Aug 22, 2009

Industrija sinifikanti

L-industrija tal-akwakultura f'Malta llum tesporta madwar €100 miljun fis-sena li 85% minnhom hi esportazzjoni tat-tonn u 15% bejn awrat u spnott. Din l-industrija llum qed timpjega nies fuq bażi part-time jew full-time li meta tpoġġihom flimkien ilaħħqu madwar 1,000 impjieg full-time. Zewg cifri li jimpresjonawk.

M’għandniex xi ngħidu, hija wkoll industrija sensittiva ferm peress li topera f’ambjent, li hu l-baħar, u tirrigwardja speċi li huma wkoll sensittivi. Huwa għalhekk fundamentali li nsibu bilanċ sostenibbli biex din l-attivita’ tant ekonomikament importanti għalina ntuha futur u spazju fejn tikkompeti u tikber u fl-istess hin naraw li nnaqqsu l-impatt taghha fuq l-ambjent.

Malta dejjem qieset din l-industrija bħala waħda ta’ importanza kbira u dan illum qed jgħinna biex żammejna l-kompetittivita’ tagħna minkejja kompetizzjoni dejjem tikber f’dan is-settur. Aħna għandna wkoll il-vantaġġ li l-operaturi ewlenin f’dan is-settur illum huma magħquda f’assoċjazzjoni u dan qed jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-operaturi. Irrid nghid li l-industrija li laħqet livell għoli ta' teknoloġija u l-operaturi Maltin qed jaghmlu sforzi biex jaraw fejn jistgħu jkomplu jtejbu l-operat tagħhom.

Għalkemm ir-riżorsi tagħna f’dan il-qasam huma limitati, xorta għandna fost l-aqwa esperti f’dan is-settur. Bhalissa Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, qed tieħu sehem attiv f’esperiment fejn qed issir riċerka dwar kif it-tonn ikun jista’ jitfaqqas fi stat ikkontrollat. Kieku dan isehh, ikun zvilupp sinifikanti hafna.

No comments: