Apr 8, 2009

Trasparenza u akkontabilita’

Rapporti dwar allegati frodi huma dejjem destinati li jagħmlu ħoss. Meta l-istejjer ikunu dwar settur tant għal qalb il-poplu, kif inhu l-ħarsien tal-annimali, allura l-interess żgur li se jikber u l-attenzjoni tal-pubbliku tikber. Nifhem ukoll id-dilemma ta’ min iħossu tradut abbażi tal-allegazzjonijiet imxandra wara li ta donazzjonijiet u għajnuna oħra lill-għaqdiet tal-voluntiera.

L-interess fl-annimali u fil-ħarsien tagħhom kiber drastikament fl-aħħar snin. Dan hu dovut għal numru ta’ raġunijiet, ewlenin fosthom in-numru dejjem jikber ta’ voluntiera li jagħtu ħinhom u saħħithom, mingħajr ebda ħlas, biex jaraw li l-annimali, speċjlament dawk bla sidien ma jinħaqrux u jgħixu f’ambjent diċenti. Il-fatt li l-Gvern investa f’dan is-settur, kemm finanzjarjament kif ukoll f’tisħiħ ta’ riżorsi, ukoll għen biex kompliet titqajjem kuxjenza. Dan l-investiment jinkludi l-bini ta’ Ċentru għall-Ħarsien tal-Annimali f’Ta Qali, finanzi għal titjib fis-santwarji u finanzi għal kampanji ta’ neutering ta’ annimali li jgħixu fit-toroq.

Ir-rapporti dwar allegati frodi fuq wieħed mill-voluntiera l-aktar prominenti kien għalhekk sajjetta fil-bnazzi għal uħud. Kienu wkoll ix-xoqqa f’moxtha biex ifakkruna f’kemm hu importanti li niżguraw li l-flus li ghaqdiet bhal dawn jigbru minghand il-pubbliku jkunu vverifikati li qed imorru għal kawża l-ġusta.

Irrid nirringrazzja minn qalbi l-ħidma li qed titwettaq minn Dr Mario Spiteri u n-nies tiegħu fit-tmexxija tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali. Mario qed imur hu personalment biex jaġixxi fuq klieb u qtates u l-apprezzament tiegħi huwa xieraq. Għaddej ukoll xogħol biex fil-ġimgħat li ġejjin inkunu f’pożizzjoni li nħabbru aktar servizzi u faċilitajiet favur il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.

No comments: