Apr 7, 2009

Viabilita'

Il-kritika hija aspett importanti fil-politika. Trid u ma tridx, il-kritika hija waħda mill-għodod l-aktar użati mill-politiċi. Ngħid għalija l-kritika ma ddejjaqnix sakemm tkun oġġettiva u realistika.

Fil-kuntest ta’ kritika, wieħed ma jistax ma jikkummentax fuq il-fatt li l-Alternattiva Demokratika spiss tkun minn ta’ quddiem nett biex tikkundanna proġetti ta’ fejda ambjentali u t’importanza nazzjonali meta l-anqas biss ikun nbeda l-proċess tal-MEPA. L-aħħar każ huwa l-proġett propost tal-windfarms fis-Sikka l-Bajda.

L-uffiċjali tal-AD għandhom jistennew ukoll li jsir il-proċess tal-Environment Impact Assessment (EIA) qabel ma jesprimu ruħhom fuq il-vjabilita’ ambjentali tal-proġett li kif suppost li taf tajjeb l-AD, huwa t'importanza fundamentali biex pajjiżna jasal biex jilħaq il-miri ta’ 10% tal-enerġija ta’ pajjiżna li tkun iġġenerata minn sorsi nodfa sal-2020.

Huwa faċli li tikkritika, kif qed tagħmel l-AD, u fl-istess waqt donnhom jinsew il-kuntest tad-diffikultajiet li jeżistu f’Malta, ewlenin fosthom huwa l-limitazzjonijiet tat-territorju u l-fatt li tagħmel x’tagħmel se jkun ikkawżat impatt. Minflok tikkritika, l-AD imissha tkun proattiva u minn ta’ quddiem nett biex tipproponi hi wkoll soluzzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Gvern u minn nies tekniċi tiegħu. Minflok ma jimxi waħdu, l-Gvern qabbad nies esperti u tekniċi, inkluż ambjentalisti ta’ esperjenza u flimkien magħhom ikkunsidra numru ta’ punti u wara fassal il-proposta tiegħu.

Jekk ma jintlaħqux dawn il-miri ma jkunx falla l-Gvern imma l-pajjiż kollu, inkluż l-uffiċjali tal-AD. Ikun tilef il-Gvern, ikun tilef il-pajjiz u fuq kollox ikun tilef l-ambjent.

No comments: