Aug 7, 2009

Serjeta’ u infurzar

Uffiċjali mid-Direttorat tas-Sajd tal-Ministeru tiegħi l-bieraħ wettqu azzjoni ta’ infurzar fuq fishfarm partikolari. Dan seħħ wara li spezzjonijiet kostanti wasslu biex kien stabbilit li kwantita’ ta’ tonn maqbuda minn lanċa Marokkina u li kienet qed titkabbar f’fishfarm lokali kienet illegali għax il-lanċa kienet qabżet il-kwota tagħha.

B’kollox inħellsu hut li jiżnu maż-żewġ tunnelatti w nofs u li għandhom valur fis-suq ta’ madwar €50,000. L-industrija tat-tonn hija waħda importanti, mhux biss għal pajjiżna. It-tonn hija speċi rikjesta ħafna, speċjalment f’pajjiżi Asjatiċi u għalhekk jeżisti riskju li dan iwassal biex il-ħuta tkun maqbuda f’livelli li ma jiggarantux is-sostenibbilta’ tagħha. Fil-fatt, rapporti ta’ xjenzati wrew kif l-ispeċi kienet qed tiffaċċja kriżi jekk ma jittieħdux passi immedjati. Irridu nagħmlu minn kollox biex inaħarsuha pero dan bl-ebda mod ma jfisser li aħna mhux se nkunu attenti biex niżguraw li r-regolamenti rilevanti jkunu osservati.

Pajjiżna huwa membru attiv fil-Kummissjoni Internazzjonali li tħares it-Tonn, l-ICCAT, u aħna impenjati li nħarsu r-regolamenti. Il-Gvern jemmen f’bilanċ u sostenibilita’ u aħna dejjem ressaqna proposti f’dan is-sens. Fl-aħħar xhur saħħaħna l-kapaċita’ amministrattiva tad-Direttorat tas-Sajd, fatt rikonoxxut ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, biex niżguraw li pajjiżna qed jilqa’ għall-obbligi tiegħu. Il-ħarsien tar-regolamenti huma l-aqwa garanzija ta’ futur sostenibbli għal dan is-settur.

No comments: