Aug 15, 2011

Bambinella - frotta li toffri opportunita'

Kulħadd jaf kemm f’dan iż-żmien tas-sena l-għelieqi f’pajjiżna bis-saħħa ta’ ħidmet il-bdiewa tagħna jagħtuna frott tajjeb, frisk u ta’ kwalita’. Li frotta mkabbra f’Malta tispiċċa f’suq barra minn xtutna kienet ħolma li grupp ta’ produtturi rnexxielhom isarfu f’realta’. Tlett snin ilu l-katina tas-supermarkets Marks & Spencer bdiet timporta l-bambinella ta’ Malta u tbiegħha fis-suq tar-Renju Unit. M’għandniex xi ngħidu, dan il-prodott ma damx wisq biex indara tant li minn 3,000 kilo ta’ bambinella esportata fl-2009, din is-sena se jkunu esportati mal-10,000 kilo.

Il-bierah filghodu f’Jum Santa Marija, żort lil bidwi Guzi Psaila, flimkien ma’ uliedu Etienne u Leander, f’art fis-Siggiewi fejn ghandu mal-200 sigra tal-bambinella u qed josportha flimkien ma’ seba’ bdiewa ohra. Guzi ghandu wkoll mal-500 sigra tal-hawh u 150 sigra ohra ta’ nuciprisk u langas. 22 tomna ta’ frott f’zona mill-isbah ta’ pajjizna, maghrufa bhala It-Taflija li tigi faccata tas-Salib tal-Gholja. Mill-art ta’ Guzi ggib tahtek parti kbira minn pajjizna.

Waqt li konna nduru Peter Axisa, Kap Ezekuttiv tat-Ta’ Qali Producer Group (TQPG) li tesporta dan il-frott, spjegali li l-ħsieb kien li jkunu esportati mat-12,000 kilo ta’ bambinella iżda minħabba t-temp kif kien f’dawn l-aħħar xhur dan ma kienx possibbli. Hu spjegali wkoll li biex irnexxielhom jibdew jesportaw dawn il-prodotti f’din in-nicca, il-kumpanija kienet u għadha stretta ħafna fuq il-kwalita’. Għalhekk l-t-TQPG tiltaqa’ mal-bdiewa li jkabbru dan il-prodott biex jilħqu l-istandards neċessarji anke skond protokol maqbula mal-M&S.

L-esportazzjoni tal-bambinella toffri opportunita' ohra għall-ħidma tal-bdiewa tagħna li minn mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea, flok beżgħu u qagħdu lura, qamu għall-okkażżjoni u sfruttaw is-sħubija tagħna fl-UE. Inridu nkomplu naħdmu flimkien biex il-bdiewa tagħna jkomplu jagħrfu t-tibdil tas-suq u jkomplu jiprovdu ħaxix u frott frisk u ġenwin skont ix-xewqa tal-konsumatur.

Meta dehret din l-istorja wiehed kiteb hekk fuq timesofmalta.com : “It`s strange we send our best produce out ,and we get rubbish from abroad......”. Issa wiehed irid jifhem li l-bidwi ghandu dritt ibiegh il-prodott tieghu fejn ihossu komdu li jbieghu u ma ghandniex dritt nimponulu f’liema suq ibiegh. Lill-konsumatur Malti tajnih opportunita’ u l-ghazla li jixtri frott u haxix dirett minghand il-bidwi mill-Farmers Market. Ovvjament dan is-suq ta l-opportunita’ lil bidwi wkoll igib prezz aktar xieraq ghal hidmietu. Dan kien pass tajjeb imma jonqosna naghmlu passi ohrajn biex il-konsumatur u l-bidwi jkun moqdi ajhar.

No comments: