Feb 9, 2012

Investiment li rrenda

F’dawn il-ġranet il-Prim Ministru u l-Ministru Tonio Fenech żaru l-fabbrika Trelleborg. It-Trelleborg investiet €10 miljun f’erba’ snin. Dan għamlitu waqt li madwarna qed iħabbat il-mewġ u l-maltemp. Għamlitu għax fil-mument l-aktar diffiċli sabet Gvern li kien lest li jgħinha. Il-Gvern intervjena biex jgħin lit-Trelleborg u xi tużżana fabriki oħra, fosthom Toly Products, ST, Methode, Stainless Steel u Guthenberg Press, li bejniethom jimpjegaw l fuq minn 5000 ruh. Meta dawn marru 4-day week fl-eqqel tal krizi ekonomika, il-Gvern beda jħallas il-ħames ġurnata tal-ġimgħa, biex il-ħaddiema jieħdu taħriġ u għenhom jinvestu biex iġibu xogħol ġdid.

B’din il-ħidma salvajna mal-5000 post tax-xoghol. Barra minn hekk gawdew ħafna kumpaniji ohra li jiddependu fuq dawn il fabbriki għax jatuhom ħafna xoghol subcontracted inkella nvoluti indirettament f’marketing, transport u packaging għal dawn il-fabriki. Issa dawn il-kumpaniji qed jerġgħu jaraw tkabbir bl-investiment li sar fihom. It-Trelleborg tħaddem mas-600 ħaddiem li llum jistgħu jkomplu jħarsu ‘l quddiem, meta jaraw lill-kumpanija li timpjegahom tħares ‘l quddiem b’tant fiduċja. Tajjeb wieħed jgħid li l-Gvern seta’ jgħin lit-Trelleborg u l-fabriki l-oħra għax qata’ ċertu nfieq u ħela li kien ilu għaddej, bħalma hu s-sussidju lit-Tarznari u t-transport pubbliku.

Hemm aspett ieħor importanti. Kumpaniji bħat-Trelleborg jagħżlu li jkomplu jikbru f’pajjiżna għax isibu ambjent fejn l-ħaddiema huma mħarrġa. Dan grazzi għall-investiment kbir l-ieħor tal-Gvern fis-settur tal-edukazzjoni bħal dak li ġie nvestit fl-MCAST. Il-verita’ hi li bis-saħħa tal-għażliet tajbin qed noħolqu aktar opportunitajiet u impjiegi.

No comments: