Apr 16, 2012

Jaqbel għall-kelb, jaqbel ghalik.

Il-bieraħ żort attivita li kienet qed titella’ ġewwa ċ-Ċentru San Franġisk għal-ħarsien tal-annimali fejn il-familji kienu mistednin jmorru f’dan iċ-ċentru biex jagħmlu microchip lil-kelb tagħhom. Ma kull microchip li saret il-veterinarji offrew servizz ta’ check up u trattament tal-ħniex b’xejn għal kull kelb. Kien hemm ukoll numru ta’ organizazzjonijiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tal-annimali li tellgħu stands informattivi dwar il-ħidma tagħhom b’risq l-annimali.

Il-Microchip hija ċippa zgħira ħafna injettata taħt il-ġilda tal-kelb. Din hi injezzjoni li ssir bejn l-ispalel (intrascapulae). Din iċ-ċippa jkollha fiha numru t’identifikazzjoni uniku għal kull kelb u b’hekk il-kelb ikun reġistrat fuq sistema nazzjonali. Din iċ-ċippa toffri numru ta’ vantaġġi fosthom f’każijiet fejn kelb jintilef, jitħalla abbandunat, ikun involut f’xi inċident, u f’kull każ ieħor, l-informazzjoni kollha marbuta mal-kelb u s-sid tkun aċċessibbli permezz ta’ apparat li jaqra ċ-ċippa. Sa llum ‘l fuq minn 22,000 kelb ġew reġistrati permezz taċ-ċippa.


Sa l-bieraħ stess ħaddiema tal-Animal Welfare sabu kelb labrador barra, ġabruħ u permezz taċ-ċippa sabu min kien is-sid u rritornaw il-kelb. Każijiet simili qrajna dwarhom ukoll fil-gazetti lokali u internazjonali. Hija faċli li jintilef kelb imma mhux daqstant faċli li jinstab u jkun identifikat jekk mhux permezz taċ-ċippa. Barra hekk wieħed irid jikkonsidra li sistema bħal din għanda sservi ta' deterrent għal min ikun inklinat li jabbandu l-kelb. Sa llum għad għandna wisq klieb abbandunati. Irridu nifhmu li l-klieb mhux biss huma carriers ta' mard, imma meta jkunu flimkien jispiccaw aggressivi fuq annimali oħra u fuq anke nies.

Kien dan il-ħsieb li wassal biex daħħalna regolament li kull kelb sa Ġunju ta’ din is-sena jrid jiġi microchipped. Wieħed jista’ jieħu l-kelb għand Veterinarju tal-għażla tiegħu biex issirlu l-microchip. Il-ħlas hu ta’ €11.80 (VAT inkluż) fil-każ ta’ klieb imsewwija (neutered) u €22.70 fil-każ ta’ kelb/a mhux imsewwi/ja. Din id-differenza qed issir biex tħajjar lis-sidien isewwu l-klieb tagħhom u b’hekk jonqos in-numru ta’ klieb li jistgħu jispiċċaw jiġġerrew fit-toroq. Għal dawn l-aħħar ħamsin sena, kien hemm l-obbligu li tinħareġ liċenzja mill-Pulizija li tiġġedded kull sena bi ħlas annwali ta’ €2.33. dan kien ifisser li kelb li jgħix medja ta’ 12-il sena is-sid kien obblgat li jħallas €28 fuq 12-il snin. Mentri issa il-massimu li jħallas hu €22.70.

No comments: