt il-kappa tal-Life+, fondi li jmorru għall-proġetti ambjentali innovattivi. Din kienet l-ewwel darba f’numru ta’ snin li Malta rnexxilha jkollha proġetti li jiksbu fondi taħt dan il-programm tal-UE, u tnejn mill-erba’ proġetti Maltin aċċettatti huma mmexxija mill-Ministeru tieghi. Bejniethom dawn iż-żewġ proġetti se jkunu qed ifissru investiment ta’ madwar 3.3 miljun ewro fl-ambjent Malti li minnhom ftit anqas minn nofshom huma fondi Ewropej.

Wieħed mill-proġetti huwa dwar il-karozzi elettriċi li qed isir flimkien mal-Enemalta, Transport Malta u l-Ministeru ta’ Għawdex. Se nkunu qed nixtru 24 vettura ta’ daqsijiet u għamliet differenti li se nqassmuhom lil persuni minn mixjiet differenti tal-ħajja (wara proċess tal-għażla trasparenti) u xi dipartimenti tal-gvern għal madwar sena kif ukoll ninstallaw mitt charging point madwar Malta. Matul dan il-perijodu se jkunu qed nevalwaw l-esperjenza ta’ dawn in-nies u nikkomunikawha lill-pubbliku biex nuru li t-trasport b’vetturi eletriċi, li llum jħabbtuha ma’ vetturi normali li jaħarqu l-petrol jew id-diesel huma alternattiva vijabbli u nħeġġu lil iktar niex jinvestu fihom. Hekk nikkontribwixxu biex ikollna iktar arja nadifa billi nnaqqsu t-tniġġis mid-dħaħen tal-karozzi, u nnaqqsu l-impatt tat-trasport privat fuq il-bidla fil-klima.

Il-proġett l-ieħor huwa mibni fuq kampanja ta’ informazzjoni dwar in-nitrati fl-agrikultura. Kif nafu Malta għandha rata għolja wisq ta’ nitrati fl-ilma tal-pjan, u dan il-gvern impenja ruhu li jaħdem biex din ir-rata tonqos. Nafu li dan hu proċess li jieħu fit-tul, madwar 30 jew 40 sena, iżda jekk ma nibdewx ma naslux. Is-sena li għaddiet nhedejna abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni dwar in-nitrati li wara proċess ta’ konsultazzjoni twil, wasal biex jiġi ffinalizzat. Biss ħassejna li minbarra r-regolamenti u l-infurzar tagħhom irridu ukoll nedukaw lill-poplu inġenerali u b’mod speċjali lill-bdiewa.

Nemmnu li mportanti nfehmu lill-bdiewa dwar l-impatt tan-nitrati fuq l-ambjent u kemm huwa aħjar, anki għall-buthom, li jnaqsu l-ammont ta’ nitrati li jitfghu fil-ħamrija. Dan il-proġett se jkun qed jgħina nedukaw u ngħinu lill-bdiewa biex ibiddlu l-prattiċi tagħhom ħalli jibqgħu jagħtuna prodott ta’ kwalità u dan billi jnaqqsu l-ammont ta’ nitrati li jużaw. Ghal dan il-ghan fil-bidu ta’ Settembru ta’ din is-sena, il-Ministeru se jniedi kampanja ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar l-użu tajjeb u l-immaniġjar tan-nitrati fl-agrikultura u t-trobbija ta’ l-annimali. Din il-kampanja ser tindirizza lill-bdiewa u r-raħħala kif ukoll il-pubbliku u ser tkun parzjalment iffinanzjata permezz ta’ LIFE+.

No comments: