Feb 4, 2008

Elezzjoni fit-8 ta' Marzu

Tlaqna! Ftit tal-ħin ilu il-Prim Ministru għadu kemm indirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ħabbar il-bidu tat-tiġrija li ser twassal għal Elezzjoni Ġenerali fit-8 ta’ Marzu.

Ħadt pjaċir li waqt l-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru ma naqasx milli jitfa l-emfażi fuq kemm saret ħidma fil-qasam ta’ l-ambjent tul l-aħħar 3 snin u 10 xhur. Semma l-trasformazzjoni tal-miżbla tal-Magħtab f’park ta’ divertiment għall-familji Maltin, ir-rivoluzzjoni fil-mod kif pajjiżna jitratta l-iskart tiegħu, il-ħolqien ta’ spazji rikrejattivi u msaġar ġodda, l-inizjattivi favur l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u r-regolamenti biex jitnaqqas l-inkonvenjent għall-ġirien ta’ siti ta’ kostruzzjoni.

Semma kif biddilna lil pajjiżna f’dan il-qasam b’direzzjoni, b’determinazzjoni u b’investiment minkejja l-mewġ kontra. Qal kif din l-amministrazzjoni poġġiet l-ambjent fil-qalba tal-politika tagħha tant li kienet waħda mit-tliet pilastri – ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-ambjent. Bil-fatti, u mhux bil-kliem dan il-Gvern għaraf li l-ambjent fejn ngħixu jagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja.

Lawrence Gonzi kien realistiku meta għal darba darbtejn qal li għalkemm sar ħafna xogħol fl-ambjent, xorta waħda għad fadal xogħol xi jsir. Dan juri li l-PN mhux biss jaf fejn kien u fejn wasal, iżda jaf ukoll fejn sejjer f’dan il-qasam għax għandu viżjoni fattibbli.

Tkun ħassra jekk wara t-8 ta’ Marzu ma nitħallewx inkomplu nwettqu din il-viżjoni flimkien.

1 comment:

John said...

Issa tlaqna! Ma naqtghux qalbna ghax ir-rekord ta' l-ahhar hames snin kien eccellenti. Ma nahsibx li qatt kien hawn amministrazzjoni li tat daqshekk lill-poplu f'daqshekk qasir zmien! U mhux biss fl-ambjent!