Oct 20, 2008

Promozzjoni ta' prodotti lokali

Il-gimgha l-ohra ħadt sehem fl-ewwel laqgħa ta’ kumitat li waqqaft apposta biex jgħinha fil-promozzjoni tal-prodott lokali. Nemmen li aħna għandna prodott mill-aqwa, uniku, u fl-istess waqt nibza li kultant ma nieħduhx ħsiebu bizzejjed.

Fis-snin li għaddew, bħala Ministeru responsabbli, konna ġa bdejna xi inizjattivi fosthom logo ‘Naturalment Malti’ kif ukoll kampanja ta’ informazzjoni dwar diversi prodotti tipiċi Maltin u issa rrid li nkomplu nibnu fuq dawn l-inizjattivi. Kull meta nsiefer, u ċert li din hi esperjenza li jgħaddi minnha kulħadd, ninnota kemm pajjizi barranin jiddelettaw bil-prodott tipiku tagħhom. Jagħmlu sew pero għalfejn m’għandniex nagħmlu hekk aħna wkoll?

Il-Kumitat qed jitmexxa minn Matty Cremona (ara ritratt) li hija awtur ta' numru ta' kotba fuq il-prodotti u l-ikel Malti. Hassejt il-htiega li nwaqqaf dan il-kumitat, anke minhabba l-isfidi li qed jiffaċċja l-prodott tagħna prinċipalment minħabba l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli. Meta ndirizzajt lil kumitat ghidt li dan għandu jara, fost affarijiet oħrajn, kif jista’ jindirizza dawn l-isfidi billi juri kif tista tkun imtejba d-dehra tal-prodott lokali u jsib ukoll niċeċ ta’ fejn il-prodott lokali jista’ jkollu suċċess.

Il-Kumitat jiġbor fih rapprezentanza wiesa’ mis-settur agrikolu, kif ukoll minn nies mill-qasam tal-promozzjoni u marketing u nies li għandhom għal qalbhom il-prodott u l-kċina Maltija.

Ninnota b’sodisfazzjon l-għarfien dejjem jikber għall-prodott Malti. Infaħħar lid-diversi Kunsilli Lokali u għaqdiet lokali li donnhom daħlu f’taqtiegħa pozittiva bejniethom ta’ min ser jorganizza l-aqwa attivitajiet favur il-prodott lokali. Is-Sibt l-iehor zort l-attivita’ Casal Fornaro f’Ħal Qormi, attivita’ li ssellem it-tjubija tal-ħobza Maltija. Ċert li dan l-għarfien dejjem jikber għandu jkompli jtina l-kuraġġ biex inkomplu ngħollu l-livell, it-tjubija u l-imħabba lejn il-prodott lokali.

No comments: