Nov 28, 2011

Impenjati biex ngħinu

Ahna li kull meta niftħu l-vit u nsibu l-ilma fil-kumdita' ta' djarna, qatt hsibna li fid-dinja imutu tifel jew tifla kull 10 sekondi sempliciment għax jimirdu b’ima kontaminat ? Qatt ħsibna kemm hawn tfal li jqumu filgħodu u l-ewwel haġa li jridu jagħmlu jkun li jimxu kilometri sħaħ biex imorru jiġbru l-ilma minn sors tajjeb ? Din hi s-sitwazzjoni fl-2011. U bit-tibdil fil-klima s-sitwazzjoni se tkompli tmur lura.

Sentejn ilu permezz tal-Ftehim ta’ Copenhagen, tal-Konfernza dwar il-Tibdil fil-Klima il-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom li jipprovdu lill-pajjiżi fi stadju ta’ żvilupp mezzi finanzjarji ‘fast start’ ġodda u oħrajn għall-perjodu 2010-2012.

F’dan il-kuntest il-Gvern Malti ngħaqad mal-kumplament tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex niffinanzjaw proġetti relatati mal-addattazzjoni tat-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, ftit tal-ġranet ilu jien u l-Viċi Prim Ministru Tonio Borg ppreżentajna €300,000 lill-għaqdiet mhux governattivi lokali li għandhom proġetti maħsuba biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima.

Il-fondi msemmija se jkunu qed jiffinanzjaw sitt proġetti fl-Afrika li jaħsbu biex jiffaċilitaw it-twassil tal-provvista ta’ ilma nadif; impjanti tal-biogass, programm ta’ tħawwil ta’ siġar u installazzjoni ta’ pannelli solari. Dawn il-proġetti se jitwettqu f’dawk il-pajjiżi li huma partikolarment vulnerabbli għall-bdil fil-klima, bħal Ethjopja, Uganda, Tanzanija u Ghana.

Nov 26, 2011

Lestejna wkoll il-Kappella ta' Santa Katerina

Il-proġett estensiv tar-restawr minn ġewwa tal-kappella ta' Santa Katerina ta' Lixandra fil-Belt Valletta issa tlesta u l-bieraħ fil-jum dedikat lill-qaddisa ġie inawgurat. Kappella li nbniet bħala l-kappella tal-Kavallieri Taljani u li llum tintuża mill-komunita’ Taljana f’Malta. Verament ġojjell artistiku li issa ngħata lura d-dinjita' li ħaqqu. Seħħet il-ħolma ta’ Dun Gino Gauci, kappillan tal-komunita’ Taljana f’Malta li tgħodd mat-tlett elef persuna, li ilu snin jistinka biex din il-kappella tiġi trasformata ghas-sbuħija originali taghħa.

Din il-kappella kienet f'kundizzjoni mill-agħar. Sfortunatament kien jidħol kwantita' ta' ilma mill-koppla u li wassal għal ħsarat kbar fil-ġebla u fil-pittura. L-aħħar fażi tal-proġett kienet ikkonċentrata l-iktar fuq il-pittura tal-koppla minn ġewwa, li għaliha kkontribwixxa l-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, permezz tar-Restoration Unit, u l-Bank of Valletta, bil-proġett fl-aħħar xhur jiġi estiż ukoll għall-koppletta u l-pitturi ta' wara l-artal li ġew iffinanzjati wara li l-Ambaxxata Taljana f'Malta sabet sponsors għalihom.

Sar xogħol qawwi ta' riċerka taħt is-superviżżjoni ta’ Giuseppe Mantella. Din il-kappella li nbniet skond id-disinn ta’ Glormu Cassar għandha wkoll it-timbru ta’ Mattia Preti. Il-kwadru titulari huwa xogħol ta’ Mattia Preti, liema pittura kienet ġiet restawrata mill-NSTF fl-2007. Barra hekk anke l-pittura tal-koppla principali, li tirraffigura xeni mill-ħajja ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra hija wkoll xogħol importanti ta’ Preti.

Fid-diskors qasir li għamilt stqarrejt li nħares lejn din il-kappella bħala simbolu tar-rabta bejn Malta u l-Italja. Liema rabta mhijiex biss minħabba l-vicinanza geografika, iżda minħabba r-rabta fuq kollox kulturali u socjali ta’ bejn iż-żewġ popli. Dan il-proġett huwa biss wieħed mill-madwar tletin proġett li dan il-Gvern qed iwettaq fil-Belt Kapitali tagħna sabiex jagħti lil din il-belt il-valur li jixirqilha.

Nov 23, 2011

Ilma sostenibbli - b'rispett lejn il-generazzjoni gdida

Dalgħodu kelli zewġ okkazzjonijiet verament sbieh. Bdejt bi żjara fl-iskola San Anton fejn ġejt imdawwar mit-tfal li jippartecipaw fil-programm Eko-Skola. Impressjonajt ruħi bl-entużjażmu tat-tfal u bil-baħar ta’ informazzjoni li ġabru u l-inizjattivi li ħadu fil-qasam ambjentali. Huwa evidenti li għandhom għalliema li rnexxielhom jixgħelu mħabba kbira lejn l-ekologija u s-sens civiku.

Wieħed mill-eserċizzji li kellhom kien li jagħmlu mudell ta’ dak li jixtiequ jaraw fil-park li se nagħmlu fuq il-miżbla riabilitata tal-Magħtab. Dawn huma tfal li mhux biss jitkellmu fuq l-immaniġjar tal-iskart imma qed jagħtu semhom. Mhux biss jiproduċu l-kompost mill-iskart biodegredabli, imma saħansitra għamlu Civic Amenity Site żgħira biex naqsu b’mod konsiderevoli l-volum ta’ skart li jarmu.

Minn hemm bqajt sejjer f’għalqa vicin ir-Rabat fejn kien għaddej il-proċess ta’ installazzjoni tal-ewwel meter ma’ borehole għal użu agrikolu. Pass importanti ħafna fl-azzjoni konkreta tagħna favur il-konservazzjoni tal-ilma tal-pjan. Spjegajt lill-ġurnalisti li jridu jkunu nstallati madwar 3,500 meter ma’ boreholes tal-bdiewa. Dawn il-meters qed jiġu nstallati mingħajr ħlas mill-bdiewa għax irnexxielna nġibu €2 miljun fondi mill-UE biex ma ngħabbux piż fuq il-bidwi. Il-Gvern qed jgħin ukoll billi raħħas bin-nofs il-kirja li l-bidwi u r-raħħal irid iħallas fuq il-meters tad-dawl u tal-ilma.

Wara l-installazzjoni tal-meters irid isir perjodu ta’ moniteraġġ tal-kwantità tal-ilma li jintuża fis-setturi kollha biex tinġabar stampa reali ta’ x’jiġi estratt mill-ilma tal-pjan. Dan se jservi biex fil-każ ta’ sorsi li jintużaw għall-agrikultura jinħadmu kwoti biex il-bdiewa tinħadmilhom kwota ta’ ilma bla ħlas għall-bżonnijiet tagħhom. B’wiċna minn quddiem nistgħu ngħidu li diġa wasalna biex nieħdu passi li ħafna pajjiżi ewropej fil-meditterran sabu diffikulta jimplimentaw. Qed nagħmlu dan anke għax nagħrfu r-responsabilitajiet li għandna lejn it-tfal ta’ llum li rridu niggarantulhom ilma fi kwantita’ u kwalita’ li jixirqilhom.

Nov 15, 2011

Budget ta' responsabilita'

Il-Budget li tressaq il-bieraħ ma kienx wieħed normali. Tressaq minn Gvern responsabbli fi kriżi internazzjonali liema bħalha, liema kriżi qed tolqot bl-aktar mod iebes lill-pajjiżi Ewropej madwarna. Għalhekk kull kunsiderazzjoni dwar il-Budget trid issir f’dan il-kuntest u għalhekk huwa ferm f’loku l-islogan li ntgħażel li ‘B’għaqal u b’serjeta’ biss nirbħu l-maltemp’.

Dan hu maltemp li għadu fuqna u madwarna u jekk lilna ma laqatniex bil-mod kif laqat lil pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja mhuwiex kumbinazzjoni, imma huwa riżultat ta’ deċiżjonijiet mhux dejjem popolari li ħadna. Deċiżjonijiet ta’ Gvern b’viżjoni u bi strateġija adattata biex pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, evita l-agħar parti tal-maltemp. Irridu nibqgħu ffukati għax l-isfidi għadhom hemm u jridu jingħelbu.

Huwa budget ffukat fuq fronti principali. L-ewwel incentivi ghall-aktar tkattir ta’ impjiegi u t-tieni għajnuna lil dawk il-faxex tas-socjeta’ li l-aktar li għandhom bżonn wens f’dan il-mument difficli. B’mod partikolari wens lil min qed irabbi t-tfal u wens għall-anzjani. Barra hekk se nkomplu nsostnu l-infieq għall-edukazzjoni, li tibqa l-pedament tal-iżzvilupp ekonomiku ta’ dan il-pajjiż bla riżorsi.

Rigward il-Ministeru tiegħi, l-allokazzjoni finanzjarja rrid nikkunsidrha fil-perspettiva ġusta. L-ispiża tal-Gvern trid tonqos f’ċertu setturi biex il-Gvern ikun jista’ jibqa’ jilħaq il-miri tan-nefqa soċjali u għalhekk bilfors li kien hemm xi tnaqqis fil-voti. Hemm pjan ta’ ħidma qawwi bbażat fuq l-fondi ewropej. Matul is-sena d-dieħla jibdew jkunu mplimentati fost l-akbar proġetti inkluż dak tal-mini taħt l-art biex ntaffu l-għargħar li waħdu jiswa 56 miljun ewro. Barra hekk se nkomplu ninvestu fondi pubblici biex inkomplu nagħtu spazji pubblici aktar komdi għall-familji tagħna u biex naprezzaw mill-ġdid il-wirt ta' pajjiżna.

Nov 13, 2011

Riforma Pitkalija

Fi tmiem il-ġimgħa tajna bidu għal proġett pilota ta’ 6 xhur biex tibda titwettaq fażi ohra mir-riforma tal-Pitkalija. Dan il-proġett se jinkludi numru ta’ tibdiliet kif jelenka l-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Ministeru u l-Farmers Central Cooperative Socitey (FCCS) li qed taqbel mal-prinċipji ta’ din ir-riforma kif proposta. Irrid inrodd ħajr lill-mexxejja tal-FCCS li wara diskussjoni twila accettajt li jissieħbu magħna f’din ir-riforma. Riforma li idealment ma tkunx imposta minn fuq iżda tiġi bi qbil mal-stakeholders l-aktar importanti: bdiewa, pitkala u xerrejja.

Waqt li attendejt għaċ-ċerimonja tal-iffirmar jien sħaqt li din hija riforma importanti msejsa fuq tliet prinċipji : 1. li l-bidwi jikseb valur xieraq u adattat għall-prodott tiegħu li jkun marbut ma’ grading; 2. li l-bidwi jkun jaf x’qed isir mill-prodott tiegħu; u 3. li r-rwol tal-pitkal ikun biss dak ta’ sensar.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet l-ftehim jisħaq fuq l-importanza ta’ taħriġ għal bdiewa biex fost affarijiet oħra l-bdiewa jibdew jagħmlu l-grading necessarju tal-prodotti tagħhom sabiex titjib d-dehra tal-prodott li jasal għall-għażla tal-konsumatur. L-għan hu dak li noħolqu sistema ta' traċċabilità li biha l-proċess kollu mir-razzett sa fuq il-mejda tal-ikel ikun jista’ jiġi segwit b'mod ċar fl-istadji kollha. Għandha tiġi introdotta wkoll sistema ta' kannestri/kaxxi ġodda; li għandhom jiġu utilizzati mill-bdiewa għall-prodotti tagħhom. Ix-xogħol infrastrutturali, ristrutturar u s-sistema tal-IT biex issir ir-riforma fil-Pitkalija hu stmat li se jiġi jiswa madwar €6 miljun.

Nov 11, 2011

Hajja gdida lill-arlogg ta' Pinto

Sa ftit tas-snin ilu, tlett affarijiet kienu jdejquni sew jien u dieħel il-Parlament: l-istat ta’ Piazza San Gorg, l-arloġġ tal-Mainguard dejjem wieqaf u l-arlogg tat-Torri ta’ Pinto tal-Palazz ukoll wieqaf. Issa rrangati u jiffunzjonaw kollha. Il-bieraħ żort ix-xogħlijiet ta’ restawr li l-Ministeru tiegħi għadu kemm lesta kemm fuq l-istruttura tal-gebel tat-Torri, fuq il-mekkaniżmu tal-arloġġ nnifsu kif ukoll fuq l-istatwi u l-kniepen li jinsabu fuq it-torri li jinsab f’waħda miż-żewġ btieħi tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Kapitali tagħna.

Dan l-arloġġ li nbena fl-1745 mill-Gran Mastru Manoel Pinto de Fonseca, huwa wieħed mill- isbaħ arloġġi li għandna hawn Malta izda sfortunatament kien ilu snin twal ma jahdem minhabba l-hsarat. Il-mekkaniżmu tal-arloġġ kien magħmul minn Gaetano Vella, arluġġar rinomat li ddisinja arloġġi f’diversi knejjes hawn Malta. Dan l-arloġġ jikkonsisti f’erba’ statwi tal-bronż, magħrufa bħala jacquemarts, li jduru minn qaddhom biex idoqqu l-qniepen. Huwa maħsub li dawn l-istatwi jissimbolizzaw skjavi Torok.

Ix-xogħol tmexxa minn grupp t’esperti fil-qasam tar-restawr mill-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Belt Valletta u minn Heritage Malta. Ir-restawr tal-istruttura tal-ġebel sar mill-ħaddiema tar-restawr taħt it-tmexxija tal-Perit Mireille Fsadni. Fuq il-mekkaniżmu tar-arlogg ħadem is-Sur Stephen Zammit, li litteralment żarma, sewwa u rema mill-ġdid l-arloġġ bicca bicca. Minn naha l-oħra s-Sur Kenneth Cauchi ħa ħsieb ir-restawr tal-qniepen u jacquemarts. L-interventi maħdumin b’għaqal reġgħu ħarġu s-sbuħija ta’ erba’ uċuħ tal-arloġġ: tan-nofs turi biss is-siegħa, u t-tlieta l-oħra juru ix-xahar, id-data, u l-fażi tal-qamar. Dan ix-xogħol, ġie jiswa €120,000, kien iffinanzjat minn fondi nazzjonali u nbeda f’April tal-2010. Dan il-proġett jingħaqad mar-restawr l-ieħor tal-faccati tal-Palazz. Hekk kif il-Parlament Malti s-sena d-dieħla jkun trasferit fil-binja l-ġdida, mbagħad jibda x-xogħol ta’ restawr tal-Palazz minn ġewwa halli dan it-tieni l-isbaħ ġojjell tal-Belt Kapitali tagħna jsir il-vetrina tal-kultura tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.

Biex dan il-ġojjell jitgawda aktar mill-pubbliku nġenerali se ssir open day biex il-pubbliku jkun jista’ japprezza aktar dan ix-xogħol li sar. Din se norganizzawha fid-19 ta’ Novembru bejn id-9am u s-2pm. Kull min hu nteressat li jattendi għandu jirriserva post billi jibgħat email fuq rpo.mrra@gov.mt. Sfortunatament minħabba ċ-ċokon tal-post ma nistgħux niftħu l-bibien għal kulħadd u għalhekk qed nesiġu li min hu nterssat li jżur dan il-proġett ta restawr jirrżerva post.

Nov 10, 2011

130,000 tarbija salvati mill-abort

Aħbar bħal dik ta’ tarbija abbandunata fuq l-għatba ta’ kunvent ftit tal-ġranet ilu taħsadna. Għalkemm fortunatament dawn huma każijiet rari f’pajjiżna, xorta huma episodji li għandhom iġiegħluna nirriflettu. Qabel xejn ma għandnix dritt li niġġudikaw l-emozzjoni ta’ dik l-omm li waslet biex tagħmel att daqstant estrem bit-tarbija tagħha. Ħadd minnha ma jista’ jiġġudika l-każ jekk ma nafux iċ-ċirkostanzi kollha.

Fil-verita’ dik l-omm xorta riedet li bintha tgħix, u għalkemm jidher li ma kellhiex il-mezzi biex tgħajjixha, tatha l-ħajja u fdatha f’idejn li żgur se jkomplu jduru bit-tarbija. Aktar u aktar issa li nstabet familja li lesta tieħu ħsiebha.

Dan l-episodju fakkarni f’artiklu li qrajt dan l-aħħar fil-ġurnal Taljan Avvenire fejn jingħad li l-operat ta’ Ċentri favur il-ħajja li hemm inwaqqfin madwar l-Italja kollha s’issa waslu biex mill-1975, mal-130,000 tarbija ġew salvati mill-abort.

L-abort huwa l-aktar att estrem li jista’ jitwettaq minn ġenitur jew ġenituri ta’ tarbija. Skont din l-istatistika joħroġ li man-nofs miljun omm ukoll ġew assistiti mill-volontarji ta’ dawn iċ-Ċentri u nstab li kawżi mill-aktar komuni li jwasslu għall-abort huma problemi soċjali, ekonomiċi, u psikoloġiċi.

J’Alla t-tarbija, li ġiet abbandunata u li issa ngħatat l-isem Carla, ssib il-wens li kull tarbija tingħata. J’Alla l-omm biologika tat-tarbija Carla wkoll issib l-wens u l-kuraġġ biex għada pitgħada tersaq ‘l quddiem u tirrikonoxxi lil bintha. U fuq kollox j’alla Carla sservi ta’ eżempju favur il-ħajja.

Nov 8, 2011

Frott artna

Fil-laqghat li jkolli mal-ghaqdiet tal-bdiewa kont ili nghid li nirrabja ghall-fatt li meta mmur nixtri, nista nsib pakkett ta’ insalata ta’ haxix ta’ barra mqatta u f’porzjon ghal familja zghira, izda ma nsibx nixtri pakkett ta’ insalata bil-haxix lokali. Kont ili nhambaq li l-konsumatur ta’ llum f’pajjizna m’ghadux il-konsumatur ta’ 10 snin ilu. Illum id-daqs ta’ familja huwa 3-4 persuni, b’aktarx il-missier u l-omm jahdmu. Meta jigu lura mix-xoghol iridu jsajru bil-hatfa u allura jekk jistghu isibu pakkett b’haxix diga mqatta, mahsul u fid-daqs li ghandhom bzonn, allura dak se jixtru. Zgur mhux se joqghodu jqattghu u jqaxxru l-haxix fil-ftit hin li jkollhom, jekk kapaci jsibu alternattiva ta’ kwalita’.

Ghal din id-domanda mis-suq issa wiegbu zewg nisa, Joyce u Marthese, permezz tal-kumpanija taghhom FrottArtna. Zewg nisa bdiewa li gharfu jirrispondu ghas-suq anke bl-ghajnuna tal-membri tal-familja taghhom li jaghtuhom daqqa t’id. Nhar il-Hadd filghodu hadt gost immens nattendi ghal-launch tal-prodotti taghhom waqt l-attivita’ Vivanda li saret f’Ta’ Qali. Prodott frisk ippakjat f’packaging pulit u li jolqot l-ghajn. B’window trasparenti li turik ezatt il-kwalita’ ta’ dak li qed tixtri. Porzjon ta’ insalata jew cole slaw, inkella haxix imqatta u mhallat biex taghmel soppa.

FrottArtna hadet hsieb tirrispondi wkoll ghall-htigijiet anke tar-ristoranti billi qed tiprovdi pakketti ta’ qis akbar. Pakketti bhal dawn bi prodotti lokali fil-fatt ilhom ftit fis-suq, izda ssa FrottArtna qed iwessghu l-ghazla. Minn qalbi nawgura l-aqwa success lil Joyce u Marthese, ghax success ghalihom ikun ifisser success ghall-bdiewa li jiprovduhom bil-prodotti friski kuljum mill-ghelieqi taghhom. taw lill-konsumatur ta’ pajjizna li jaghzel il-haxix ta’ pajjizna.

Nov 4, 2011

KRIZI vs krizi

Tqum filgħodu u tara l-aħbarijiet li fuq stazzjonijiet barranin – BBC, CNN, Al Jazeera, li trid – ma tismax ħlief bil-problemi kbar ta' pajjiżi bħall-Greċja li qegħdin f'xifer l-irdum tal-falliment. Ma nisimgħux ħlief bil-problemi saħansitra akbar li jkollha tiffaċċja d-dinja jekk il-Greċja tfalli u magħha tiġbed ħafna banek li silfuha l-flus. Ma nisimgħux ħlief bil-problemi li jista' jkun li jiffaċċjaw pajjiżi ferm akbar mill-Greċja, bħal Spanja u l-Italja.

Il-mexxejja tal-aktar 20 pajjiż importanti fl-ekonomija dinjija ltaqgħu f'Cannes u ddiskutew din il-kriżi kbira li ġejja mill-fatt li l-gvernijiet tal-Greċja ilhom 50 sena jonfqu aktar milli jdaħħlu. Fil-Greċja stess, il-Prim Ministru Papandreou ssorprenda lil kulħadd bil-proposta ta' referendum, u s-swieq għoddsu. Il-viċi ta' Papandreou u Ministru tal-Finanzi Venizelos daħal l-isptar bi stress qawwi, imbagħad qal ċar li l-Greċja trid tieħu azzjoni issa u mhux toqgħod tilgħab b'referendum li aktarx ma jgħaddix.

L-idea li xi pajjiż kbir u bil-għaqal jista' jsalva lid-dinja minn din il-kriżi hi biss ħolma. Iċ-Ċina għandha ħafna riżervi għax tfaddal, imma minkejja ħafna tbassir li ċ-Ċina tista' tislef il-flus lil pajjiżi bħall-Greċja, fiċ-Ċina nnifisha hemm inkwiet li jekk iċ-Ċina tislef lill-Greċja tista' tispiċċa titlef kollox bħalma se jitilfu l-banek li diġa' silfu lill-Greċja.

Fost dan l-inkwiet kollu, l-ekonomija dinjija għandha quddiemha riċessjoni oħra. Hu għalhekk li pajjiżi bħall-Amerika, ir-Renju Unit, il-Brażil, iċ-Ċina u l-Indja – li ħadd minnhom m'għandu l-ewro – qed jisħqu bil-qawwa għal soluzzjoni malajr. U waqt li d-dinja fix-xifer.... aħna f'Malta niddiskutu jekk l-Arriva hix qed tagħmel biżżejjed biex taqta' x-xewqa tagħna li jkollna trasport pubbliku aħjar milli kellna għal-aħħar sittin sena u aktar. Servizz li definittivament fadallu x'jitjieb imma fil-verita min jaf kemm hawn gvernijiet jixtiequ li għandhom il-problema tal-Arriva flok il-falliment li qed jiffaċċjaw u l-miżuri li qed ikollhom jieħdu...

Nov 3, 2011

Ħajja ġdida lil tlett irziezet imġarrfa

Fil-granet li gejjin se jibda x-xoghol ta’ restawr fuq tliet irziezet li jinsabu ġewwa l-Buskett, li ilhom snin twal imġarrfa. It-tlett irziezet, ir-Razzett tal-Bagħal, ir-Razzett tal-Ispirtu u r-Razzett tal-Bosk kienu nbnew matul il-perijodu (1636-57) fi żmien il-Gran Mastru Lascaris. Ovvjament apparti li jiġu rrestawrati l-iskop tagħna hu dak li dawn l-irziezet jintużaw għal skop specifiku.

Il-Buskett joffri eko-sistema unika li tinkorpora fiha varjeta ta’ habitats u speċi rari. Il-Buskett hu protett b’numru ta policies filwaqt li kien skedat bħala Grade 1 fl-1996. Hu għalhekk importanti li n-nies isiru aktar konxji minn dan. Biex jgħinna nwasslu l-informazzjoni lill-pubbliku, ħsibna li r-Razzett tal-Bagħal, li hu l-akbar wieħed minnhom it-tlieta, jservi ta’ Ċentru Interpretattiv għall-Viżitaturi.

Minn naha l-oħra r-Razzett tal-Ispirtu se jservi kemm ta’ bażi għar-rangers li se jkunu qed iħarsu l-park kif ukoll ta’ vetrina għall-prodotti agrikoli lokali. Ir-Razzett tal-Bosk se jservi bħala post fejn gruppi żgħar ta’ nies ikunu jistgħu jorganizzzaw laqgħha dwar il-biodiversita u xjenza rurali.

Il-proġett hu stmat li se jiswa aktar minn nofs miljun ewro, b’90% tal-ispejjeż se jitħallsu mill-fondi Ewropej. L-ewwel razzett mistenni jkun lest lejn l-aħħar kwart tas-sena 2012. B’dan l-investiment mhux biss se nkunu qed nagħtu valur lill-wirt storiku ta’ pajjiżna iżda se nkunu qed nżiedu l-potenzjal turistiku taż-żona.

Nov 2, 2011

Hidma favur il-konsumatur

Fl-aħħar xhur saħħaħna aktar il-kollaborazzjoni bejn numru ta’ entitajiet governattivi sabiex ninfurzaw aktar il-kontrolli fuq ikel li jiġi minn barra biex jkun ipproċessat f’pajjiżna. Dan biex ikun żgurat li kull prodott li jmur għall-konsum ikun ta’ kwalita’ u sikur. Is-sigurta’ tal-ikel hi għalina mportanti ħafna u għalhekk bl-ispezzjonijet li qed isiru fejn jirrizulta li qed jiġi mportat ikel b’mod abbużiv jew mhux skont ir-regoli eżistenti, dan jerġa jintbagħat lura minn fejn ikun ġie jew jiġi distrutt. Filwaqt li l-Gvern irid jiżgura li jkun hawn kompetizzjoni f’suq ħieles, il-Gvern huwa mpenjat li jaqta l-abbuż biex is-saħħa tal-konsumatur tkun imħarsa.

Din il-ħidma qed titwettaq b’mod ko-ordinat mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), bil-parteċipazzjoni ta’ Uffiċjali tad-Dwana, tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali, id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji fi ħdan il-Ministeru tiegħi, u bl-assistenza tal-Pulizija. Dan ix-xogħol huwa l-prova tal-impenn tal-Gvern li nwasslu laħam u prodotti oħra ta’ annimali għall-konsum uman iggarantiti li huma liberi minn mard u kontaminazzjoni li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bniedem.

Illum f’pajjiżna kull min jiproduci ikel minn sorsi lokali kellu bilfors jinvesti biex l-istabbellimenti ta’ produzzjoni tiegħu jkunu skond l-istandards ewropej u mhux hekk biss iżda kellu wkoll jinvesti biex jiżgura li l-handling tal-ikel isir skond proceduri accettabli mill-standards ewropej. Għaldaqstant huwa xieraq wkoll li min investa ma jispiccax issa b’detriment għalih jikkompeti ma’ prodotti nferjuri li jiddaħlu f’pajjiżna b’mod abbussiv biex finalment ibagħti wkoll il-konsumatur.

Dan iwassalni ghall-argument ieħor tal-labelling. Għalkemm fl-UE hemm obbligu ta’ labelling, fl-opinjoni tiegħi dan il-labelling ma jiprovdix biżżejjed informazzjoni biex il-konsumatur jkun jista’ jagħmel għażla nformata ħalli jkun jaf eżatt x’qed jixtri. Biex nagħti eżempju: Jekk nixtri tiġieġa jew majjal li jkun ġie njettat b'ammont qawwi ta’ ilma, jien bħala konsumatur għandi dritt inkun naf, u mhux nispicca nixtrih minghalija li dak il-prodott huwa lokali fejn prattici bħal dawn ma jeżiztux.