Oct 8, 2008

Dinja f’taqlib

Dak li jkun għaddej f’pajjiż partikolari llum malajr jinħass fl-erbat irjieħ tad-dinja. M’għandniex xi ngħidu jekk dak il-pajjiż ikun l-Istati Uniti allura l-effetti globali jinħassu ferm iktar, u ferm aktar malajr. Dak li għaddej bħalissa fid-dinja finanzjarja kellu effett prattikament fuq iċ-ċentri finanzjarji ewlenin u heżżet il-pedamenti ta’ wħud mill-pilastri finanzjarji internazzjonali. Dan kollu jaf il-bidu tieghu fi prattiċi ta’ self fuq propjeta’ fl-Istati Uniti li ma kenux sostenibbli.

Biex wieħed jixtri propjeta’ ħafna drabi jmur jissellef minn bank jew istituzzjoni finanzjarja. Il-bank isellfek il-flus, imbagħad hu jissellef ma’ istituzzjonijiet ta’ investiment speċjalizzati. Sakemm il-prezz tal-propjeta’ kien dejjem tiela’, u sakemm ir-rati ta’ imgħax kienu neżlin jew baqgħu baxxi, ma nqala xejn. Pero l-għawġ beda hekk kif in-nies bdew iħossu l-effetti ta’ rati ta’ imgħax li bdew telgħin mill-ġdid, ekonomija li bdiet tbatti, u allura bdew isibuha diffiċli biex jagħmlu l-pagamenti dovuti, din il-‘magna perfetta’ bdiet tieqaf. Il-banek minn naħa tagħhom bdew iħossu l-problema ta’ likwidita’ u s-sistema finanzjarja daħlet f’ċirku vizzjuż.

Irrid ngħid li r-rispons tal-Gvernijiet, Banek Ċentrali u l-awtoritajiet kien wieħed deċiż u immedjat. Sa’ llum stess għadna kif smajna li l-Banek Ċentrali ewlenin naqqsu r-rati ta’ l-imgħax f’mossa konġunta u rari, pero li tindika kemm id-dinja qed tieħu din il-krizi b’serjeta’.

Jidher li s-sistema finanzjarja Maltija hija mħarsa minn din il-kriżi u l-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin huma esposti b’mod limitat. Dan ma jfissirx li m’għandniex nibqgħu nużaw l-akbar kawtela. Kien dan il-messagg principali tal-Ministru tal-Finanzi, Tonio Fenech, illejla meta ta spjega dettaljata. Hadt gost nisimghu u tghallimt. Ma nistax nghid l-istess fuq l-Deputat Mexxej tal-MLP, Anglu Farrugia, li fid-diskors tieghu bazikament allega li l-istqarrija tal-Ministru Fenech hija paraventu ghall-falliment ekonomiku tal-Gvern !

No comments: